Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FL-OKKAŻJONI TAL-
V ASSEMBLEA ĠENERALI TAS-SUPERJURI ĠENERALI (UISG)

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Kappella Sistina
L-Erbgħa 14 ta’ Novembru 1979

 

Għeżież Ħuti fil-Mulej.

Huwa għalija ferħ kbir li llum niltaqà magħkom, rappreżentanti artikolarment awtorizzati tal-ikbar rikkezza li tikkostitwixxi fil-Knisja l-ħajja reliġjuża, Infatti, permezz ta’ din tiġi offruta xhieda partikolarment evidenti ta’ dak li tfisser id-donazzjoni totali għall-imħabba u għas-servizz ta’ Alla. Jiena kuntent fl-istess ħin li nara u nsellem fikom bħala x-xbieha tal-universalità tal-Knisja: intom tirrappreżentaw hawn il-Kontinenti kollha, id-diversi kulturi, intom timmanifestaw flimkien ir-realiżżazzjoni multiformi tat-tweġiba għas-sejħa tal-Mulej. Permezz tagħkom nixtieq nerġà nsostni lir-reliġjużi kollha l-apprezzament u l-kunfidenza li l-Knisja għandha fihom, mhux biss għall-apostolat intelliġenti, kostanti, ġeneruż, imma ferm iktar għall-ħajja ta’ konsagrazzjoni u ta’ dedikazzjoni ħafna drabi moħbija, ta’ aċċettazzjoni ferrieħa u kuraġġuża tal-provi u diffikultajiet inevitabbli. Jiena nitlobkom biex tittrażmettu l-barka speċjalissma tiegħi lis-Sorijiet kollha mimlijin esperjenza u għajjiena fil-ġisem u fl-ispirtu, lill-anzjani, lill-morda, li ħajjithom ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju hija għall-Knisja, għall-Papa u l-Poplu ta’ Alla valur prezzjożissmu, irrinunċjabbli, uniku.

Nixtieq inkompli li din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika flimkien mal-Papa tikkostitwixxi għal kull waħda minnkom waqt benefiku ta’ nkuraġġiment u ta’ konsolazzjoni fit-twettiq ta’ impenn dejjem iktar esiġenti, spiss akkumpanjat mis-sinjal tas-Salib u ta’ solitudni doloruża, u li jitlob min-naħa tagħkom sens profond ta’ responsabiltà, ġenerożita mingħajr dgħufiji u u telf, nisi kostanti tagħkom infuskom. Infatti, intom għandkom issostnu u tiggwidaw lil Ħutkom f’dan il-perijodu post-konċiljari, bla dubju għani b’esperjenzi ġodda, imma wkoll hekk espost għal żbalji u devjazzjonijiet, li intom tfittxu li tikkoreġu. Hija magħrufa l-evoluzzjoni pożittiva ta’ dawn l-aħħar snin fil-ħajja reliġjuża, interpretata bi spirtu aktar evanġeliku, iktar ekkleżjali u iktar apostoliku; madankollu, ma tistax tinjora li ċerti għażliet konkreti, ukoll jekk suġġeriti minn intenzjoni tajba, imma mhux dejjem imdawla, ma offrewx lid-dinja  l-immaġni awtentika tal-Kristu, li r-reliġjuża għandha tirrendi preżenti fost il-bnedmin.

Waqt li intom miġburin madwar l-Altar biex iġġeddu l-offertà ta’ Kristu lill-Missier, intom tħossukom mistiedna b’mod intimu biex tirripetu, ukoll f’isem Ħutkom, il-konsagrazzjoni tagħkom infuskom, li, diġa mibdija bil-Magħmudija, kienet magħmula definittiva u perfetta permezz tal-voti reliġjużi.

1. Ilqgħu għalhekk l-ewwel eżortazzjoni tiegħi għat-talb ardenti u perseveranti, sabiex tirriżulta dejjem iktar evidenti l-importanza tal-vokazzjoni reliġjuża u l-bżonn li napprofondixxu l-valur essenzjali, fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà. L-istorja personali, infatti, ta’ kull reliġjuża, hija ffokata fl-imħabba sponsali għal Kristu, u għalhekk hi, immudellata mill-ispirtu tiegħu, tirregalalu ħajjitha kollha, waqt li tagħmel tagħha is-sentimenti tiegħu, l-ideali tiegħu u l-missjoni tagħha ta’ karità u ta’ salvazzjoni. Bħal ma diġa għidt lir-reliġjużi nisa tal-Irlanda: “Ebda moviment tal-ħajja reliġjuża ma jkollu valur kemm-il darba ma jkunx fl-istess ħin moviment lejn l-intern, lejn iċ-ċentru profond tal-eżistenza tagħkom, fejn Kristu għandu l-għamara tiegħu. Mhux dak li tagħmlu li jgħodd l-iktar, imma dak li intom bħala nisa kkonsagrati lill-Mulej” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad Sacerdotes, religiosos et religiosas Hiberniae, 1 ta’ Ottubru 1979).

Itolbu sabiex kull Soru, waqt li tgħix bil-ferħ r-rapport uniku u fidil tagħha ma’ Kristu, issib fil-konsagrazzjoni tagħha it-twettiq l-iktar għoli tal-propja realtà karatteristika ta’ mara, kollha mitfugħa għad-donazzjoni tagħha nfisha. Itolbu b’mod fiduċjuż sabiex kull Istitut ikun jistà jissupera b’mod aġevoli d-diffikultajiet propji ta’ tkabbir u ta’ perseveranza u sabiex ir-riunjoni annwali tagħkom tikkontribwixxi għal perfezzjonament dejjem ulterjuri tal-Kongregazzjonijiet individwali li għalih tappartienu.

Itolbu, fl-aħħarnett, bla ma taqtgħu għall-vokazzjonijiet reliġjużi: l-ideal tal-ħajja kkonsagrata, don immens u gratwit ta’ Alla, jeżerċita attrattiva dejjem iktar kbira fuq ħafna żgħażagħ, estiżi lejn it-twettiq iktar għoli u iktar nobbli.

It-tema magħżula mis-Sagra Kongregazzjoni għar-Reliġjużi u l-Istituti Sekolari għal-Laqgħa Plenarja li jmiss: “Id-Dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja reliġjuża”, hija okkażjoni privileġġjata biex tapprofondixxi l-valur fundamentali tat-talb. Għal dan il-għan, feħsiebni nindirizza ħsieb ardenti u ta’ barka lis-Sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva, li niżżi ħajr minn qiegħ qalbi għat-talb tagħhom intens u kostanti, li jikkostitwixxi għajnuna insostitwibbli fil-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja.

2. It-tieni eżortazzjoni tiegħi issa trid tkun stedina biex timpenjaw ruħkom għal xhieda reliġjuża marbuta ma’ żmienna.

Wara s-snin ta’ esperjenza, indirizzati għall-aġġornament tal-ħajja reliġjuża, skont l-ispirtu tal-Istitut propju, wasal il-waqt li nivvalutaw b’mod oġġettiv u umli t-tentattivi mwettqa, biex nagħrfu mill-ġdid l-elementi pożittivi, d-devjazzjonijiet eventwali, u fl-aħħarnett biex inħejju Regola ta’ ħajja stabbli, approvata mill-Knisja. Li trid tikkostitwixxi għas-Sorijiet kollha stimolu għal għarfien iktar approfondit tal-impenji tagħhom u għal fedeltà ferrieħa fl-għixien tagħhom.

L-ewwel xhieda tkun dik ta’ sapport filjali u ta’ fedeltà kostanti lill-Knisja, għarusa ta’ Kristu. Dan l-irbit mal-Knisja għandu juri ruħu fl-ispirtu tal-Istitut tagħkom u fid-dmirijiet ta’ apostolat,għaliex il-fedeltà lejn Kristu ma’ tistà qatt tinfired mill-fedeltà lejn il-Knisja. “Is-sapport ġeneruż u żeluż tagħkom għall-Maġisteru awtentiku tal-Knisja huwa garanzija għall-fertilità ta’ kull apostolat tagħkom u għall-interpretazzjoni eżatta tas-sinjali taż-żminijiet” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad religiosas Civitatum Confoederatarum Americae Septentrionalis, 8 ta’ Ottubru 1979).

B’imitazzjoni ta’ Marija, Verġni tal-qalb dejjem disponibbli għall-kelma ta’ Alla, għandkom issibu s-serenità tagħkom interna, il-ferħ tagħkom, fid-disponibiltà għall-kelma tal-Knisja u ta’ dak li Kristu qiegħed bħala l-Vigarju tiegħu fid-dinja.

It-tieni xhieda tkun dik tal-ħajja komunitarja. Din, infatti, hija element important tal-ħajja reliġjuża; hija karatteristika li sa mill-oriġni kienet migħuxa mill-persuni reliġjużi, għaliex l-irbit spiritwali ma jistax joħloq lilu nnifsu, jiżviluppa ruħu u jipperpetwa ruħu jekk mhux permezz ta’ rapporti ta’ kuljum u mtawlin. Tali ħajja komunitarja, fil-karità evanġelika, hija marbuta b’mod strett mal-misteru tal-Knisja, li huwa misteru ta’ komunjoni u ta’ parteċipazzjoni, u ta’ prova tal-konsagrazzjoni tagħkom lil Kristu. Iddedikaw kull impenn u attenzjoni sabiex din il-ħajja komunitarja tkun aġevolata u maħbuba, hekk li ssir mezz prezzjuż ta’ għajnuna reċiproka u ta’ twettiq personali.

Fl-aħħarnett, bħal ma drabi oħra kelli l-okkażjoni li ngħid, xhieda aħħarija partikolari hija wkoll dik it-tonka reliġjuża. Fil-fatt, din tikkostitwixxi sinjal evidenti ta’ konsagrazzjoni totali għall-ideali tas-Saltna tas-Smewwiet, waqt li nikkunsidraw dejjem iċ-ċirkustanzi kollha meħtieġa, bħal per eżempju dawk tat-tradizzjoni, tad-diversi oqsma ta’ impenn apostoliku, tal-ambjent, eċċ.; huwa sinjal, ukoll, id-distakk definittiv tal-interessi umani u terreni biss; huwa wkoll sinjal ta’ povertà migħuxa u maħbuba b’mod ferrieħ f’abbandun fiduċjuż għall-azzjoni  providenti ta’ Alla.

Għeżież Superjuri Ġenerali. Intom jeħtieġ tassumu d-dmir delikat u kultant diffiċli, imma wkoll tant prezzjuż, li tippromwovu fost ir-Reliġjużi dak kollu li jistà jikkontribwixxi għall-għaqda tal-ispirti u tal-qlub. Ħajja fraterna, żeluża u awtentika hija ndispensabbli sabiex ir-reliġjużi jkunu jistgħu jegħlbu b’mod dejjiemi l-obbligi,  it-taħbit u d-diffikultajiet li tinvolvi ħajja ta’ konsagrazzjoni u ta’ apostolat fid-dinja tallum.

Id-dmir tagħkom fit-twettiq feliċi ta’ tali ħajja mxenxla profondament fuq il-valuri evanġeliċi, terġà tilbes importanza prominenti. L-eżerċizzju tal-awtorità, fi spirtu ta’ servizz u ta’ mħabba lejn is-Sorijiet kollha, huwa dmir vitali, ukoll jekk diffiċli u jitlob mhux ftit kuraġġ u dedikazzjoni. Is-Superjura għandha d-dmir li tgħin lir-reliġjuża biex dejjem twettaq b’mod iktar perfett il-vokazzjoni tagħha. Hija ma tistax taħrab minn dan id-dmir bla dubju diffiċli imma ndispensabbli .

It-twettiq ta’ tali dmir jitlob talb kostanti, riflessjoni, konsultazzjoni, imma wkoll deċiżjonijiet kuraġġużi, fil-kuxjenza tar-responsabiltà propja quddiem Alla, għall-Knisja u għall-istess Reliġjużi li jattendu dan is-servizz. Id-dgħufija bħall-awtoritariżmu jikkostitwixxu devjazzjonijiet ugwalment ta’ ħsara għall-ġid tal-erwieħ u għax-xandir tas-Saltna.

3. Waqt li nikkonkludi, nħeġġiġkom b’imħabba: ikollkom fiduċja. Kunu dejjem qalbiena fid-dedikazzjoni reliġjuża tagħkom, taqtgħux qalbkom minħabba diffikultajiet eventwali, min-nuqqas ta persuni, mill-inċertezzi li jistgħu jgħabbu l-futur. La tiddubitawx il-validità tal-forom ippruvati tal-apostolat fil-qasam tal-edukazzjoni ġovanili, lejn il-morda, it-tfal, l-anzjani u dawk kollha li jbatu  .

Kunu ċerti li l-Istituti tagħkom jimpenjaw ruħhom sinċerament biex jippromwovu fost ir-Reliġjużi fedeltà ġeneruża kostanti u dinamika għall-esiġenzi tal-ħajja tagħhom ikkonsagrata, il-Mulej, li ma jħallix lilu nnifsu jintrebaħ fil-ġenerożità, jibagħtilkom il-mixtieqa vokazzjonijiet, li intom tistennew għall-miġja tas-Saltna tiegħu.

Attenti għas-suġġerimenti u għall-kliem tal-Gherf, kif jixraq minn persuni msejħa biex jiżvolġu responsabiltà għolja ta’ tmexxija, u grazzi lil Alla, flimkien ma’ Ħutkom kollha, għall-vokazzjoni speċjali li rċivejtu, imxu b’fiduċja serena fit-triq tal-impenn tagħkom ta’ konsagrazzjoni totali lil Kristu u lill-erwieħ. Tikkonfortakom u ssostnikom Marija Santissma, Omm.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb