Laikos

Aktar dwar  il-Ġublew 2025 ...

EN - IT 

       

NORMI DWAR IL-KONĊESSJONI TAL-INDULĠENZA

MATUL IL-ĠUBLEW ORDINARJU TAS-SENA 2025

IMSEJJAĦ MILL-QDUSJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

 

“Issa wasal iż-żmien ta’ Ġublew ġdid, li fih jerġa’ jinfetaħ beraħ il-Bieb Imqaddes biex joffri l-esperjenza ħajja tal-imħabba ta’ Alla” (Spes non confundit, 6). Fil-bolla li tħabbar il-Ġublew Ordinarju tal-2025, il-Qdusija Tiegħu, fil-mument storiku attwali, li fih “imnessija mit-traġedji tal-imgħoddi, l-umanità hija suġġetta għal prova ġdida u diffiċli li tara ħafna popolazzjonijiet oppressi mill-brutalità tal-vjolenza” (Spes non confundit, 8), isejjaħ lill-insara kollha biex isiru pellegrini tat-tama. Din hija virtù li nerġgħu niskopru mill-ġdid fis-sinjali taż-żminijiet, li waqt li jgħaqqdu fihom “ix-xenqa tal-qalb tal-bniedem, fil-bżonn tal-preżenza ħelliesa ta’ Alla, jitolbu li jinbidlu f’sinjali ta’ tama” (Spes non confundit, 7), li fuq kollox toħroġ mill-għajn tal-grazzja ta’ Alla u fil-milja tal-ħniena Tiegħu.

Sa mill-bolla li tħabbar il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fl-2015, Papa Franġisku enfasizza kif l-Indulġenza kisbet “importanza partikolari” f’dak il-kuntest (Misericordiae vultus, 22), peress li l-ħniena ta’ Alla “issir l-indulġenza tal-Missier li permezz tal-Għarusa ta’ Kristu, tilħaq il-midneb maħfur u teħlisu minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub” (ibid.). Bl-istess mod illum il-Qdusija Tiegħu jiddikjara li d-don tal-Indulġenza “jħallina niskopru kemm hi bla qjies il-ħniena ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li fil-qedem il-kelma ‘ħniena’ kien tista’ tinbidel ma’ dik ta’ ‘indulġenza’, proprju għax trid jesprimi l-milja tal-maħfra bla tarf ta’ Alla” (Spes non confundit, 23). L-indulġenza, għalhekk, hija grazzja tal-Ġublew.

Għalhekk, fl-okkażjoni tal-Ġublew Ordinarju tal-2025 ukoll, bir-rieda tal-Papa, din il-“Qorti tal-Ħniena”, li hija responsabbli biex tiddisponi minn dak kollu li għandu x’jaqsam mal-għoti u l-użu tal-Indulġenza, għandha l-ħsieb li tħeġġeġ lill-erwieħ tal-fidili biex jixtiequ u jrawwmu x-xewqa twajba li jiksbu l-Indulġenza bħala don ta’ grazzja, speċifiku għal kull Sena Mqaddsa u tistabbilixxi l-preskrizzjonijiet li ġejjin, biex il-fidili jkunu jistgħu jużaw id-“dispożizzjonijiet, u jiksbu u jagħmlu effettiva l-prattika tal-Indulġenza tal-Ġublew” (Spes non confundit, 23).

Matul il-Ġublew Ordinarju tal-2025 tibqa’ fis-seħħ kull għotja oħra ta’ Indulġenza. Il-fidili kollha tassew niedma, meħlusin minn kull ġibda għad-dnub (ara Enchiridion Indulgentiarum, IV ed., norm. 20, § 1), imqanqla minn spirtu ta’ karità, u matul is-Sena Mqaddsa, jissaffew bis-sagrament tal-penitenza u jissaħħu bit-Tqarbin Imqaddes u jitolbu skont l-intenzjonijiet tal-Papa, mit-teżor tal-Knisja jistgħu jiksbu Indulġenza sħiħa u maħfra ta’ dnubiethom, li tista’ tiġi applikata għall-erwieħ tal-Purgatorju f’forma ta’ suffraġju:

 

I.                   Waqt il-Pellegrinaġġi Mqaddsa

Il-fidili, pellegrini tat-tama, jistgħu jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew mogħtija mll-Papa jekk jagħmlu b’qima pellegrinaġġ:

lejn kull post sagru tal-Ġublew: hemmhekk jieħdu sehem b’devozzjoni fil-Quddiesa (kull meta n-normi liturġiċi jippermettuh, ikun possibbli li wieħed jirrikorri għall-Quddiesa proprja tal-Ġublew jew għall-Quddiesa votiva: għar-rikonċiljazzjoni, għall-maħfra tad-dnubiet, għall-virtù tal-karità jew għall-għaqda fost il-ġnus); għall-Quddiesa ritwali għall-għoti tas-sagramenti tal-bidu tal-Ħajja Nisranija jew tad-Dlik tal-Morda; għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla; għal-Liturġija tas-Sigħat (Uffiċċju tal-Qari, Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum, Għasar); għall-Via Sagra; għar-Rużarju Marjan; għall-innu tal-Akathistos; għal ċelebrazzjoni penitenzjali, li tispiċċa bil-qrar individwali tal-penitenti, kif stabbilit fir-rit tal-Penitenza (forma II);

 f’Ruma: f’xi waħda mill-erba’ Bażilki Papali Maġġuri ta’ San Pietru fil-Vatikan, tas-Santissmu Salvatur fil-Lateran, ta’ Santa Maria Maggiore, ta’ San Paolo fuori le Mura;

fl-Art Imqaddsa: f’xi waħda mit-tliet Bażilki: tas-Santu Sepulkru f’Ġerusalemm, tat-Twelid f’Betlem, u tat-Tħabbira tal-Mulej f’Nazaret;

f’ċirkoskrizzjonijiet ekkleżjastiċi oħra: lejn il-katidral jew knejjes u mkejjen imqaddsa oħra magħżula mill-Ordinarju tal-post. L-Isqfijiet iżommu f’moħħhom il-bżonnijiet tal-fidili kif ukoll l-opportunità li jżommu sħiħa t-tifsira tal-pellegrinaġġ, li bil-qawwa simbolika kollha tiegħu, għandu l-ħila juri l-ħtieġa mħeġġa tal-konverżjoni u tar-rikonċiljazzjoni;

 

II.- Fi żjarat ta’ qima fi mkejjen imqaddsa

Bl-istess mod, il-fidili jkunu jistgħu jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew jekk, weħidhom jew fi grupp, iżuru b’devozzjoni xi mkien tal-Ġublew u hemmhekk, għal żmien xieraq, jimpenjaw ruħhom fl-adorazzjoni Ewkaristika u l-meditazzjoni, u jagħlqu bil-Missierna, bil-Professjoni tal-Fidi f’kull forma leġittima u b’xi nvokazzjonijiet lil Marija, Omm Alla, biex f’din is-Sena Mqaddsa kulħadd “ikun jista’ jduq il-qrubija tal-akbar omm li taf tħoss u li qatt ma titlaq weħidhom lil uliedha” (Spes non confundit, 24).

Fl-okkażjoni partikulari tas-Sena tal-Ġublew, minbarra l-postijiet magħrufa ta’ pellegrinaġġ imsemmija hawn fuq, il-fidili jistgħu iżuru wkoll l-imkejjen imqaddsa l-oħra bl-istess kundizzjonijiet:

F’Ruma: il-Bażilka ta’ Santa Croce in Gerusalemme, il-Bażilka ta’ San Lorenzo al Verano, il-Bażilka ta’ San Sebastjan, (hija rakkomandata ħafna ż-żjara devota msejħa “tas-seba’ Knejjes”, tant għażiża għal San Filippu Neri), is-Santwarju tad-Divino Amore, il-Knisja ta’ Santo Spirito in Sassia, il-Knisja ta’ San Paolo alle Tre Fontane, fejn ingħata l-Martirju tal-Appostlu, il-Katakombi Nsara; il-knejjes tal-mogħdijiet tal-ġublew iddedikati rispettivament għall-Iter Europaeum u l-knejjes iddedikati lill-Qaddisin Nisa Patruni tal-Ewropa u Dutturi tal-Knisja (Bażilika ta’ Santa Maria sopra Minerva, Santa Brigida a Campo de’ Fiori, Knisja ta’ Santa Maria della Vittoria, Knisja ta’ Trinità dei Monti, Bażilka ta’ Santa Cecilia in Trastevere, Bażilka ta’ Sant’Agostino in Campo Marzio);

f’postijiet oħra fid-dinja: iż-żewġ Bażilki Papali minuri ta’ Assisi, ta’ San Franġisk u Santa Maria degli Angeli; il-Bażilki Papali tal-Madonna ta’ Loreto, tal-Madonna ta’ Pompei, ta’ Sant’Antnin ta’ Padova; kull bażilka minuri, knisja katidral, knisja ko-katidrali, santwarju Marjan kif ukoll, għall-ġid tal-fidili, kull knisja kolleġġjata distinta jew santwarju magħżul minn kull isqof djoċesan jew eparkjali, kif ukoll santwarji nazzjonali jew internazzjonali, “imkejjen imqaddsa ta’ akkoljenza u spazji privileġġjati biex inisslu t-tama” (Spes non confundit, 24), indikati mill-Konferenzi Episkopali.

Il-fidili tassew niedma, li ma jkunux jistgħu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet solenni, f’pellegrinaġġi u fi żjarat ta’ qima għal raġunijiet serji (bħal, l-ewwel nett is-sorijiet u l-patrijiet tal-klawsura, l-anzjani, il-morda, il-ħabsin, kif ukoll dawk li, fl-isptar jew f’postijiet oħra ta’ kura, jipprovdu servizz kontinwu lill-morda), jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew, taħt l-istess kundizzjonijiet jekk, magħqudin fl-ispirtu mal-fidili fil-preżenza, partikolarment f’mumenti li fihom il-kliem tal-Papa jew l-Isqfijiet djoċesani jiġu mxandra bil-mezzi ta’ komunikazzjoni, jgħidu f’darhom jew fejn l-impediment iżommhom (eż. fil-kappella tal-monasteru, sptar, dar tal-anzjani, ħabs ...) il-Missierna, il-Professjoni ta’ Fidi fi kwalunkwe forma leġittima u talb ieħor konformi mal-għanijiet tas-Sena Mqaddsa, waqt li joffru t-tbatijiet tagħhom jew it-tbatijiet ta’ ħajjithom;

 

III.-Fl-opri tal-ħniena u tal-penitenza

Barra minn hekk, il-fidili jkunu jistgħu jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew jekk, bi spirtu devot, jieħdu sehem f’missjonijiet popolari, eżerċizzji spiritwali jew laqgħat ta’ formazzjoni dwar it-testi tal-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li għandhom isiru fi knisja jew f’post ieħor addat, skont l-intenzjoni tal-Papa.

Minkejja r-regola li tgħid li tista’ tinkiseb indulġenza plenarja waħda biss kuljum (ara Enchiridion Indulgentiarum, IV ed., norm. 18, § 1), il-fidili li jkunu applikaw l-att ta’ karità favur l-erwieħ fil-Purgatorju, jekk se jersqu leġittimament lejn is-sagrament tat-Tqarbin għat-tieni darba fl-istess jum, ikunu jistgħu jiksbu l-indulġenza plenarja darbtejn fl-istess jum, applikabbli biss għall-mejtin (dan ifisser li ssir fil-Quddiesa; ara kan. 917 u l-Kummissjoni Pontifiċja għall-interpretazzjoni awtentika tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika, Responsa ad dubia, 1, 11 ta’ Lulju 1984). Permezz ta’ din l-offerta doppja, isir eżerċizzju ta’ karità sopranaturali ta’ min ifaħħru, minħabba r-rabta li biha l-fidili, li għadhom f’pellegrinaġġ fuq l-art, jingħaqdu fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu, flimkien ma’ dawk li diġà temmew il-vjaġġ tagħhom, bis-saħħa tal-fatt li “l-indulġenza tal-Ġublew, bis-saħħa tat-talb, hija maħsuba b’mod partikolari għal dawk li ġew qabilna, sabiex ikunu jistgħu jiksbu ħniena sħiħa” (Spes non confundit, 22).

Iżda, b’mod aktar partikolari, “fis-Sena tal-Ġublew se nkunu msejħin biex inkunu sinjali tanġibbli ta’ tama għal ħafna aħwa li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ tbatija” (Spes non confundit, 10): l-Indulġenza hija għalhekk marbuta wkoll ma’ opri tal-ħniena u tal-penitenza, li bihom tingħata xhieda tal-konverżjoni li tkun seħħet. Il-fidili, fuq l-eżempju u l-kmand ta’ Kristu, huma mħeġġa biex iwettqu aktar spiss l-opri ta’ karità jew ħniena, l-aktar fis-servizz ta’ dawk l-aħwa li huma mtaqqlin minn ħtiġijiet differenti. B’mod iktar preċiż, ħa jiskopru mill-ġdid “l-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem: itma’ lil min hu bil-ġuħ, isqi lil min hu bil-għatx, libbes lill-għarwien, ilqa’ lill-barranin, żur lill-morda, żur il-priġunieri, idfen lill-mejtin” (Misericordiae vultus, 15) u ħa jiskopru mill-ġdid ukoll “l-għemejjel tal-ħniena li jmissu r-ruħ: agħti parir lil ħosbenin, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, stabar b’min idejqek, itlob lil Alla għall-ħajjin u l-mejtin” (ibid.).

Bl-istess mod, il-fidili jkunu jistgħu jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew jekk iżuru għal żmien xieraq lil ħuthom li jkunu fil-bżonn jew f’diffikultà (morda, priġunieri, anzjani weħidhom, persuni b’diżabilità ...), daqs li kieku għamlu pellegrinaġġ lejn Kristu preżenti f’nofshom (ara Mt 25, 34-36) u jħarsu l-kundizzjonijiet spiritwali, sagramentali u ta’ talb tas-soltu. Bla dubju, il-fidili, jistgħu itennu dawn iż-żjarat matul is-Sena Mqaddsa, u jiksbu indulġenza plenarja f’kull waħda minnhom, anke kuljum.

L-Indulġenza Plenarja tal-Ġublew tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ inizjattivi li jimplimentaw b’mod konkret u ġeneruż l-ispirtu penitenzjali li huwa bħar-ruħ tal-Ġublew, billi niskopru mill-ġdid, b’mod partikulari, il-valur penitenzjali tal-Ġimgħa: l-astinenza, fi spirtu ta’ penitenza, għall-inqas għal jum wieħed minn distrazzjonijiet għalxejn (rejali iżda wkoll virtwali, minħabba pereżempju il-midja u n-netwerks soċjali) u minn konsum żejjed (pereżempju bis-sawm jew bil-prattika tal-astinenza skont in-normi ġenerali tal-Knisja u l-indikazzjonijiet tal-Isqfijiet), kif kif ukoll billi jagħtu somma proporzjonata ta’ flus lill-foqra; appoġġ għal xogħlijiet ta’ natura reliġjuża jew soċjali, speċjalment favur id-difiża u l-protezzjoni tal-ħajja, fil-fażijiet kollha tagħha u tal-kwalità tal-ħajja nnifisha, ta’ tfal abbandunati, ta’ żgħażagħ f’diffikultà, ta’ anzjani fil-bżonn jew weħidhom, ta’ migranti minn diversi pajjiżi “li jabbandunaw arthom biex ifittxu ħajja aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom” (Spes non confundit, 13); billi jiddedikaw parti raġonevoli mill-ħin liberu tagħhom għal attivitajiet volontarji li huma ta’ siwi għall-komunità jew għal forom oħra jixbħuhom ta’ impenn personali.

L-Isqfijiet djoċesani jew eparkjali kollha u dawk li huma ekwivalenti għalihom fil-liġi, fl-iktar jum xieraq ta’ dan iż-żmien tal-Ġublew, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni prinċipali fil-katidral u fil-knejjes tal-Ġublew individwali, ikunu jistgħu jagħtu l-Barka Papali marbuta mal-Indulġenza plenarja mehmuża, li tista’ tinkiseb mill-fidili kollha li jirċievuha bil-kundizzjonijiet tas-soltu.

Sabiex l-aċċess għas-sagrament tal-Penitenza u l-kisba tal-maħfra ta’ Alla bis-setgħa tal-imfietaħ ikun pastoralment iktar faċli, l-Ordinarji tal-post huma mistiedna jagħtu lill-kanonċi u lis-saċerdoti li fil-Kattidrali u fi Knejjes magħżula għas-Sena Mqaddsa jisimgħu l-qrar tal-fidili, il-fakultajiet limitati għall-foro interno, għall-fidili tal-Knejjes tal-Lvant, kif stabbilit fil-kan. 728, § 2 tal-CCEO, u fil-każ ta’ riserva possibbli, dawk fil-kan. 727, b’eċċezzjoni għall-każi  mniżżla fil-kan. 728, § 1; filwaqt li għall-fidili tal-Knisja Latina, il-fakultajiet imsemmija fil-kan. 508, § 1 tal-CIC.

F’dan ir-rigward, din il-Penitenzjerija tħeġġeġ lis-saċerdoti kollha biex joffru b’disponibbiltà ġeneruża u bid-dedikazzjoni tagħhom infushom possibbiltà l-iktar wiesgħa biex il-fidili jibbenefikaw mill-mezzi tas-salvazzjoni, billi jadottaw u jippubblikaw ħinijiet għall-qrar, bi qbil mal-kappillani jew ir-retturi tal-knejjes ġirien, billi jkunu fil-konfessjonarji, jippjanaw ċelebrazzjonijiet penitenzjali fuq bażi fissa u spissa, joffru wkoll disponibbiltà akbar ta’ saċerdoti li, wara li laħqu l-limitu ta’ età, ħielsa minn impenji pastorali oħra, jistgħu jagħtu dan is-servizz. Għandna niftakru wkoll, li skont il-Motu proprio Misericordia Dei, jista’ jiġi amministrat il-Qrar waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa wkoll.

Biex tagħmel iktar faċli l-ħidma tal-konfessuri, il-Penitenzjerija Appostolika, b’mandat tal-Papa, tipprovdi li s-saċerdoti, li jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ pellegrinaġġ tal-Ġublew barra mid-Djoċesi tagħhom, jistgħu jagħmlu użu mill-istess fakultajiet li jkunu ngħatawlhom fid-Djoċesi tagħhom mill-Awtorità leġittima. Fakultajiet speċjali, imbagħad jiġu mogħtija minn din il-Penitenzerija Appostolika lill-penitenzieri tal-Bażilki Papali ta’ Ruma, lill-penitenzieri kanoniċi jew lill-penitenzieri djoċesani stabbiliti fiċ-ċirkoskrizzjonijiet ekkleżjastiċi individwali.

Il-konfessuri, wara li jkunu għallmu b’imħabba lill-fidili dwar il-gravità tad-dnubiet li magħhom hija marbuta riserva jew ċensura, jiddeterminaw, b’karità pastorali, penitenzi sagramentali xierqa, li jwassluhom kemm jista’ jkun għall-indiema tassew u, skont in-natura tal-każijiet, biex jistiednuhom isewwu kwalunkwe skandlu u dannu.

Fl-aħħar nett, il-Penitenzerija tistieden bil-qalb lill-Isqfijiet, bħala dawk li għandhom f’idhom l-uffiċċju triplu ta’ tagħlim, tmexxija u qdusija, biex jieħdu ħsieb li jispjegaw b’mod ċar id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji proposti hawn, għat-tqaddis tal-fidili, b’kunsiderazzjoni partikolari taċ-ċirkustanzi lokali, tal-kultura u tat-tradizzjonijiet. Katekeżi adattata għall-karatteristiċi soċjo-kulturali ta’ kull poplu tista’ tipproponi b’mod effettiv l-Evanġelju u l-messaġġ Nisrani kollu, billi tqanqal aktar fil-qlub ix-xewqa għal dan id-don uniku, miksub bis-saħħa tal-medjazzjoni tal-Knisja.

Dan id-Digriet huwa validu għall-Ġublew Ordinarju kollu tal-2025, minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja.

 

Mogħtija f’Ruma, mis-sede tal-Penitenzjarju Appostoliku, fit-13 ta’ Mejju 2024, Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Fatima.

 

                                       Angelo Card. De Donatis

                                             Penitenzjier Maġġur

 

                                                                          E.T. Mons. Krzysztof Nykiel

                                                                                         Reġġent