Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA MQADDSA GĦAĊ-ĊENTRU TALJAN GĦAS-SOLIDARJETÀ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Castel Gandolfo
Il-Ħadd, 5 ta’ Awissu 1979

 

Għeżież.

Ninsabu hawn miġbura madwar l-altar tal-Mulej, li hu biss jistà jilluminana dwar il-misteru ta’ ħajjitna, dramm ta’ mħabba u fidwa, u li hu biss jistà jagħtina l-qawwa biex ma naqgħux jew biex jgħinna nqumu, u, b’mod speċjali, biex ngħixu b’mod konformi għall-esiġenzi u għall-ideali tal-kristjaneżmu.

Din hija appuntu, jidhirli, it-tema ċentrali tal-liturġija ta’ dan il-Ħadd, li fih Ġesù, ħobż tal-ħajja, jippreżenta ruħu lilna bħala sinifikat uniku u veru tal-eżistenza umana.

1. Fi żminijietna, sfortunatament, ir-razzjonaliżmu xjentifiku u l-istruttura tas-soċjetà ndustrijali, ikkaraterizzata mil-liġi iebsa tal-produzzjoni u tal-konsum, ħolqu mentalità magħluqa ġo orizzont ta’ valuri temporali u terreni, li jieħdu lill-ħajja tal-bniedem kull sinifikat traxxendenti.

L-ateiżmu tejoriku u prattiku mifrux bil-kbir, l-aċċettazzjoni ta’ morali evoluzzjonistika, mhux iktar marbuta mal-prinċipji solidi u universali tal-liġi morali naturali u rrivelata, imma mad-drawwa dejjem tinbidel tal-istorja; l-eżaltazzjoni nsistita tal-bniedem, bħala awtur awtonomu tad-destin propju u, għall-estrem oppost, l-umiljazzjoni miżerabbli għal linja ta’ passjoni inutli, ta’ żball kożmiku, ta’ pellegrin assurd tax-xejn f’univers mhux magħruf u mimli stmerrija, wasslu biex tellfu lil ħafna s-sinifikat tal-ħajja u mbuttaw lil dawk l-iktar dgħajfin u l-iktar sensibbli għal ħarbien fatali u traġiku.

Il-bniedem għandu bżonn estrem ta’ għarfien jekk jixraqlux jitwieled, jgħix, jissielet, isofri u jmut, jekk għandux valur li jimpenja ruħu għal xi ideal superjuri għall-interessi materjali u kontinġenti, jekk, f’kelma waħda, hemmx xi “għaliex” li jiġġustifika l-eżistenza terrena tiegħu.

Din mela tibqà l-kustjoni essenzjali: tagħti sens lill-bniedem, għall-għażliet tiegħu, għal ħajtu, għall-istorja tiegħu.

2. Ġesù jippossiedi t-tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna; hu jistà jsolvi l-“kustjoni tas-sens” tal-ħajja u tal-istorja tal-bniedem. Hawn hi l-lezzjoni fundamentali tal-liturġija tallum. Lill-folla li segwietu, sfortunatament minħabba motivi biss ta’ nteress materjali, billi kienet qatgħet b’xejn il-ġuħ permezz tal-multiplikazzjoni mirakoluża tal-ħobż u tal-ħut, Ġesù jgħid b’serjetà u awtorità: “Iksbu mhux l-ikel li jgħaddi, imma dak li jibqà għall-ħajja ta’ dejjem, u li Bin il-bniedem se jagħtikom” (Ġw 6,28-29).

Alla sar bniedem biex idawwal, anzi biex ikun is-sinifikat tal-ħajja tal-bniedem. Dan huwa dan li għandu jitwemmen b’konvinzjoni profonda u ferrieħa; dan huwa dak li għandna ngħixu b’kostanza u koerenza; dan huwa dak li għandna nxandru u nixhdu, minkejja t-tribulazzjonijiet taż-żminijiet u l-idejoloġiji kuntrarji, kważi dejjem insidjużi u xokkanti.

U b’liema mod Ġesù huwa s-sinifikat tal-eżistenza tal-bniedem? Huwa stess jispjega b’ċarezza konsolanti: “Missieri jagħtikom il-ħobż mis-sema, dak veru; il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja… Jiena hu l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għandi ma jaqbdux iktar ġuħ u min jemmen fija ma jkollux iktar għatx” (Ġw 6,32-35). Ġesù jitkellem b’mod simboliku, waqt li jingħaqad mal-miraklu kbir tal-manna mogħtija minn Alla lill-poplu Lhudi fil-qsim tad-deżert tiegħu. Hija ħaġa ċara li Ġesù ma jeliminax il-preokkupazzjoni normali u t-tiftix tal-ikel ta’ kuljum u ta’ dak kollu li jistà jirrendi l-ħajja umana iktar avanzata, iktar evoluta, iktar sodisfaċenti. Imma l-ħajja fl-aħħar minn l-aħħar tgħaddi. Ġesù jfakkar li l-veru sinifikat tal-eżistenza terrena tagħna huwa fl-eternità, u li l-istorja kollha umana bid-drammi kollha tagħha u l-ferħ kollu tagħha għandhom ikunu meqjusa fil-prospettiva eterna.

Aħna wkoll, bħall-poplu ta’ Iżrael, ngħixu fuq l-art l-esperjenza tal-Esodu: “l-art imwegħda “ hija s-sema. Alla, li ma abbandunax lill-poplu tiegħu fid-deżert, linqas ma jabbanduna lill-bniedem fil-pellegrinaġġ terren tiegħu. Tah “ħobż” li kapaċi jsostnih tul it-triq: il-“ħobż” huwa Kristu. Huwa hu qabel kollox l-ikel tar-ruħ bil-verità rivelata u mbagħad bl-istess Persuna tiegħu preżenti fis-Sagrament tal-Ewkaristija.

Il-bniedem għandu bżonn it-traxxendenza! Il-bniedem għandu bżonn il-preżenza ta’ Alla fl-istorja tiegħu ta’ kuljum! Hekk biss jistà jsib is-sens tal-ħajja! Għalhekk, Ġesù jkompli jgħid lilna lkoll: “Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6); “Jiena d-dawl tad-dinja; min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8,12); “Ejjew għandi, intom ilkoll li intom għajjenin u mgħobbijin, u jiena nserraħkom!” (Mt 11,28).

3. Ir-riflessjoni issa twassalna fuq kull wieħed u waħda minna. Infatti, jiddependi minna li nilqgħu is-sinifikat li Kristu ġie biex joffri lill-eżistenza umana u “jinkarnah” f’ħajjitna. Jiddependi mill-impenn li lkoll “ninkarnaw” tali sinifikat fl-istorja umana. Responsabiltà kbira u dinjità sublimi! Hija meħtieġa, għal dan l-iskop, xhieda koerenti u qalbiena tal-fidi tagħna. San Pawl, waqt li jikteb lill-Efesin, ifassal, f’dan is-sens, programm konkret ta’ ħajja: hemm bżonn, qabel kollox, li nabbandunaw il-mentalità mondana u pagana: “Nitlobkom fil-Mulej: la ġgibux ruħkom iktar bħall-pagani fil-vanità ta’ moħħhom” imbagħad, hemm bżonn nibdlu l-mentalità mondana u terrena fil-mentalità ta’ Kristu: “Hemm bżonn inġeddukom fl-Isprtu ta’ moħħkom u nlibbsukom il-bniedem il-ġdid, maħluq minn Alla fil-ġustizzja u fil-qdusija vera” (Ef 4,17.20-24).

Għeżież, bħal ma qegħdin taraw, dan huwa programm tassew impenjattiv, taħt ċerti aspetti nistgħu ngħidulu saħansitra erojku; bdanakollu jeħtieġ nippreżentawh lilna nfusna u lill-oħrajn kollu kemm hu, waqt li nserrhu fuq l-azzjoni tal-grazzja, li tistà tagħti lil kull wieħed u waħda l-ġenerożità li naċcettaw ir-responsabiltà tal-azzjonijiet tagħna fil-prospettiva eterna u għall-ġid tas-soċjetà.

Morru, mela, morru b’fiduċja u b’impenn ġeneruż, waqt li tfittxu kuljum moviment u ferħ gdid fid-devozzjoni lejn Ġesù Ewkaristiku u fil-kunfidenza f’Marija Santissma.

Nieħu gost nikkonkludi billi nikkwota ħsieb tal-predeċessur tiegħi Pawlu VI (Diskors lill-Kardinali, 21 ta’ Ġunju 1976), li tiegħu jaħbat għada l-ewwel annivrsarju tal-mewt tiegħu: “Fid-dagħdigħa ta’ interessi kontrastanti, ta’ ħsara għall-veru ġid tal-bniedem, hemm bżonn nipproklamaw mill-ġdid il-kliem kbir tal-Vanġelu, li, waħdu, ta dawl u paċi lill-bnedmin f’taqlibiet analogi oħra tal-istorja” (Pawlu VI, Allocutio Eminentissimis Sacri Collegi Patribus, felicia ac fausta ominantibus Summo Pontifici, die Eius nominali proxime occurrente: Insegnamenti di Paolo VI, XIV [1976] 502).

Hawn aħna, għeżież uliedi, bid-dawl u bil-paċi li jiġuna minn dan il-kliem etern, inkomplu b’mod seren il-mixja tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb