Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VISITA LILL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SAN KLEMENT FIL-PRATI FISCALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

L-I Ħadd tal-Avvent, 2 ta’ Diċembru 1979  

 

1. Nixtieq insellem lill-parroċċa kollha tagħkom f’isem dak li huwa l-Patrun tagħha:  san Klement, wieħed mill-ewwel suċċessuri ta’ San Pietru, Isqof ta’ Ruma, li għex lejn tmiem l-ewwel seklu wara Kristu, xhud tal-fidi apostolika, eżiljat u martri. Ħa jmexxi hu l-passi tagħna u jakkumpanja din iż-żjara li, wara dsatax-il seklu, qed inwettaq, fil-parroċċa ddedikata lilu, is-suċċessur tiegħu f’Ruma. Interċedi għalina u kellimna bl-elokwenza ta’ dik ix-xhieda apostolika, li fiha għexet din il-belt fi żminijietek, ftit għaxriet ta’ snin wara l-Qaddisin Pietru u Pawlu.

Il-belt ta’ għażla speċjali min-naħa ta’ Alla; nistgħu aħna dejjem nimmeritaw, b’ħajjitna u bl-imġieba tagħna, din l-għażla mhux tas-soltu! Tistà sservi għal tali skop ukoll iż-żjara tagħna lill-parroċċa tagħkom!

Bi qbil mat-tradizzjoni apostolika, nibda din iż-żjara b’tislima ndirizzata lil Alla u lil Sidna Ġesù Kristu “li hu, li kien u li jiġi” (Ap 1, 8). U, fl-istess ħin, b’tislima ndirizzata lill-komunità kollha tagħkom fi Kristu.

Qabel xejn, tislima kordjali lill-kappillan żelanti tagħkom, Monsinjur Vinċenzo Pezzella, u lis-saċerdoti li jikkollaboraw miegħu fil-kura pastorali; lis-Sorijiet twajba tl-Kongregazzjoni tal-“Imħabba Divina” u lir-Reliġjużi kollha, li jgħixu u jaħdmu fil-qasam tal-parroċċa; lis-sitt elef familja, lill-missirijiet, lill-ommijiet, lill-24,000 fidili kollha, li jiffurmaw il-Knisja ħajja f’din iż-żona ta’ Ruma, li mill-1956, jiġifieri għal 23 sena, jikkostitwixxu l-parroċċa.

It-tislima paterna tiegħu tmur ukoll għat-tfal, għall-adoloxxenti, għaż-żgħażagħ, għall-koppji żgħażagħ, għall-anzjani, għall-morda. Tislima ta’ ferħ u ta’ nkoraġġiment għal dawk kollha li, waqt li jissagrifikaw b’mod ġeneruż il-ħin tagħhom, jiddedikaw ruħhom, skont il-possibiltajiet tagħhom u ħilithom, biex ikunu disponibbli għax-xogħol varju u kumpless li jiżvolġu f’din il-komunità, hekk vivaċi, dinamika u attiva.Tifħir, b’mod speċjali, għal dawk li jikkonsagraw ruħhom b’impenn għll-katekeżi parrokkjali fil-livelli kollha.

U nżid, ukoll, f’din l-okkażjoni ferrieħa, l-awgurju li fi żmien qasir jiġu megħluba d-diffikutajiet kollha u li jinstabu l-mezzi adegwati sabiex ikun jistà jkollkom tempju, mhux iktar proviżorju, u rranġat, imma sabiħ u definittiv, bħal ma toħolmuh u tixtiquh, flimkien mas-saċerdoti tagħkom, għal tant snin.

2. L-Avvent: L-ewwel Ħadd tal-Avvent. “Hekk hu għad jiġu jiem – oraklu tal-Mulej – li fihom jien inwettaq il-wegħdi…”(Ġer 33, 14): naqraw dan il-kliem tal- ktieb tal-profeta Ġeremija u nafu li dan iħabbar il-bidu tas-sena l-ġdida liturġika u, fl-istess ħin, iħabbar il-waqt imminenti, diġa f’din il-liturġija, tat-twelid tal-Iben ta’ Alla mill-Verġni. Għal tali waqt fis-sena liturġika tal-Knisja, għal dawn is-sollennitajiet kbar u ferrieħa, inħejju ruħna kull sena. Nixtieq li ż-żjara tiegħi tallum fil-parroċċa ta’ San Klement isservi għal din it-tħejjija. Infatti, il-jum li fih twieled Kristu għandu jwassalna (bħal ma jħabbar l-istess profeta Ġeremija) għal din iċ-ċertezza ferrieħa li “il-Mulej huwa l-ġustizzja tagħna (cf. Ġer 33, 16).

3. Għall-Milied il-Knisja tħejji ruħha b’mod għal kollox speċjali. Tfakkarna l-istess ġrajja, li ppreżentat riċentement, fi tmiem kważi tas-sena liturġika. Tfakkarna, jiġifieri, il-jum tal-aħħar miġja ta’ Kristu. Se ngħixu b’mod ġust il-Milied, jiġifieri l-ewwel miġja ferrieħa tas-Salvatur, meta se nkunu konxji tal-aħħar miġja tiegħu “b’qawwa u glorja kbira” (Lq 21, 27), kif jiddikjara l-Vanġelu tallum. F’din is-silta hemm sentenza, li fuqha nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom: “Il-bnedmin imutu bil-biżà u bl-istennija ta’ dak li għandu jiġri fuq l-art” (Lq 21, 26).

Niġbdu l-attenzjoni għaliex fl-epoka tagħna wkoll il-biżà “ta’ dak li għandu jiġri fuq l-art” jikkomunika lilu nnifsu lill-bnedmin.

Iż-żmien ta’ tmiem id-dinja ħadd ma jafu “għajr il-Missier” (Mk 13, 32), u għalhekk minn dik il-biżà, li tikkomunika lilha nfisha lill-bnedmin ta’ żmienna, ma naslu għal ebda konklużjoni ta’ xi konsegwenza għal dak li jirrigwarda l-futur tad-dinja.  Għall-kuntrarju, ikun aħjar jekk nieqfu fuq din is-sentenza tal-Vanġelu tallum. Biex ngħixu sewwa it-tifkira tat-tifkira tat-twelid ta’ Kristu, hemm bżonn li nżommu f’moħħna sewwa l-verità tal-aħħar miġja ta’ Kristu; fuq dak l-aħħar Avvent. U meta Sidna Ġesù jgħid: “Żommu għajnejkom miftuħa…li dak il-jum ma jmurx jiġi fuqkom għall-għarrieda, bħal nassa” (Lq 21, 34), allura nħossu b’mod ġust li hu jitkellem hawn mhux biss dwar l-aħħar jum tad-dinja umana kollha, imma wkoll dwar l-aħħar jum ta’ kull bniedem.

Dak il-jum, li jagħlaq iż-żmien ta’ ħajjitna fuq l-art u jiftaħ quddiemna d-dimensjoni tal-eternità, huwa wkoll l-Avvent. F’dak il-jum se jiġi għalina l-Mulej bħala Redentur u Mħallef.

4. Hekk mela, kif naraw, huwa multiplu s-sinifikat tal-Avvent, li, bħala żmien liturġiku, jibda b’dan il-Ħadd. Donnu iżda li fuq kollox l-ewwel mill-erbat Iħdud ta’ dan il-perijodu irid ikellimna bil-verità dwar il-“passaġġ”, li għalih hija sottomessa d-dinja u l-bniedem fid-dinja. Ħajjitna fid-dnja hija “passaġġ” li b’mod inevitabbli jwassal għat-tmiem. Bdanakollu, il-Knisja trid tgħidilna – u dan tagħmlu bil-perseveranza kollha – li dan il-passaġġ u dak it-tmiem huma, fl-istess ħin, avvent: aħna mhux ngħaddu biss, imma fl-istess ħin inħejju ruħna! Inħejju ruħna għal-laqgħa miegħu.

Il-verità fundamentali dwar l-Avvent hija, fl-istess ħin, serja u ferrieħa. Hija serja: tidwi fiha l-istess “ishru” li smajna fil-liturġija tal-aħħar Ħdud tas-sena liturġika. U hija, fl-istess ħin, ferrieħa: infatti l-bniedem ma jgħixx “fil-vojt” (l-iskop tal-ħajja tal-bniedem mhuwiex “il-vojt”). Il-ħajja tal-bniedem mhijiex biss avviċinament lejn it-tmiem, li flimkien mal-mewt tal-ġisem tfisser il-qerda tal-esseri uman kollu. L-Avvent iġib fih iċ-ċertezza tan-nuqqas ta’ qerda ta’ dan l-esseri. Jekk ittenni: “Ishru u itolbu…” (Lq 21, 36), dan tagħmlu sabiex inkunu nistgħu inkunu mħejjija biex “nidhru quddiem Bin il-bniedem” (Lq 21, 36).

5. F’dan il-mod, l-Avvent huwa wkoll iż-żmien ta’ għażla ewlieni u fundamentali: waqt li naċċettawh, billi nieħdu sehem fih, nagħżlu is-sens ewlieni tal-ħajja kollha. Dak kollu li jseħħ bejn il-jum tat-twelid u dak tal-mewt ta’ kull wieħed u waħda minna, jikkostitwixxi, biex ngħidu hekk, prova kbira: l-eżami tal-umanità tagħna. U għalhekk, dik is-sejħa mħeġġa ta’ San Pawl fit-tieni qari tallum: is-sejħa  biex inqawwu l-imħabba, biex nirrendu sodi u bla ħtija qlubna fil-qdusija; l-istedina għall-mod tagħna ta’ mġieba (bil-lingwaġġ tallum wieħed jistà jgħid “għall-istil kollu tal-ħajja”), għall-osservanza tal-kmandamenti ta’ Kristu. L-Appostlu jgħallem: jekk aħna għandna nogħġbu lil Alla, ma nistgħux nipperseveraw fin-nuqqas ta’ attività, għandna nimxu ‘l quddiem, jiġifieri “biex niddistingwu ruħna ferm iktar” (cf. 1 Ts 4, 1). U infatti hekk hu. Fil-Vanġelu hemm stedina għall-progress. Ħadd ma jrid ikun “non-progressista”. Din hija, bdanakollu, li nkunu nafu b’liema mod dak li jkun “jistà jkun progressista”, fiex jikkonsisti l-veru progress. Ma nistgħux ngħaddu b’mod trankwill ‘il hemm minn dawn l-interrogattivi. L-Avvent jġib fih is-sinifikat l-iktar profond tal-progress.  L-Avvent ifakkarna kull sena li l- hajja umana ma tistax tkun ħaġa statika. Għandha tkun progress. L-Avvent jindikalna fiex jikkonsisti dan il-progress.

6. U għalhekk ejjew nistennew il-waqt tat-twelid ġdid ta’ Kristu fil-liturġija. Għaliex huwa hu Dak li – kif jgħid is-Salm tallum – “juri it-triq it-tajba lill-midimbin; imexxi lill-umli skont il-ġustizzja, jgħallem lill-foqra triqatu” (Sal 25, 8-9).

U allura lejn Dak li se jiġi – lejn Kristu – ejjew induru b’fiduċja sħiħa u konvinzjoni.
U ngħidulu:

Mexxi!
Mexxini fil-verità!
Mexxina fil-verità!
Mexxi, o Kristu,
fil-verità lill-missirijiet u l-ommijiet tal-familja tal-parroċċa:
xprunati u mqawwija
mill-grazzja sagramentali taż-żwieġ
u konxji li huma fuq l-art
is-sinjal viżibbli
tal-imħabba  indistruttibbli tiegħek għall-Knisja,
jalla jkunu jafu jkunu sereni u deċiżi
fl-iffaċċjar b’konsistenza evanġelika
tar-responsabiltajiet tal-ħajja konjugali
u tal-edukazzjoni nisranija tal-ulied.

Mexxi, o Kristu, fil-verità
iż-żgħażagħ tal-parroċċa:
sabiex ma jħallux lilhom infushom jinġibdu
mill-idoli l-ġodda,
Bħall-konsumiżmu sfrenat,
il-kuntentizza akkost ta’ kollox,
il-permissiviżmu morali,
il-vjolenza protestatarja,
imma jgħixu bil-ferħ il-messaġġ tiegħek,
li huwa l-messaġġ tal-Beatitudni,
il-messaġġ tal-imħabba lejn Alla
u lejn il-proxxmu,
il-messaġġ tal-impenn morali
għall-bidla awtentika tas-soċjetà.

Mexxi, o Krstu, fil-verità
lill-fidili kollha tal-parroċċa:
jalla l-fidi nisranija
tanima ħajjithom kollha
u agħmel li jsiru quddiem id-dinja,
xhieda kuraġġużi
tal-missjoni ta’ salvazzjoni tiegħek,
membri koxjenti
u dinamiċi tal-Knisja,
kuntenti li huma wlied Alla
u, miegħek aħwa, tal-bnedmin kollha!
Mexxina, o Kristu, fil-verità!
Dejjem!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb