Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
VISTA PASTORALI Fil-VENETO
SANTWARJU TA’
NETTUNO
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 1 ta’ Settembru 1979
Għeżiież Ħuti!
F’perijodu ta’ mistrieħ relattiv u
ta’ vaganza, ninsabu hawn, illejla madwar l-altar tal-Mulej, biex flimkien
niċcelebraw l-Ewkaristija, waqt li nimmeditaw dwar il-fenomenu illum hekk
importanti, tat-Turiżmu f’ħajjitna umana u nisranija.
Bil-qalb kollha lqajt l-istedina
biex niġi f’nofskom, niex narakom, biex nismgħakom, biex inwasslilkom it-tislima
kordjali tiegħi u nurikom imħabbti, biex nitlob magħkom u nirrifletti fuq
il-veritajiet supremi, ligħandhom ikunu dejjem dawl u ideal ta’ ħajjitna.
F’din il-pjazza ta’ Nettuno
quddiem il-Knisja fejn jistrieħu l-fdalijiet mortali taż-żagħżugħa martri Santa
Marija Goretti, quddiem il-baħar, simbolu tal-ġrajja umana li tinbidel u kultant
mqallba, nisimgħu t-tagħlim tal-“kelma ta’ Alla” li tbaqbaq mill-qari
tal-Liturġija.
1. Il-“kelma ta’ Alla” qabel xejn
tesponi l-identità u l-imġieba tan-nisrani. Min hu n-nisrani? Kif għandu jġib
ruħu n-nisrani? Liema huma l-ideali tiegħu u l-preokkupazzjonijiet tiegħu?
Dawn huma domandi ta’ dejjem, imma
jsiru tant iktar attwali fis-soċjetà konsumistika u permissiva tagħna, li fiha
b’mod speċjali n-nisrani jistà jkun ittentat li jċedi għall-mentalità komuni,
waqt li jqiegħed fi pjan sekondarju l-vokazzjoni eletta u erojka tiegħu ta’
messaġġier u ta’ xhud tal-Bxara t-Tajba.
L-Appostlu San Ġakbu fl-ittra
tiegħu jispeċifika b’mod ċar l-identità tan-nisrani: “Kull rigal tajjeb u kull
rigal perfett jiġi mill-għoli u jinżel minn Missier id-dawl, li fih mhemm la
tibdil u linqas dell ta’ tibdil. Bir-rieda tiegħu huwa ġġenerana b’kelma ta’
verità, sabiex inkunu bħall-ewwel frott tal-krejaturi tiegħu” (Ġk 1,17-18).
In-nisrani huwa mela ħolqien għal
kollox speċjali ta’ Alla, għaliex, permezz tal-grazzja huwa jieħu sehem mill-ħajja
trinitarja; in-nisrani huwa don tal-Iktar Għoli lid-dunja: huwa jinżel mill-għoli,
mill-Missier tad-dawl!
Ma setgħetx tkun deskritta aħjar
id-dinjità tal-għaġeb tan-nisrani u wkoll ir-responsabiltà tiegħu!
In-nisrani għalhekk għandu
jimpenja għal kollox ir-rieda tiegħu u jgħix b’konsistenza l-vokazzjoni tiegħu.
Mill-ġdid jgħid San Ġakbu: “Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma li nżergħet fikom u li
tistà ssalvalkom ruħkom. Kunu minn dawk li jqiegħdu fil-prattika l-kelma u mhux
biss semmiegħa, billi tilludo lilkom infuskom” (Ġk 1,21-22).
Dawn huma twissijiet l-iktar serji
u severi: in-nisrani m’għandux jittradixxi, m’għandux jilludi ruħu bi kliem
vojt, m’għandux jinganna. Il-missjoni tiegħu hija estremament delikata, għaliex
għandu jkun il-ħmira fis-soċjetà, id-dawl fid-dinja, il-melħ tal-art.
In-nisrani kuljum jikkonvimċi ruħu
iktar mid-diffikultà enormi tal-impenn tiegħu: hu għandu jmur kontra l-kurrent,
għandu jixhed veritajiet assoluti imma mhux viżibbli, għandu jitlef ħajtu
terrena biex jikseb l-eternità, għandu jirrendi ruħu responsabbli wkoll
tal-proxxmu, biex jilluminaħ, jedifikah, isalvah. Imma huwa jaf li mhuwiex
waħdu. Dak li Mosè kien jgħid lill-poplu Lhudi, huwa immensament iktar veru
għall-poplu nisrani: “Liema nazzjon kbir għandu d-divinità hekk qribu, bħal ma
l-Mulej Alla tagħna jkun qribna kull meta nsejħulu?” (Dt 4,7). In-nisrani
jaf li Ġesù Kristu, il-verb ta’ Alla, mhux biss inkarna ruħu biex jirrivela
l-verità feddejja u biex jifdi l-imanità, imma baqà magħna fuq din l-art billi
jġedded b’mod mistiku s-Saġrifiċċju tas-Salib permezz tal-Ewkaristija, u billi
jsir ikel spiritwali tar-ruħ u sieħeb fit-triq tal-ħajja.
Hekk hu min hu n-nisrani: frotta
ewlenija tal-krejaturi ta’ Alla, li jeħtieġ li jżomm pur u mingħajr tebgħa
l-fidi u l-ħajja tiegħu.
2. Il-“kelma ta’ Alla”, bħala
konsegwenza, tillumina wkoll il-fenomenu tat-turiżmu. Infatti, ir-realtajiet
kollha umani huma illimitati u interpretati mir-rivelazzjoni ta’ Kristu, li ġie
biex isalva l-bniedem kollu u l-umanità kollha.
Ir-realtà tat-turiżmu wkoll
għandha tidher ukoll fid-dawl ta’ Kristu. Bla ebda dubju it-turiżmu huwa issa
fenomenu ta’ epoka u ta’ massa: sar mentalità u drawwa, għaliex huwa fenomenu
“kulturali”, ikkawżat miż-żieda tal-għarfien, tal-ħin liberu u tal-possibiltà
taċ-ċaqliq; huwa fenomenu “psikoloġiku”, mifhum faċilment, minħabba l-istrutturi
tas-soċjetà moderna: industrijalizzazzjoni, urbanizzazzjoni,
spersonalizzazzjoni, li minħabba dan kull individwu jħoss il-bżonn ta’
distensjoni, ta’ distrazzjoni, ta’ bidla, b’mod speċjali f’kuntatt man-natura; u
huwa wkoll fenomenu “ekonomiku” sors ta’ kuntentizza.
Però, it-turiżmu wkoll,
bħar-realtajiet kollha umani, huwa fenomenu ambigwu, jiġifieri utli u pożittiv
jekk immexxi u kkontrollat mir-raġuni u minn xi ideali; negattiv jekk jinżel
għal sempliċi fenomenu ta’ konsumiżmu, għal eċċitament, għal atteġjamenti
aljenanti u immorali, b’konsegwenzi dolorużi għall-individwu u għas-soċjetà.
Hija għalhekk ukoll meħtieġa
edukazzjoni, individwali u kollettiva għat-turiżmu, sabiex jinżamm dejjem
fil-livell ta’ valur pożittiv ta’ formazzjoni tal-persuna umana jiġifieri ta’
distensjoni ġusta u meritata, ta’ elevazzjoni tal-ispirtu, ta’ komunjoni
mal-ptoxxmu u ma’ Alla. Hija għalhekk meħtieġa edukazzjoni umanistika profonda u
konvinta għall-ilqugħ, għar-rispett tal-proxxmu, għall-ġentilezza, għall-fehim
reċiproku, għat-tieba; hija meħtieġa wkoll edukazzjoni ekoloġika, għar-rispett
tal-ambjent u tan-natura, għat-tgawdija b’saħħitha u moderata tas-sbuħijiet
naturali, tant ripożanti u eżaltanti għar-ruħ għatxana għall-armonija u
għas-serenità; u hija b’mod speċjali meħtieġa rdukazzjoni reliġjuża sabiex
it-turiżmu qatt ma jfixkel il-kuxjenzi u qatt ma jbaxxi l-ispirtu, imma
għall-kuntrarju jelevah, jippurifikah, jgħollih għad-djalogu mal-Assolut u
għall-kontemplazzjoni tal-misteru mmens li jdawwarna u jattirana.
Dan huwa l-kunċett tat-turiżmu
fid-dawl ta’ Kristu, fenomenu irriversibbli u strument ta’ qbil u ħbiberija.
3. Fl-aħħarnett f’dan il-post
partikolari, aħna lkoll mistiedna biex inħarsu lejn il-figura ta’ Santa Marija
Goretti. Mhux bogħod minn hawn, fis-6 ta’ Lulju 1902, seħħet it-traġedja
tal-qtil tagħha, u fl-istess ħin ukoll tal-glorja tal-qdusija tagħha permezz
tal-martirju għad-difiża tal-purità tagħha. Ninsabu qrib il-Knisja ddedikata
lilha, fejn jistrieħu l-fdalijiet mortali tagħha, u hemm bżonn li nieqfu għal
waqt wieħed f’meditazzjoni siekta.
Marija Goretti, adolixxenti ta’
tnax-il sena, żammet ruħha pura minn din id-dinja, bħal ma jikteb San Ġakbu,
akkost ukoll tal-istess ħajja; ippreferiet tmut, milli pjuttost toffendi lil
Alla.
“Le! – qalet lill-qattiel skatenat
tagħha – Dan dnub! Alla ma jridx! Int se tmur l-infern!”.
Sfortunatament il-fidi tagħha ma
rnexxilhiex twaqqaf lit-tentatur, li mbagħad grazzi għall-maħfra tagħha u
għall-interċessjoni tagħha nidem u kkonverta. Hija spiċċat martri tal-purità
tagħha.
“Qawwa tal-verġni – qal Piju XII -
qawwa tal-martri, li ż-żgħożija tqiegħed f’dawl iktar ħaj u brillanti. Qawwa li
hija fl-istess ħin protezzjoni u frott tal-verġinità” (Pio XII, Discorsi e
Radiomessaggi, IX [1947] 46).
Marija Goretti, tiddi fis-sbuħija
spiritwali tagħha u fil-feliċità eterna diġa milħuqa tagħha, tistedinna propju
biex ikollna fidi qawwija u sikura fil-“kelma ta’ Alla”, sors uniku ta’ verità,
u biex inkunu qawwija kontra t-tentazzjonijiet insinwanti u avvolġenti tad-dinja.
Kultura antimetafiżika tipproduċi loġikament soċjeta anjostika u neopagana,
minkejja l-isforzi ta’ min ifaħħarhom ta’ persuni onesti u nkwetati bid-destin
tal-umanità. In-nisrani illum huwa imqiegħed fi ġlieda kontinwa, isir huwa wkoll
“sinjal ta’ kontradizzjoni” minħabba l-għażliet li jkollu jwettaq.
Inħeġġeġ b’mod speċjali lilkom
tfajliet żgħażagħ: ħarsu lejn Marija Goretti! Tħallux li tkunu mħajra mill-atmosfera
attraenti maħluqa mis-soċjetà permissiva li ssostni li kollox huwa leċitu! Segwu
lil Marija Goretti! Ħobbu, għixu, iddefendu bil-ferħ u bil-kuraġġ il-purità
tagħkom. La tibżgħux iġġorru ċ-ċarezza fis-soċjetà moderna, bħal fjakkola ta’
dawl u ta’ ideal!
Flimkien ma’ Piju XII ngħidilkom:
“Għollu qlubkom ‘il fuq! Fuq l-għadajjar marradin u t-tajn tad-dinja tinfirex
sema ta’ sbuħija. Din hija s-sema li affaxxinat liċ-ċkejkna Marija; is-sema li
fiha riedet titlà permezz tal-unika triq li twassal fiha: ir-reliġjon, l-imħabba
ta’ Kristu, l-osservanza erojka tal-kmandamenti tiegħu.
Is-Sliem, o ħelwa u amabbli
Qaddisa! Martri tal-art u anġlu fis-sema, mill-glorja tiegħek dawwar ħarstek fuq
dan il-poplu li jħobbok, li jqimek, li jigglorifikak, li jeżaltak!” (Pio XII, Discorsi
e Radiomessaggi, XII [1950] 122-123).
Ħuti għeżież!
Marija Santissma, tant maħbuba u
mitluba minn Marija Goretti, b’mod speċjali permezz tar-Rużarju Mqaddes, għinna
ħalli nżommu dejjem ħajja u fervoruża l-identità nisranija tagħna, fir-realtajiet
terreni kollha.
Hsieb aħħari jiġini hawn spontanju,
illum, l-ewwel ta’ Settembru, anniversarju doloruż, li, għall-kuxjenza nisranija
u r-riflessjoni umana, għandu wkoll sinifikat ta’ twissija profonda. Erbgħin
sena ilu, fl-ewwel ta’ Settembru 1939, uragan ta’ nirien u ta’ qerda ħabat fuq
l-ewwel Nazzjon vittma, il-Polonja, waqt li ta bidu għal ħruq dejjem iktar vast,
u dejjem iktar qerriedi, tat-tieni gwerra dinjija. Tali tifkira għandha
tistimolana għat-talb biex niksbu mill-grazzja tal-Mulej li jkunu eżorċizzati t-tentazzjonijiet
rikorrenti fost il-popli, tat-tensjonijiert u tal-egoiżmi, li jiżbukkaw b’mod
naturali f’forom ta’ ostilità u ta’ mibegħda mbagħad diffiċilment li titwaqqaf.
Anzio u Nettuno wkoll, fir-Rebbiegħa tal-1944, kienu milquta minn tempesta tan-nar
li ħabtet, bejn sema u baħar, waqt li żergħet il-mewt fuq dan ir-reġġjun
ferrieħi; u waqt li l-art ġiet ikkontestata, biċċa biċċa, għal xi xhur, bejn
il-qawwiet opposti, il-popolazzjonijiet mwerwra tilfu tant persuni għeżież, id-djar
tagħhom u l-frott tal-għaraq ta’ ġbinhom tal-għelieqi maħduma.
Nitolbu lill-Mulej għall-mistrieħ
ta’ dawk kollha li taw ħajjithom għal-libertà u għal dawk li, imġegħlin
jiffaċċjawhom, issa jistrieħu milqugħin mill-istess art li rathom jissieltu
bejniethom. Nitolbu sabiex Alla jippreserva lilna, u lill-umanità kollha, mill-flaġell
tal-gwerra, li, jekk ikollha tergà tiġi, tassumi dimensjonijiet ta’ apokalissi
ferm iktar terribbli. Il-ħniena ta’ Alla tagħti l-paċi lill-mejtin u
lill-ġenerazzjoni tagħna, u b’mod partikolari liż-żgħażagħ li jitfaċċaw
fil-ħajja, adeżjoni kuraġġuża u konvinta ma’ ideali ta’ kollaborazzjoni u ta’
paċi.
Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|