Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
GĦALL-ISTUDENTI TAS-SEMINARJU MAĠĠURI TA’ RUMA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Kappella Pawlina, 13 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież Kjeriċi tas-Seminarju Ruman!

Tistgħu timmaġinaw b’liema mħabba u b’liema ansjetà illejla se niċċelebra l-Quddiesa Mqaddsa magħkom u għalikom, fi tmiem l-Eżerċizzi Spiritwali tagħkom u fil-bidu tas-sena akkademika l-ġdida!

Infatti intom il-kjeriċi tiegħi, l-istudenti tas-Seminarju tad-dijoċesi tiegħi ta’ Ruma, li l-Mulej afdali billi rranġa l-elezzjoni tiegħi  bħala  Papa, u jien, kif diġa fi Krakovja u kif kull Isqof ieħor, inqiskom bħal teżor l-iktar prezzjuż, li għandu l-post tiegħu fl-intimu ta’ qalbi u tat-tħassib tiegħi. U wkoll, minħabba l-Attenzjoni u s-servizz tal-Knisja Universali, jekk ikolli, kif diġa dejjem għamlu l-predeċessuri tiegħi, nissottometti parti kbira tal-ministeru dirett lill-Kardinal Vigarju, lill-Viċireġġent u lill-Isqfijiet awżiljarji, intom iżda intom preżenti fit-talb ta’ kuljum tiegħi u fl-ansjetà paterna tiegħi.

Ninsabu hawn miġburin madwar l-altar biex noffru lill-Mulej is-Sagrifiċċju Ewkaristikui u biex nissiġillaw b’mod reali l-intenzjonijiet tal-ħajja, qaddisa u mpenjata, li bla dubju esprimejtu f’dawn il-jiem ta’ silenzju u ta’ riflessjoni.

Waqt li niżżikom ħajr minn qalbi għar-rieda tajba tagħkom u nesprimilkom il-ferħ profond tiegħi għal din il-laqgħa hekk sinifikattiva, nixtieq ukoll nissuġġerilkom xi indikazzjonijiet xierqa f’dan il-waqt speċjali.

1. Żommu fikom b’mod kostanti u passjonat is-sens tal-ferħ għall-verità li tagħrfu. Huwa tassew impressjonanti li taħseb li tippossiedi l-verità, li jiġifieri taf is-sens tal-ħajja umana, is-sinifikat tal-istorja u tal-univers kollu kemm hu, il-mottiv tal-eżistenza li tiżvolġi bejn qċaċet ta’ konkwisti xjentifiċi u abbissi ta’ miżerja u ta’ niket.

U l-verità hija Alla, ħallieq, feddej u benefattur; il-verità hija Kristu, li preċiżament iddefinixxa ruħu “it-triq, il-verità, il-ħajja, id-dawl, l-imħabba, is-salvazzjonmi”; il-verità  hija l-Knisja minnu mixtieqa u msejsa biex tittrażmetti integrali l-Kelma tiegħu u l-mezzi tas-salvazzjoni! U intom tippossiedu, intom tiggustaw dan il-patrimonju tal-għaġeb kollu!

Kemm żgħażagħ ma jippossedux il-verità, u jkaxkru l-eżistenza tagħhom mingħajr “għaliex”; kemm, sfortunatament, wara riċerki vojta u li jgħejjuk, delużi u ddiżappuntati abbandunaw lilhom infushom, u għadhom jabbandunaw ruħhom, għad-disperazzjoni! U kemm irnexxielhom jilħqu l-verità biss wara snin ta’ interrogattivi ta’ diqa tal-qalb u wara esperjenzi patetiċi!

Aħsbu, per eżempju, dwar l-itinerarju drammatiku ta’ Santu Wistin biex jasal għad-dawl tal-verità u għall-paċi tal-innoċenza miksuba mill-ġdid. U liema nifs ħa meta fl-aħħar minn l-aħħar wasal għad-dawl! U għajjat b’nostalġija: “Sero te amavi!”.

Aħsbu dwar it-tbatija li kellu jwettaq iċ-ċelebri Kardinal Newman biex jilħaq bil-qawwa tal-loġika il-Kattoliċeżmu! X’agunija spiritwali twila u ta’ niket! U b’dan il-mod nistgħu niftakru tant figuri oħra distinti, passat u riċenti, li kellhom jissieltu bil-kbir biex jiksbu l-verità.

Imbagħad, huma laħqu fejn intom diġa tinsabu. Infatti intom il-verità tipposseduha, sħiħa, imdawla, konsolanti! Kemm bnedmin igħiru għas-sitwazzjoni tagħkom!

Mela kunu afu tgawdu l-verità, kif jgħid San Tumas; kunu afu tgħixu l-verità u fil-verità; kunu afu tapprofondixxu u tiċċaraw dejjem iktar u dejjem aħjar il-verità fil-ġnub kollha tagħha u fl-esiġenzi filosofiċi, tejoloġiċi, bobbliċi, storiċi, psikoloġiċi, xjentifiċi, soċjali kollha tagħha, għall esiġenza intima tagħkom u biex tkunu ma’ kullimkien “xhieda tal-verità”.

Għandkom iż-żmien, il-kotba u l-għalliema kkwalifikati biex jaffaxxinawkom dejjem iktar dwar il-verità u mbagħad tkunu tistgħu jum fost l-oħrajn tikkomunikawh b’sikurezza u ħila: la titilfux żmien. U fuq kollox la tażżardawx f’oqsma mminati u perikolużi, tkunux intraprendenti u prużuntużi, għaliex huwa faċli li taqgħu fil-konfużjoni u tintrebħu miż-żelu; kunu afu tkunu sensibbli u doċli. Sabiex la taħlu u linqas tagħmlu ħsara lid-don immensament prezzjuż li tippossiedu.

2. Ikollkom is-sens tar-responsabiltà tagħkom. Irriflettu dwar l-“identità tagħkom: intom l-imsejħin, intom il-magħżulin minn Ġesù nnifsu, l-Imgħallem Divin, ir-Ragħaj u s-Salvatur ta’ ruħna, ir-Redentur tal-bniedem! Huwa għażilkom, b’mod misterjuż imma reali, biex jagħmilkom, miegħu u bħalu, feddejja; irid jibdilkom fih, jafdalkom l-istess poteri divini tiegħu… Intom għandkom jum wieħed taġixxu “in persona Christi!”. Għalhekk intom mintomx bħaż-żgħażagħ l-oħra, li għandhom biss quddiemhom l-għanijiet normali tal-karriera, tal-pożizzjoni soċjali, taż-żwieġ, tas-sodisfazzjonijiet terreni, minkejja li b’ideali nsara u wkoll apostoliċi.

Intom differenti, għaliex imsejħa għas-Saċerdozju. U allura tridu tifformolaw ħajjitkom fuq tip ta’ formazzjoni u ta’ responsabiltà prinċipalment ta’ apostolat u ta’ xhieda.

Liż-żgħażagħ miġburin ġo Galway, fl-Irlanda, riċentement kont għidtilhom: “Kristu qed isejħilkom, imma qed isejħilkom għall-verità. Is-sejħa tiegħu hija esiġenti għaliex tistedinkom biex tħallu lilkom infuskom “tinħatfu” minnu kompletament, b’mod li l-eżistenzi kollha tagħkom jidhru f’dawl differenti” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in urbe “Galway” habita, 30 ta’ Settembru 1979).

Jekk dawn jgħoddu għaż-żgħażagħ, iktar u iktar għandhom jgħoddu għalikom, għeżież Kjeriċi! Ħallu lilkom infuskom tinħatfu minn Ġesù u fittxu li tgħixu għalih biss!

Lilkom ukoll irrid nafda dak li għidt lis-Seminaristi Irlandiżi ġo Maynooth: “Il-kelma ta’ Alla hija t-teżor kbir ta’ ħajjitkom… Alla jorbot fuqkom, u l-pjanijiet tiegħu, sa ċertu punt, jiddependu mill-kollaborazzjoni libera tagħkom, mill-offertà ta’ ħajjitkom u mill-ġenerożità li biha intom issegwu l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu fil-fond ta’ qalbkom”. U mill-ġdid: “Intom tħejju ruħkom għad-don totali tagħkom, u għall-pjanijiet tiegħu, f’servizz ta’ Saltnatu. Intom twasslu lil Kristu d-don tal-entużjażmu tagħkom u tal-vitalità żagħżugħa tagħkom. Fikom Kristu huwa eternament żagħżugħ u permezz tagħkom huwa jerġà jagħmel żagħżugħa l-Knisja. La tiddiżappuntawhx!.. Tiddiżappuntawx lill-poplu li qiegħed jistenna li intom twasslulu lil Kristu… Kristu jħares lejkom u jħobbkom” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in “Maynooth” habita, 1 ta’ Ottubru 1979)

3. Fl-aħħarnett: żommu ħaj is-sens tal-Impenn. Intom tixtiequ ssiru saċerdoti jew almenu tixtiequ tiskopru jekk intomx tassew imsejħa. U allura l-kustjoni hija serja, għaliex jeħtieġ li tħejju ruħkom sewwa, b’ċarezza ta’ intenzjonijiet u b’formazzjoni severa. Id-dinja tħares lejn is-Saċerdot, sabiex tħares lejn Ġesù! Ħadd ma jistà jara lil Kristu; imma lkoll naraw lis-Saċerdot, u permezz tiegħu irridu nilmħu lill-Mulej! Kobor immens u dinjità tas-Saċerdot, li ġie msejjaħ b’mod ġust “alter Christus!”.

Għalhekk m’għandkomx titilfu ħin! Infatti huwa meħtieġ impenn kostanti u li jdejjaq fil-formazzjoni tagħkom; impenn fil-formazzjoni ntellettwali u kulturali; impenn fil-formazzjoni axxetika, permezz tal-abitutdni għall-ordni, għall-faqar, għas-sagrifiċċju, għall-mortifikazzjoni, għall-kontroll tax-xewqat propji, waqt li tiftakru fit-twissija dejjem valida tal-Imitazzjoni ta’ Kristu: “Tantum proficies quantum tibi ipsi vim intuleris” (L’Imitazione di Cristo, lib. 1, c. XXIV, n. 11).

Lis-seminsaristi ta’ Filadelfia, wara li kkwotajtilhom l’Optatam Totius (n. 11) jiena ddikkjarajt li s-Seminarju għandu jforni dixxiplina b’saħħitha biex tħejjihom għas-servizz ikkonsagrat: “Meta d-dixxiplina tkun applikata kif imiss, din toħloq atmosfera ta’ ġabra li tqiegħed f’kondizzjoni lis-seminarista li jiżviluppa dawk l-atteġġjamenti li huma tant mixtieqa f’saċerdot, bħall-ubbidjenza ferrieħa, il-ġenerożità, iċ-ċaħda” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in urbe “Philadelphia” habita, 3 ta’ Ottubru 1979).

Impenn fil-formazzjoni tal-karattru propju. Karattru tajjeb huwa tassew teżor fil-ħajja. Kultant saċerdoti mill-aħjar għall-virtù tagħhom u għaż-żelu tagħhom inaqqsu bin-nofs l-effett tal-ministeru minħabba t-temperament bla sabar tagħhom, xejn sabiħ, mhux ekwilibrat. Hemm bżonn għalhekk li niffurmaw karattru tajjeb, miftuħ, komprensiv, paċenzjuż, u għal dan bla dubju tgħin id-direzzjoni spiritwali sinċiera, metodika’ impenn fil-formazzjoni soċjali, billi nagħrfu l-psikoloġija tad-diversi klassijiet u l-esiġenzi tagħhom, billi nakkwistaw possibiltajiet differenti ta’ kuntatt, billi nitgħallmu wkoll inkunu awtosuffiċjenti għal tant ħtiġijiet tal-ħajja.

Għeżież Kjeriċi! Il-Mulej jgħinkom u jakkumpanjakom f’kull jum ta’ din is-sena ġdida ta’ studju u ta’ formazzjoni.

Lilkom ukoll, bħal fil-laqgħa ta’ Maynooth, jien a ngħid: “Dan huwa żmien meraviljuż għall-istorja tal-Knisja. Dan huwa żmien meraviljuż, biex tkun reliġjuż, biex tkun missjunarju ta’ Kristu. Ifirħu fil-vokazzjoni tagħkom” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in “Maynooth” habita, 1 ta’ Ottubru 1979).

Biex tirnexxu fil-ħsieb tagħkom, afdaw lilkom infuskom lil Marija Santissma, dejjem, imma b’mod speċjali fil-waqtiet tad-diffikultà u tal-oskurità. “Minn Marija nitgħallmu nintelqu għar-rieda ta’ Alla fil-ħwejjeġ kollha. Minn Marija nitgħallmu jkollna fiduċja wkoll meta kull tama tkun għabet. Minn Marija nitgħallmu nħobbu lil Kristu, Binha u Bin Alla… Tġħallmu minnha biex tkunu fidili, biex temmnu fit-twettiq tal-kelma ta’ Alla fikom u li xejn mhu mpossibbli għal Alla” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio in Ecclesia Cathedrali Sancti Matthaei in urbe “Washington” habita, 6 tas’ Ottubru 1979).

U tkunilkom ukoll favorevoli l-Barka tiegħi, li b’imħabba profonda nagħti lilkom, lis-Superjuri u lill-Għalliema tagħkom u lill-persuni kollha għeżież..

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb