Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

BEATIFIKAZZJONI TAS-SAĊERDOT SPANJOL
ENRIQUE DE OSSÓ Y CERVELLÓ

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU PAOLO II

Il-Ħadd, 14 ta’ Ottubru 1979

 

Meqjumin Ħuti u maħbubin uliedi subien u bniet.

1. Dalgħodu l-Knisja tintona kant ta’ ferħ u ta’ tifħir lill-Mulej. Dan huwa l-kant tal-Omm li tiċċelebra t-tjubija u l-ħniena divina, waqt li tipproklama Beatu iben distint, li ddistingwa ruħu għall-virtujiet insara prominenti: is-Saċerdot Enrique de Ossó y Cervelló, glorja tal-maħbuba Spanja, art tal-Qaddisin.

Biex jassistu għall-glorifikazzjoni tal-Beatu l-ġdid inġabru hawn f’din il-Bażilika ta’ San Pietru għadd kbir ta’ kompajeżani tiegħu. Merħba bikom ilkoll, Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u fidili Spanjoli hawn preżenti, kif ukoll intom li ġejjin mill-postijiet kollha fejn tferrex il-ġid tal-Beatu Enrique de Ossó, u fejn nibet b’qawwa l-għarfien u l-apprezzament għall-persuna tiegħu u l-opra tiegħu.

Imma b’mod speċjali merħba bikom lilkom, Reliġjużi tal-Kumpanija ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, li ġejtu hawn flimkien mal-istudenti attwali u dawk antiki, ġejjin minn diversi postijiet u Pajjiżi tal-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika, biex toffru qima ardenti ta’ devozzjoni u fedeltà mġedda lill-Missier fundatur tagħkom.

Ippermettuli bdanakollu nirriserva kelma ta’ merħba partikolari lir-rappreżentati tad-dijoċesi ta’ Tortosa, u b’mod iktar konkret lil dawk tar-raħal ċkejken ta’ Vinebre, benniena ta’ din il-figura ammirevoli ta’ bniedem u ta’ saċerdot, li l-Knisja illum qiegħda tipproponi għall-imitazzjoni tagħna.

2. Iva, il-Beatu Enrique de Ossó joffrilna immaġni ħajja tas-saċerdot fidil, perseveranti, umli u kuraġġuż quddiem il-kontrarjetà, id-distakk minn kull interess, mimli żelu apostoliku għall-glorja ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ, attiv fl-apostolat u kontemplattiv fil-ħajja straordinarja tat-talb.

U ma kinitx faċli l-epoka li fiha għex, fi Spanja mifruda bil-gwerra ċivili tad-XIX-il seklu u mibdula minn movimenti lajċisti u antiklerikali li riedu bidla politika u soċjali, billi taw saħansitra oriġni għal episodji rivoluzzjonarji mdemma. Huwa madankollu kien jaf iżomm sod u bla biżà fil-fidi tiegħu biex jipproġetta d-dawl tas-saċerdozju tiegħu fuq is-soċjetà ta’ żmienu. B’kuxjenza ċara dwar dik li kienet il-missjoni tiegħu bħala bniedem tal-Knisja, li kien iħobb b’mod profond, bla qatt ma jfittex protagoniżmi umani f’oqsma li kienu barranija għall-kondizzjoni tiegħu, fi ftuħ ghal kulħadd bla distinzjoni, biex itejjibhom u jgħollihom lejn Kristu. Irnexxa fl-iskop tiegħu: “Jiena dejjem ta’ Ġesù, ministru tiegħu, appostlu tiegħu, missjunarju tiegħu ta’ paċi u ta’ mħabba”.

It-tletin sena skarsi tal-ħajja tiegħu saċerdotali taw lok għal żvilupp kontinwu ta’ impriżi apostoliċi immeditati sewwa u mwettqa b’mod ġeneruż, b’fiduċja impressjonanti f’Alla.

Din tiegħu kienet eżistenza magħmula talba kontinwa, li kienet titma lil ħajtu interna u li kienet tifforma parti mill-opra kollha tiegħu. Fl-iskola tal-kbira qaddisa ta’ Avila fehem li t-talb, dan “sinjal ta’ ħbiberija” ma’ Alla, huwa l-mezz meħtieġ biex nagħrfu lilna nfusna u ngħixu skont verità, biex nikbru fl-għarfien li aħna wlied Alla, li nikbru fl-imħabba. Huwa barra minn hekk mezz effikaċi biex jibdel id-dinja.  Għal dan huwa hu wkoll appostlu u għalliem tat-talb. Lil kemm erwieħ għallem jitolbu bl-opra tiegħu il-“Kwarta tat-talb”!

Dan kien is-sigriet tal-ħajja kbira tiegħu saċerdotali, dak li kien iferrħu, jibbilanċjah u jqawwih; dak li kien jagħmel iva li hu, saċerdot, qaddej u ministru ta’ kulħadd, kien jirrispetta u jħobb lil kulħadd, kien iħossu ffortunat li kien dak li kien, konxju li kellu f’idejh rigali li, għalkemm żgħir u ma jiswa xejn, kien joffri mis-superjorità nfinita tal-misteru ta’ Kristu, u li kienu jimlew ruħu b’ferħ indeskrivibbli. Xhieda u lezzjoni tal-ħajja ekkleżjali b’validità sħiħa għas-saċerdot tallum, li fil-Vanġelu biss, fuq l-eżempju tal-qaddisin u fit-tagħlim u n-normi tal-Knisja, u mhux fis-suġġerimenti u t-tejoriji strambi, jistà jsib l-orjentazzjoni sikura biex iżomm l-idedntità tiegħu, biex iwettaq lilu nnifsu għal kollox.

Mill-ġdid għal darb’oħra nixtieq inħeġġeg, f’din l-okkażjoni manifika, lil ħuti saċerdoti maħbuba sabiex joffru lil Kristu id-don totali ta’ ħajjithom, migħuxa b’mod ferrieħi fiċ-ċelibat għas-Saltna tas-Smewwiet u fis-servizz ġeneruż lejn l-aħwa, b’mod speċjali lejn il-foqra, permezz ta’ ħajja kkonċentrata fil-misteru psastorali propju, jiġifieri fil-missjoni speċifika tal-Knisja, ikkaratterizzata minn dan l-istil evanġeliku li esponejt fl-Ittra ta’ Ħamis ix-Xirka tiegħi, u li dwarha tkellimt mill-ġdid fl-laqgħat mill-qalb tiegħi mal-presbiteri, waqt il-vjaġġ tiegħi apostoliku riċenti.

3. Jekk irridu issa nindikaw waħda mill-karatteristiċi l-iktar karatteristika tal-fiżjonomija apostolika tal-Beatu l-ġdid, nistgħu ngħidu li hu kien wieħed mill-ikbar katekisti tad-XIX-il seklu, xi ħaġa li tirrendih attwali sewwa f’dan il-waqt li fih il-Knisja tirrifletti – bħal ma għamlet ukoll fl-aħħar sessjoni tas-Sinodu tal-Isqfijiet – dwar id-dmir li tikkatekizza, li jmiss lil uliedha kollha.

Bħala katekista ġenjali, iddistingwa ruħu għall-kitbiet tiegħu u għall-opra prattika tiegħu: attent li jwassal li jgħarraf, b’mod adegwat, u b’sintonija mal-Maġisteru tal-Knisja, il-kontenut tal-fidi, u li jgħin li jingħex. Il-metodi tiegħu attivi ppermettewlu li jantiċipa konkwisti pedagoġiċi posterjuri. Imma fuq kollox, l-oġġettiv li hu reġà ppropona kien dak li jgħallem u jerġà jqajjem l-imħabba għal Alla, għal Kristu, u għall-Knisja, li hija ċ-ċentru tal-missjoni tal-veru katekista.

F’din il-missjoni huma preżenti l-oqsma kollha: dak tal-infanzja, mal-katekisti indimentikabbli tiegħu f’Tortosa (“għat-tfal għall-qalb tal-bnedmin”); dak tad-dinja żagħżugħa, mal-Assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, li kellhom ċirkulazzjoni kbira; dak tal-familja, bil-kitbiet tiegħu ta’ propaganda reliġjuża, b’mod speċjali ir-Rivista Tereżjana; dak tal-ħaddiema, li fih fittex li jgħarraf id-duttrina soċjali tal-Knisja; dak tal-istruzzjoni u tal-kultura li fih, waqt li kkorreġa l-mentalità tal-epoka, issielet biex jassikura l-preżenza tal-ideal kattoliku fl-iskola, fil-livelli kollha, inkluż dak universitarju. Iddedika lilu nnifsu instankabilment għall-ministeru tal-kelma mitkellma, permezz tal-predikazzjoni, u tal-kelma miktuba, permezz tal-istampa bħala mezz tal-apostolat.

4. Imma fl-impenn tiegħu bħala katekizzatur, l-opra l-iktar għal qalbu, li kkunsmat l-parti l-kbira tal-enerġiji, kienet il-fundazzjoni tal-Kumpanija ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù.

Biex jestendi l-iskala tal-azzjoni tiegħu fiż-żmiren u fl-ispazju; biex jidħol fil-qalb tal-familja; biex jaqdi lis-soċjetà f’epoka li fiha l-kultura kienet bdiet tkun indispensabbli, huwa sejjaħ qribu lin-nisa li setgħu jgħinuh fil-missjoni tiegħu, u ta ruħu għall-impenn li jippreparahom b’attenzjoni. Flimkien ma’ dawn ta bidu għall-Istitut il-ġdid, dawn kellhom jiddistingwu ruħhom għal dawn il-karattri: bħala wlied ta’ żmienna, l-istima tal-valuri tal-kultura, bħala nisa kkonsagrati lil Alla, id-don totali tagħhom għas-servizz tal-Knisja; bħala stil propju ta’ spiritwalità, l-assimilazzjoni tad-duttrina u l-eżempju ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù.

Nistgħu ngħidu li l-Kumpanija ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù kienet, u hekk għadha, bħal katekeżi kbira organizzata mill Beatu Ossó biex tasal għall-mara, u permezz tagħha ddaħħal ħeġġa ġdida fis-soċjetà u fil-Knisja.

Ulied il-Kumpanija ta’ Santa Tereża: ħalluni nġħid li nieħu gost nara li intom iżżommu ruħkom fidili għall-kariżma tagħkom, f tiġdid mitlub mill-waqt attwali, fid-dawl tal-orjentamenti tal-Konċilju Vatikan II u tal-Eżortazzjoni Apostolika Evangelica Testificatio tal-predeċessur tiegħi Pawlu VI. Bi qbil mal-mandat tal-Fundatur tagħkom u l-ispirtu tal-kbira Qaddisa ta’ Avila, kunu ġenerużi fid-donazzjoni totali tagħkom lil Kristu, biex tkunu tistgħu tagħtu frott kbir fil-Pajjiżi tal-missjoni. Jalla l-kondotta tagħkom tirrifletti l-għana ta’ ħajja nterna li fiha ċ-ċaħda hija mħabba; is-sagrifiċċju, effiċjenza apostolika; il-fedeltà, aċċettazzjoni tal-misteru li qegħdin tgħixu; l-ubbidjenza, elevazzjoni soprannaturali; il-verġinità, formazzjoni ferrieħa għall-oħrajn għas-Saltna tas-smewwiet. Kunu quddiem id-dinja, ukoll bis-sinjali esterni, xhieda ħajja ta’ ideali kbar milħuqa, billi tikkatekizzaw, tevanġelizzaw dejjem bil-kelma u bl-azzjoni apostolika; kunu prova ta’ kif, illum bħall-bieraħ, jgħodd in-niket tan-nuqqas ta’ qtugħ tal-ġwienaħ tal-ispirtu propju biex nagħtu lid-dinja attwali -li tant għandha bżonn u li tfittex, kultant bla ma taf – is-serenità tal-fidi, il-ferħ fit-tama, il-kuntentizza tal-imħabba vera. Sabiħ li tgħix għal dan; tgħix hekk il-vokazzjoni propja ta’ mara u ta’ reliġjuża. B’imitazzjoni tal-Verġni Marija, li lilha l-Fundatur tagħkom ipprofessa devozzjoni hekk ħelwa.

5. Għan-nisrani tallum, li jgħix f’ambjent ta’ riċerka mgħaġġla ta’ ideal ġdid tal- bniedem, il-Beatu Enrique de Ossó, l-edukatur nisrani, iħalli messaġġ. Dan il-bniedem ġdid li jfittex lir-Redentur tal-bniedem, ma jistax ikun tali awtentikament mingħajr Kristu. Irid jikkultivah, jedukah, jirrendih kull darba iktar denn fl-aspetti umani polivalenti tiegħu, imma jinħtieġ ukoll jikkatekizzah, jiftħu għal orizzonti spiritwali u reliġjużi, fejn isib il-projezzjoni ta’ eternità, bħala bin Alla u ċittadin tad-dinja tiegħu li tissupera l-preżent.

Bħala qasam wiesà jinfetaħ għall-impenn ġeneruż għall-missirijiet u l-ommijiet ta’ familja; għar-responsabbli u l-professuri fil-kulleġġi u fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim, b’mod speċjali tal-Knisja – li għandhom ikomplu jkunu, bir-rispett dovut għal kulħadd, ċentru ta’ edukazzjoni nisranija –, għal ħafna ex-studenti tagħkom tal-kulleġġi tal-Kumpanija ta’ Santa Tereża, li għadhom qrib tal-għalliema tagħhom ta’ darba; għal tant u tant erwieħ li, mill-postijiet tax-xogħol differenti, privati jew pubbliċi, jistgħu jikkontribwixxu għall-elevazzjoni kulturali u umana tal-oħrajn u għall-formazzjoni fil-fidi! Kunu konxji tar-responsabiltajiet u l-possibiltajiet tagħkom li tagħmlu l-ġid.

6. Intemm dawn ir-riflessjonijiet billi niddedika tislima kordjali lill-membri tal-Missjoni speċjali mibgħuta hawn mill-Gvern Spanjol. Nitlob lil Alla li t-tradizzjoni kattolika tan-Nazzjon Spanjol, li dwaru tant tkellem u kiteb il-Beatu l-ġdid, serva ta’ stimolu fil-fażi attwali tal-istorja tiegħu, u jistà jilħaq għanijiet superjuri, billi jħares b’mod deċiż lejn il-futur, imma bla ma jinsa, imma billi jkompli jfittex li jikkonserva u  jsaħħaħ, l-essenza nisranija tal-imgħoddi, sabiex il-preżent ikun epoka ta’ paċi, ta’ prosperità materjali u spiritwali, ta’ tama fi Kristu Salvatur.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb