Ara aktar riżorsi dwar ir-Randan ...

   L-ERBGĦA TAL-IRMIED

3       Ir-Randan hu żmien favorevoli biex naħsbu dwar kif qed ngħixu fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu. Jibda bil-liturġija tal-Erbgħa tal-Irmied b’quddiesa li fiha jitqiegħed l-irmied fuq dawk li jattendu fil-Knisja għal din iċ-ċelebrazzjoni.

 

4       It-tqegħid tal-irmied għandu oriġini fil-Bibbja, fit-Testment il-Qadim, bħal fil-ġrajja tal-profeta Ġona: “U waslet l-aħbar għand is-sultan ta’ Ninwe u qam mit-tron tiegħu, neħħa l-mantar tegħu minn fuqu, inkesa bi lbies tal-vistu, u qagħad fuq l-IRMIED.” (Ġona 3, 6)

 

5       Kif ukoll fl-istorja tar-re David, “ U talab David lil Alla għat-tifel u sam David u għadda l-lejl mixħut fl-art.” 2 Samwel 12, 16

 

6       Fit-Testment il-Ġdid, hemm kliem Kristu:

“Ħażin għalik, Korażajn; ħażin għalik, Betsajda, għax li kieku saru f’Tir

u Sidun il-mirakli li saru fik, kien ikun ilhom li nidmu bl-ixkora u bl-IRMIED.”

 

7       Fl-Erbgħa tal-Irmied kif ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira nosservaw ir-regola tas-sawm u tal-astinenza. Insumu billi:

Fil-ġurnata nieħdu biss ikla waħda u mingħajr laħam.

Nistgħu nieklu wkoll xi ħaġa fil-ħinijiet l-oħra.

Nistgħu nixorbu (mhux alkoħol) f’kull ħin.

 

ASTINENZA tfisser:

Li ma niklux laħam, mhux biss tal-annimali imma wkoll tat-tjur.

Ma jfissirx li minflok laħam nistgħu nieklu ħut ta’ kwalità għolja.

 

8       Nidħlu fir-Randan, bi tliet manjieri għeżież fost il-poplu Lhudi u li Ġesù tahom sens profond:

Nagħmlu karità

Nitolbu

Insumu

“... biex nersqu ndaf lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid.”

 

9       Fl-ewwel qari tal-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied naqraw silta mill-profeta Ġoel li turina s-sens tar-Randan:

Dan jgħid il-Mulej:
“Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha,
bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq.
Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom,
u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom,
għax hu twajjeb u ħanin,
tqil biex jinkorla, u kollu tieba;
u jisgħobbih għall-ħażen”.

 

10     Min jaf jerġax jibdielu u jisgħobbih,
u jħalli barka wrajh,
offerta tal-ikel u tax-xorb lill-Mulej, Alla tagħkom?
Doqqu t-tromba f’Sijon!
Ordnaw sawma, sejħu laqgħa mqaddsa;
iġbru l-poplu,
qaddsu l-ġemgħa
għajtu x-xjuħ,
iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib!
Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu
u l-għarusa mill-kmajra tagħha!

 

11     Bejn il-portiku u bejn l-altar ħa jibku
l-qassisin, qaddejja tal-Mulej!
U ħa jgħidu: “Ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej,
u la tħallix il-wirt tiegħek jaqa’ għaż-żebliħ,
u jiġi fi lsien il-ġnus!”
L-għala għandu jingħad fost il-popli:
“Fejn hu Alla tagħhom?”
U l-Mulej ġietu għejra għall-art tiegħu,
għader il-poplu tiegħu.

 

12     Fis-salm responsorjali, nitolbu hekk:

O Alla, ħenn għalina għax dnibna!

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi.

 

13     Għax jien nagħrafhom ħtijieti;
id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
Kontrik biss jiena dnibt,
u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.

 

14     Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

 

15     Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Iftaħli xufftejja, Sidi,
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

16     Fit-tieni qari tal-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied, San Pawl jgħidilna kif Kristu tgħabba bid-dnubiet tagħna:

Ħuti, aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna. Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

 

17     Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid:
“Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,
f’jum is-salvazzjoni għentek”.
Araw, issa hu ż-żmien tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni!

 

18     Fil-Vanġelu Ġesu’ jgħidilna li Alla jħobbna, jara wkoll dak li hu moħbi u jogħġbu min jagħmel kollox b’intenzjoni tajba.

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.

 

19     Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

20     U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

 

21     Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”.

 

22     Wara l-Omelija, is-Saċerdot jistieden lil dawk preżenti biex iqiegħed ftit irmied fuq ir-rashom, simbolu tal-penitenza. Indmu u emmnu fl-Evanġelju.”

 

23     Jew “Ftakar li inti trab u trab terġa ssir.”

 

Minn Joe Galea