Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

KIROTONIA EPISKOPALI LILL-ARĊISQOF METROPOLITA L-ĠDID
TA’ PHILADELPHIA TAL-UKRANI MONSINJUR MYROSLAW LUBACHIVSKY

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

It-Tnejn, 12 ta’ Novembru 1979

 

1. Huwa b’emozzjoni kbira li ninsab hawn illum fuq l-altar biex inwettaq, flimkien magħkom, Venerabbli Ħuti, l-att ta’ konsagrazzjoni Veskovili tal- Metropolita l-ġdid ta’ Filadelfia tal-Ukraini.

Ftit ġimgħat ilu, waqt il-vjaġġ tiegħi fl-Istati Uniti kelli l-ferħ li nżur il-katidral tiegħu ġo Filadelfia.

Il-laqgħa mal-Arċisqof elertt u mal-Isqfijiet tal-Provinċja ekkleżjastika ta’ Filadelfia, mas-saċerdoti, mas-sorijiet u l-fidili li kien inġabru f’numru kbir flimkien mar-Rgħajja tagħhom, kien għalija ġrajja li għext b’mod profond. Infatti naf mill-qrib l-istorja tal-Poplu tiegħek u l-istorja tal-Knisja li, magħha ilha marbuta għal sekli. Min hawn titnissel din il-prontezza tiegħi biex illum inqiegħed idejja, flimkien magħkom, Venerabbli Ħuti, fuq dak li l-Ispirtu Santu qiegħed isejjaħ għall-ministeru veskovili. Isejjaħlu fl-istess ħin għall-għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru u mal-Ġerarkija kollha ta’ din il-Knisja, li l-ġerarka l-iktar distint tagħha huwa il-Venerabilissmu Ħuna l-Kardinal Ġużeppe Slipyi.

2. Allura ppermettili, Eminenza, li b’mod speċjali nindirizza lilek. Mhux biss l-ulied irġiel u nisa tal-Poplu tiegħek, imma l-Knisja kollha u d-dinja kontemporanja jafu x-xhieda tiegħek xejn komuni li, bil-ħajja diffiċli tiegħek u b’mod speċjali bil-priġunerija ta’ bosta snin, inti tajt lil Ġesù Kristu u lill-Knisja, mwielda mis-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. Dik il-priġunerija ċarrtitek mill-għażiża Sedja ta’ Lviv, li għaliha kien innominak il-meqjum Predeċessur tagħna Piju XII. Huwa konsolanti li ninnutaw li illum inti tinsab qribna, meħlus issa għal ħafna snin, bl-attenzjoni tal-meqjum Predeċessur tiegħi Ġwanni XXIII u maħtur Kardinal minn Pawlu VI. Tistà, mela, tiddedika ruħek għall-poplu tiegħek, li għall-ġid tiegħu, skont il-kliem tal-Ittra lil-Lhud, inti kont ordnat (cf. Lh 5,1).

U kontinwament inti ordnat bħala r-ragħaj li joffri ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (cf. Ġw 10,15), eżiljat minn dik il-Knisja li, mis-sena 1596, tibqà fl-għaqda mas-Sedja ta’ San Pietru, waqt li żżomm il-fedeltà propja issa minn kważi 400 sena. Din il-fedeltà, b’mod partikolari matul l-aħħar sekli, kienet imħallsa u għadha tkun imħallsa b’sagrifiċċji kbar. Ħajtek ta’ ragħaj tibqà eżempju u prova partikolari.

3. Nixtieq napprofitta minn din l-okkażjoni tallum biex nuri l-qima li għandhom għall-Knisja tiegħek is-Sedja Apostolika u l-Knisja Kattolika kollha. Il-fedeltà mixhuda lil Pietru u lis-Suċċessuri tiegħu tobligana għal gratitudni speċjali u wkoll għal fedeltà reċiproka fil-konfront ta’ dawk li jikkonservawha b’tant qawwa u nobiltà tar-ruħ. Nixtiequ noffru, fil-konfront tagħhom, tribut ta’ verità u ta’ mħabba. Nixtiequ b’saħħitna kollha nserrħu l-provi ta’ dawk li qegħdin ibatu propju minħabba l-fedeltà tagħhom. Nixtiequ b’qalbna kollha nassikuraw l-għaqda interna tal-Knisja tiegħek u l-għaqda mas-Sedja ta’ Pietru.

Ippermettili, Eminenza, li nindirizza l-istess sentimenti lill-ikkonsagrat l-ieħor. Il-Metropolita Maxim Hermaniuk ta’ Winnipeg, fil-Kanada, u lill-Rappreżentanti tal-Ġerarkija tal-Knisja tagħkom hawn preżenti, kif ukoll li nuri l-istima tiegħi u l-imħabba tiegħi lill-Knisja kollha Ukraina.

4. Ejjew niċċelebraw l-liturġija ewkaristika tal-konsagrazzjoni fil-jum tat-tifkira ta’ San Gosafat, isqof u martri, li l-Knisja tagħkom tqim bħala Patrun speċjali. Ir-relikwi tiegħu, li mill-1963 jinsabu fil-Bażilika ta’ San Pietru, jikkostitwixxu motivazzjoni ulterjuri għal din il-ġrajja tallum, li fiha r-Ragħaj il-ġdid huwa assoċjat mal-korp tal-Isqfijiet tal-Knisja tagħkom waqt li jirċievi l-ordinazzjoni f’Ruma maġemb ir-relikwi martirizzati ta’ dan il-qaddis. Illum il-Knisja Kattolika kollha flimkien magħkom tqim lil San Ġosafat.

5. U int, Monsinjur Lubachivsky, bħala r-Ragħaj il-ġdid tal-merħla int imsejjaħ biex tagħti xhieda lil dik il-fedeltà li tikkostitwixxi parti sewwa mit-tradizzjoni tal-poplu tiegħek. Bħala Isqof kattoliku, int imsejjaħ biex tkun sinjal tal-istess fedeltà ta’ Alla lill-patt tiegħu, sinjal tal-imħabba immortali ta’ Kristu lill-Knisja.

Dan huwa l-ministeru li llum qed jiġi afdat lilek: li toffri bla taqtà lill-fidili l-ħobż tal-ħajja, li, skont il-kliem tal-Konċilju Vatikan II, huwa meħud mill-mejda sew tal-Kelma ta’ Alla kif ukoll tal-Ġisem ta’ Kristu (cf. Dei Verbum, 21).

Iva, permezz tal-kelma u tas-sagramenti tħaddan il-poplu tiegħek fil-fedeltà tiegħu għall-Vanġelu, u tiggwidah fit-triq tas-salvazzjoni. Il-kelma ta’ Alla tkun lampa għall-passi tiegħek u dawl f’mixjietek (cf. Sal 119,105). U l-isforzi pastorali kollha tiegħek diretti għal dan l-iskop; jiġifieri li l-kelma ta’ Alla tkun in-norma prattika tal-għixien nisrani, u ġġib frott ta’ ġustizzja u qdusija tal-ħajja fil-komunità, li fiha tippresiedi u taqdi. Permezz taċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju ewkaristiku, tkompli ssostni l-poplu fil-ferħ, waqt li tikkonfermah fil-paċi. Fl-unità u fir-rabta tal-karità. Din, meqjum ħija, hija missjoni kbira, li fiha tkun werriet u għassies ta’ tradizzjoni kbira, li hija kattolika u fl-istess ħin Ukraina. Għalhekk fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu, inħeġġek biex tmur ‘il quddiem fil-kontinwità apostolika u fil-fedeltà fix-xandir lill-poplu tal-Vanġelu tas-salvazzjoni. Meta terġà lura Filadelfja, nitolbok li tittrażmetti lill-fidili tiegħek it-tislima kordjali tiegħi u l-barka tiegħi.

6. L-assemblea tallum tagħna quddiem il-Majjestà ta’ Alla Omnipotenti fit-Trinità Qaddisa tkun konferma ġdida ta’ din it-triq li fiha tkompli miexja l-Knisja tiegħek u l-Poplu tiegħek, f’konnessjoni ma’ dan il-milleżmu anniversarju kbir tal-Magħmudija, li għalih bdejtu l-preparattivi f’din is-sena.

L-imħabba ta’ Alla l-Missier, il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-komunjoni tal-Ispirtu Santu, bl-interċessjoni tas-Santissma u Immakulata Omm Kristu, u ta’ San Ġosafat u tal-Qaddisin kollha tkun magħkom ilkoll.

Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.