Laikos

 

Agħżel minn hawn ...

1 2 3 4 5 6 7    

TAMA LI MA TQARRAQX (Rum 5,5)

Esperjenzi rrakkuntati minn nies komuni u riflessjonijiet dwarhom

Miġbura minn Fr Roy Galdes

Dejjem jolqtuni nies li jkollhom ħafna tama. Aħna ngħidulhom nies pożittivi, dejjem jaraw it-tazza nofsha mimlija minflok nofsha vojta. F’dinja fejn qisu t-tama qed tintilef, nibqa’ skantat kemm hawn nies li għandhom tama qawwija. Huma nies li jemmnu, u Alla jpoġġi f’qalbhom tama li ma tispiċċax.

Fil-post fejn naqdi l-ministeru tiegħi, għalkemm huwa sptar, ta’ spiss niltaqa’ ma’ nies, uħud minnhom ħaddiema, li jgħixu din it-tama b’mod prattiku ħafna fil-ħajja tagħhom. Dawn il-ħsibijiet nibtu minn esperjenzi ta’ dawn in-nies li tqajt magħhom u li ħallew f’qalbi r-rigal tat-tama. Waqt li qed nippreparaw għall-Ġublew tas-sena 2025 bit-tema “Pellegini tat-Tama”, xtaqt naqsam miegħek dawn l-esperjenzi u ħsibijiet.

 


1. Meta t-triq tkun mudlama       

 

Inti tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi;

Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.

Salm 18, 29

 

Dejjem jolqtuni nies li jkollhom ħafna tama. Aħna ngħidulhom nies pożittivi, dejjem jaraw it-tazza nofsha mimlija minflok nofsha vojta. F’dinja fejn qisu t-tama qed tintilef, nibqa’ skantat kemm hawn nies li għandhom tama qawwija. Huma nies li jemmnu, u Alla jpoġġi f’qalbhom tama li ma tispiċċax.

 

Fil-post fejn naqdi l-ministeru tiegħi, għalkemm huwa sptar, ta’ spiss niltaqa’ ma’ nies, uħud minnhom ħaddiema, li jgħixu din it-tama b’mod prattiku ħafna fil-ħajja tagħhom.  Dawn il-ħsibijiet nibtu minn esperjenzi ta’ dawn in-nies li tqajt magħhom u li ħallew f’qalbi r-rigal tat-tama. Waqt li qed nippreparaw għall-Ġublew tas-sena 2025 bit-tema “Pellegini tat-Tama”, xtaqt naqsam miegħek dawn l-esperjenzi u ħsibijiet.

 

F’nofs ġranet meta tħoss li d-dinja tiegħek saret biċċiet, qatt iddubitajt li xi darba se jgħaddi kollox, u jirnexxilek tgħaddi b’wiċċ il-ġid? Qatt ħsibt jekk il-ħajja tiegħek hux se terġa’ tkun normali? Jien se nkun onest. F'xi wħud mill-akbar provi tiegħi, kien hemm mumenti fejn ġewni dawn id-dubji. Ma kont qed nara l-ebda xaqq ta’ dawl f’tarf il-mina. Jum wara jum ta’ dlam.

 

Imma z-żminijiet mudlama fil-ħajja tagħna huma meħtieġa. Jeħtieġ li jkollna ljieli mudlama biex iwassluna għal jiem imdawla. Hu meħtieġ id-dlam tal-lejl biex il-pjanti jikbru. Hemm bżonn id-dlam tal-lejl biex naraw il-kwiekeb jiddu. U hemm bżonn l-iljieli mudlama (iż-żminijiet diffiċli tagħna) biex nikbru bħala nsara.

 

Mingħajr iż-żminijiet ta’ prova, aħna nibqgħu dgħajfin, immaturi, u mingħajr profondità fil-ħajja. U lil Alla nkunu nafuh biss superfiċjalment. Kemm jogħġobni dak li jgħid Ġob f’ 42:5. Wara dak kollu li għadda minnu Ġob, wara l-uġigħ u t-tbatija kollha tiegħu, isma’ x’jgħidlek: “Fuqek jien smajt b’widnejja; imma issa rajtek b’għajnejja.

 

Iż-żmien tal-prova—l-uġigħ ta’ qalb u l-falliment finanzjarju li kellu Ġob meta tilef il-barrin u l-ħmir tiegħu, in-nagħaġ u l-iġmla tiegħu, il-qaddejja tiegħu, u saħansitra lil uliedu kollha—wassal lil Ġob minn livell superfiċjali tal-fidi fejn hu kien sema’ dwar Alla, għall-fatt li issa hu rah b’għajnejh. Ġob fl-aħħar għaraf lil Alla b’mod intimu.

 

Kien hemm ħafna okkażjonijiet fejn anke jien ħadtha kontra Alla u gergirt fil-mumenti ta’ dlam li għaddejt minnhom. U kont nistaqsi: “Imma għala kelli ngħaddi minn dan kollu?” Kont nitlob bil-ħerqa biex Alla jeħlisni minn dawn iż-żminijiet koroh. Xi drabi saħansitra kont inkellmu iebes u ngħidlu: “Fejn int? Lanqas biss jimpurtak minni?”

 

Imma fl-aħħar tgħallimt nistaqsi, “Mulej, xi tridni nitgħallem minn dawn iż-żminijiet diffiċli?” Għax biż-żmien skoprejt li l-ebda waħda mill-esperjenzi tal-ħajja tagħna ma tinħela. Alla għandu skop għalihom kollha.

 

Forsi llum ikun żmien tajjeb għalik biex tistaqsi l-istess mistoqsija, “Mulej, xi tridni nitgħallem minn dan kollu?” Forsi Alla qed jiġbdek lura lejh, jekk inti tbiegħedt minnu. Forsi ilek ħafna ma tistqarr dnubietek, fil-qrar, u hekk terġa’ tistieden lil Ġesù f’ħajtek.  Dan huwa l-mod tiegħu kif hu jrattab lil qalbek biex terġa’ lura lejh.

 

Forsi Alla qed jgħallmek biex isaħħek fil-fidi. Biex hekk inti tista’ tfarraġ lil xi ħadd ieħor li jkun għaddej minn żminijiet diffiċli. Jew anke biex hu jgħallmek kif inhi l-qalb u l-karattru tiegħu, u li kieku ma ħalliekx tgħaddi minn dik l-esperjenza ta’ tbatija, ma kontx tkun taf mod ieħor.

 

Kull meta jiġu iljieli, żminijiet mudlama fil-ħajja, fittex id-dawl ta’ Ġesù. Inwiegħdek li ssibu hemm. U taf x’inhi t-tajba? Hu jwiegħedek li malli jgħaddi l-lejl, u jibda jisbaħ, tasal l-hena wkoll.

 

Talba

Missier, jiemi huma mimlija dlam. Matul iż- żminijiet tajbin, qatt ma kont nimmaġina li qatt stajt nesperjenza uġigħ daqshekk profond u kbir. Il-futur jidher mimli qtigħ il-qalb u bla tama. Imma naf li Int għandek skop għal kollox, allura urini dak li tridni nitgħallem minn din is-sitwazzjoni. Uża dawn il-mumenti biex ikolli relazzjoni aktar intima miegħek—biex inkun naf lil qalbek b’mod li qatt ma kont nafha qabel. Għinni noħroġ minn dan iż-żmien b’ fidi iktar b’saħħitha u ċerta. Ammen.

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1. Għala huma meħtieġa żminijiet mudlama fil- ħajja tan-nisrani?

 

2. X’tgħallimt dwar Alla fi żminijiet mudlama?

 

3. Kif jistgħu il-provi f’ħajtek isiru parti mix-xhieda tiegħek?

 


2.  Meta tispiċċa bla saħħa       

 

La tibżax għax  miegħek jien!

La titħassibx, għax Alla tiegħek jien!

Jiena nwettqek, jiena ngħinek;

Inwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!

Isaija 41, 10

 

Qatt għaddejt minn battalja fit-tul li ħaditlek saħħtek kollha? Jien għaddejt minn ħafna minnhom, u wara perjodi twal ta’ stress u ansjetà, kien hemm drabi meta għedt lir-raġel tiegħi, “Ma fadalli xejn. Għejjejt. Ġo fija m’għad fadal xejn iktar għal xiex niġġieled.”

 

L-inkwiet li kultant jieħu fit-tul iħalli fuqna effetti b’ħafna modi. U meta nkunu ffaċċjati b’sitwazzjonijiet fejn jidher li ma nsibu l-ebda tweġiba, allura dawn iċ-ċirkustanzi jisirqulna t-tama.

 

Nitolbu dwarhom dawn iċ-ċirkustanzi—nitolbu spiss u fit-tul. Nagħmlu dak kollu li nistgħu biex is-sitwazzjoni tkun aħjar. Naqraw il- Bibbja u nixtiequ li l-wegħdi li għamel Alla lil nies oħrajn, jagħmilhom lilna wkoll, imma xi drabi nħossu li hu m’hu qed jagħmel xejn, qisu jinsab xi xi elf mil bogħod.

 

Din tfakkarni f’xi ħaġa li qaltli waħda mara li ltqajt magħha. Isma’ x’qaltli:

 

“Fil-familja tagħna ħafna snin ilu meta t-tfal kienu għadhom żgħar, filgħaxija wara li nieklu, ir-raġel, jien u t-tliet subien żgħar tagħna konna nagħmlu mixja qrib id-dar. Wara li konna nimxu għal xi ħin, konna naslu ħdejn triq għan-niżla, li kienet wieqfa mhux ħażin. Għan-niżla ma kienetx diffiċli, iżda hekk kif konna nduru lura biex immorru d-dar, dik it-telgħa kienet tkun iebsa anke għalina.

 

F’din il-ġurnata partikolari, konna ġa tlajna biċċa sew mit-telgħa wieqfa, meta ż-żgħir ħares lejn missieru u qallu: ‘Saqajja ma niflaħhomx. Erfagħni!’ Ir-raġel tiegħi huwa raġel  magħmul kbir u b’saħħtu, qabad lit-tifel, refgħu fuq spallejh u ġarru għall-kumplament tat-triq.  Jien imxejt warajhom nitbissem. Kemm iggustajt nara lit-tifel kuntent merfugħ fuq missieru.”  Dan hu li qaltli din il-mara.

 

Illum huwa ż-żmien perfett għalina biex nagħmlu l-istess ma’ Missierna tas-sema. Meta nkunu f’nofs il-battalja, nistgħu naħsbu li Hu mhux qed jismagħna meta nitolbuh, imma fil-verità Hu jkun qed jismagħna. Hu jisma’ kemm it-talb fit-tul u mimli ħeġġa, u anke jisma’ l-krib iddisprat tagħna: “Mulej, saqajja ma niflaħhomx iżjed. Inħossni bla saħħa. Għejjejt. Tista’ terfagħni?”

 

Kemm jogħġobni dak li Alla jgħid f’Isaija 46:4: “Anke meta tixjieħ, Jien Hu dak li Hu, sa meta jibjad xagħrkom, jien nibqa’ nerfagħkom. Jien nitgħabba bikom. Jien inġorrkom u nsalvakom.”

 

M’għandix kliem biex ngħidilkom x’differenza tagħmel li tħoss il-preżenza t’Alla fi żminijiet iebsin, imma sempliċiment meta tkun taf li Hu qiegħed hemm, din tagħmel id-differenza kollha—anke jekk iċ-ċirkostanzi jkunu għadhom l-istess.

 

Illum nista’ nħares lura lejn sitwazzjonijiet iebsa u nirrealizza li dawk il-mumenti kollha meta jiena ħsibt li Alla ma kien qed jagħmel xejn, Hu kien fil-fatt qed jaħdem minn wara l-kwinti. Biss jien ma stajtx inkun naf x’kien qed jagħmel. U bla ebda eċċezzjoni, Huwa dejjem refagħni kull meta saqajja jkunu għajjew. Afdah int ukoll illum, għax is-saħħa li jagħtik tkun biżżejjed—anke meta tħossok li ma tiflaħx iktar.

 

Talba

Missier, inħossni għajjejt. Inħossni bbumbardjat b’sitwazzjonijiet li huma kbar wisq għalija biex nerfagħhom, u nħossni li ma nistax nieħu nifs għax kif tispiċċa problema, insib oħra ikbar minnha. Id-dwejjaq jaħkmuni. Għandi bżonn is-saħħa Tiegħek illum, għax inkella ma nwassalx sal-aħħar. Grazzi tal-wegħda Tiegħek li Int se ġġorrni u li Int se teħlisni. Int it-tama tiegħi, u jien tant inħossni grat lejk, għax is-saħħa Tiegħek tkun biżżejjed għalija biex niffaċċja kull ħaġa li tiġi. Ammen.

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1. Iddeskrivi xi sitwazzjonijiet meta ħassejtek bla saħħa.

 

2. Kif taffettwak il-fatt li taf li Alla se jerfgħek fi żminijiet diffiċli?

 

3. Semmi xi ċirkostanzi meta ħassejt li Alla tak is-saħħa u ħelsek waqt sitwazzjonijiet diffiċli.

 


3. Ħajti hi f’idejk       

 

Jien fik nittama Mulej;

Jien ngħidlek:  “Alla tiegħi int!”

F’idejk hi xortija,

Eħlisni minn id  l-għedewwa,

Minn id dawk li jeħduha kontrija.

Salm 31: 15-16

 

Din li ġejja hi esperjenza li rrakkuntali wieħed li ltqajt miegħu milux.

 

“Kienet laqtitna maltempata qawwija fil-bidu tax-xitwa. Kienet maltempata kbira ħafna. Is-sema iswed faħma, riħ ivenven, u x-xita bdiet tinfed mit-twieqi tad-dar tat-tifel li joqgħod f’raħal ieħor, hekk kif il-maltempata laqtet sew in-naħa tagħhom.

Inġabru fil-kamra tal-banju: it-tifel, il-mara tiegħu, in-neputi, u t-tlett iklieb tagħhom. Hemmhekk ħassewhom iktar fiż-żgur. Il-biża’ li kellhom fuqhom kien veru kbir, inqata’ d-dawl u r-riħ kompla jżid. Dak il-ħin iċempilli n-neputi ż-żgħir fuq facebook.  Stajt narah jibki u bid-dmugħ nieżel, imbeżża għall-mewt: ‘Nannu’, qalli, ‘naħseb li se mmut!’

 

Tlabt miegħu u bqajt miegħu fuq fb sakemm il-mara tat-tifel smajtha tgħid: ‘Donnu li l-kbir għadda.’ Imbagħad in-neputi smajtu jgħid imriegħed: ‘Nannu, għadni ħaj!’ Dak il-jum, u dak il-wiċċ imbeżża’ tiegħu jibqgħu stampati f’moħħi sakemm indum ħaj.  Issa din ma kienetx l-ewwel maltempata kbira li kien ra n-neputi żgħir tiegħi.”

 

Id-dinja tagħna spiss tinħakem minn diversi maltempati, anke jekk ma jkunux dejjem maltempati tat-temp. Iżda kif qal dak ir-raġel lin-neputi waqt il-maltempata: “Alla jikkontrolla hu l-maltempati, u xejn ma jista’ jiġrilek sakemm ma tiġix minn Alla stess.”

 

Dak in-nannu ma setax ikun ma’ ibnu, mal-mara ta’ ibnu u man-neputi waqt il-maltempata, imma dak il-ħin huma kienu mdawrin u mħaddnin mit-talb tiegħu, għax hu kien jaf li huma jinsabu f’idejn Alla, u Alla kien qed jieħu ħsiebhom. Kemm ħassejtha sabiħa din l-esperjenza ta’ dan il-missier u nannu.

 

Jogħġobni ħafna dak li jgħid Ġesù f’Mark 4:39: “Imbagħad qam u ordna lir-riħ, u qal lill-baħar: ‘Iskot, biżżejjed!’ U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.”

 

Għażiż/a, ma nafx minn liema maltempata inti tinsab għaddej int bħalissa, imma ħu l-biżgħat u l-inkwiet tiegħek għand Alla għax hu għandu kontroll tal-maltempati. Huwa jista' jwaqqaf l-irjieħ tal-ħajja sabiex inti jkollok paċi kbira. Jew inkella jistaʼ jħalli l-maltemp ikompli sakemm jgħid li wasal iż-żmien li jieqaf. Biss, jekk Hu jagħmel hekk, serraħ rasek li qatt ma int se tkun waħdek f’dak il-​maltemp.

 

Meta ħajtek tkun f’maltempata, qatt ma tista’ ssib post aktar fiż-żgur fejn tistkenn, milli tkun imkennen fl-idejn kollha ħlewwa ta’ Alla. Qatt mhu żmien sabiħ meta ħajjitna tgħaddi mill-maltempati, biss dawn jgħallmuna nafdaw aktar f’Alla, u nistgħu nużaw dawk il-mumenti biex nibnu l-fidi tagħna u tal-oħrajn meta ngħidulhom: “Alla qed jieħu ħsiebek. Dan ngħidulek mill-esperjenza. Dejjem kien hemm miegħi u ħa ħsiebi, u se jagħmel l-istess miegħek.”

 

Talba

Missier, meta l-maltempati tal-ħajja jaħbtu għalija, jkun diffiċli nafda Fik. Imma naf li Int tikkontrolla l-maltempati, għalhekk nagħżel li nafdak. Fakkarni biex nistkenn fik għax m’hemm l-ebda post aktar sigur li nista’ nkun ħlief li nistekenn fik. Jien nħossni grat ħafna lejk li qatt ma ngħaddi minn maltempata mingħajrek, għax int dejjem miegħi. Meta nkun maħkum mill-biża’ jew inkun se nċedi, meta nkun assedjat mill-irwiefen tal-ħajja, għinni nżomm sod miegħek u niftakar li ħajti tinsab f’idejk. Ammen.

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1. Il-maltempati tal-ħajja jistgħu jkunu koroh ħafna. Għaliex Alla jippermettilhom?

 

2. Kif esperjenzajt il-kalma t’Alla f’nofs maltempata?

 

3. X’tgħallimt mill-maltempati f’ħajtek?

 


4. Kulma tkun trid hija tgħanniqa       

 

Bħalma omm tfarraġ lil binha,

hekk jien infarraġ lilkom

u f’Ġerusalemm titfarrġu

Isaija 66,13

 

Qatt kont fi żmien diffiċli u ħassejt li kulma kellek bżonn kienet biss tgħanniqa?

 

Il-knisja tagħna għandha numru ta’ servizzi għal kategoriji differenti ta’ persuni. Fosthom hemm żgħażagħ li jinsabu jew kienu fi djar jew faċilitajiet ta’ kura mid-dipendenza tad-droga. Uħud ikunu anke b’sentenza ta’ ħabs. Ikunu mkissrin emozzjonalment u bil-għatx għall-imħabba. 

 

Dil-ħaġa tirrakkuntaħhieli persuna li ltqajt magħha.  Isma’ ftit.

 

“Jien bniedma minni hekk, inħobb ngħannaq lil dak li jkun. Naħseb li dil-ħaġa writtha minn ommi u naħseb li hija parti mill-wirt li ħallietli. Nhar ta’ Ħadd filgħodu, inżur lil żgħażagħ li qed jieħdu kura mid-dipendenza tad-droga. Huma jafu li nħobb ngħannaqhom. Allura kif jarawni ġejja, tarahom ġejjin biex nagħtihom tgħanniqa kull wieħed u kull waħda. Tgħanniqa ta’ nanna, u ngħidilhom li nħobbhom. Wieħed minnhom, kull darba igħidli: “Ħadd ma jgħannaqni bħalek! Ikolli ngħid ma naqbilx miegħu għal kollox, għax kuġinti aħjar minni fejn jidħol it-tgħanniq. Tiġbdek qrib tagħha u meta tgħannqek tħossok imħaddan fl-imħabba.” 

 

Dan hu dak li qasmet miegħi din il-persuna.  Kemm għandna bżonn l-imħabba, u kultant anke xi tgħanniqa hux. It-tgħanniq jinżillek għasel meta nkunu għaddejjin mill-iebes, meta nħossuna mwarrbin. U li tkun taf li hemm min iħobbok.

 

Darb’oħra persuna qasmet dan miegħi meta ħasset it-tgħannieqa ta’ Alla :

 

“Missieri kien ikkommetta suwiċidju. Dakinhar id-dinja tiegħi spiċċat. L-uġigħ tal-qalb kien wisq kbir u ma stajtx nesprimi ruħi bil-kliem x’kont qed inħoss. Ma kien hemm l-ebda mod kif is-sitwazzjoni setgħet titjieb. Ħassejtni bla nifs.  Domt jiem sħaħ bid-dmugħ nieżel ma’ wiċċi. Dawk il-jiem ħajti kienet ġlieda kontinwa, dejjem għat-telgħa! Ma kontx naf kif se jirnexxili ngħaddi dawk il-ġranet. Kulma kont nagħmel, nagħmlu bi sforz kbir. Anke biex noħroġ mis-sodda filgħodu. Imnalla kienu nies li fehmuni u semgħuni! 

 

Imma jien naf li l-istorja tagħna ma tispiċċax f'disprament. Jien dan tgħallimtu mill-ewwel fil-jiem ta’ dlam wara l-mewt ta’ missieri, meta kont qed nibki t-telfa tiegħu u ma stajtx nifhem x’kien li wasslu biex ineħħi ħajtu b’idejh. Kont imfarrka. Imma dak kien il-mument meta tgħallimt li Ġesù ma jħalliniex bla faraġ. Il-wegħdiet prezzjużi tiegħu huma veri.  Tgħallimt kif inhu l-karattru ta’ Alla permezz ta’ dik l-esperjenza. Qatt ma kont naf min hu Alla daqs dak iż-żmien. Ersaqt iktar qrib lejh għax kelli bżonnu ħafna. Dawk huma l-mumenti meta t-tgħanniq mis-sema waslu eżatt meta kelli bżonnhom, u ħassejt li Alla jżommni qrib tiegħu, jgħannaqni u jdawwarni fl-imħabba tiegħu. Tlift lil missieri, imma kelli lil Alla jfarraġni u jgħannaqni.”

 

Kemm hu veru dan li qalet din il-mara!

 

Ħabib/a, jekk inti llum imweġġa’, ersaq lejn Dak li jista’ jerġa’ jagħmlek sħiħ. Ħoss dirgħajh irossuk miegħu f’tgħanniqa tas-sema. U tgħallem—bħalma tgħallimt jien—li l-grazzja Tiegħu hija tassew biżżejjed għal dak kollu li jkollok bżonn.

 

Talba

Missier, illum ninsab imweġġa’, uġigħ kbir li ma nafx kif se nsib tarfu. Id-dinja tiegħi tinsab imriegħda minn ċirkostanzi li qed iħawduli moħħi u ma nista’ nifhem xejn. Għandi bżonn is-serħan tiegħek. In-nies jippruvaw jgħinuni. L-intenzjoni tagħhom tkun tajba, imma ħafna minnhom m’għaddewx minn dak li qed ngħaddi minnu bħalissa jien. Għandi bżonn tgħanniqa mis-sema, Mulej. Għandi bżonn il-konfort tiegħek. M’għandix dubju li dak li inti għidt, tagħmlu – meta inti wegħidtni li tfarraġni bħalma omm tfarraġ lil uliedha. U dan jien għandi bżonnu llum, Mulej. Ammen.

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1. Għaliex tgħanniqa tagħmel differenza kbira speċjalment fi żminijiet iebsin?

 

2. Tiftakar meta Alla tak xi tgħanniqa ta’ faraġ mis-sema?

 

3. Kif tista’ tuża dak li tgħallimt mill-uġigħ tiegħek biex tagħti tgħanniqa ta’ faraġ u mħabba lil ħaddieħor?

 


 5.  Mulej, qed nibża’       

 

Fik, Alla l-għoli jien nittama

meta jkolli għal xiex nibża’.

 

Salm 56,4

 

Qatt kellek l-esperjenza li l-biża’ ħakmek sal-punt li spiċċajt taħseb il-ħin kollu fuq l-istess ħaġa?  Il-biża’ kapaċi jdallam kull aspett ta’ ħajtek. Niftakar din l-esperjenza li rrakkuntali wieħed raġel:

 

“Darba kont inkwetat ħafna, anzi mbezza’ ħafna, u ma stajtx inwaqqaf id-dmugħ li kien niezel minn għajnejja, anke quddiem in-nies.

 

Kollox beda minn vista għand it-tabib tal-għajnejn, vista ta’ rutina. It-tabib tani ħarsa fit-tul u qalli, “Hemm xi ħadd fil-familja tiegħek li għandu l-glaucoma? Il-pressjoni f’għajnejk hi pjuttost għolja.”

 

Il-mistoqsija tiegħu—u t-tweġiba tiegħi li kelli żewġ membri tal-familja li jbatu minn din il-kundizzjoni —wassal għal iżjed testijiet, u rriżulta li kont diġà tlift il-vista f’għajn waħda. L-infermiera ppruvat isserraħli rasi, “Issa tara kif tkun aħjar. Il-glaucoma hija marda antika ħafna. Issa t-tabib jagħtik xi qtar, ħafna nies jużaw dan il-qtar u jmorru tajjeb bih.”

 

Imma rriżulta li jien ma kontx bħal dawn il-ħafna nies. Il-qtar ma ħadimx. Bidilli l-qtar għal iżjed minn darba, u xejn ma kien qed jaħdem. It-tabib baqa jipprova sakemm kont pruvajt ħafna mediċini differenti, mingħajr suċċess. Imbagħad beda jħallat hu xi qtar biex jara jekk dan kienx se jaħdem. Hekk kif għadda ż-żmien u kollox kien għal xejn,  il-biża’ tiegħi iktar kibret. Wieħed mill-kuġini tiegħi ma jarax minn għajn waħda u qed jitlef il-vista f'oħra, għalhekk irrejalizzajt kemm kienet serja s-sitwazzjoni tiegħi.

 

Lejl wieħed meta jien u l-mara konna ħriġna biex nieklu barra, mort sal-kamra tal-banju tar-ristorant, u f’daqqa waħda ġieni f’moħħi dal-ħsieb—kieku nitlef id-dawl, kif kont insib fejn hi l-kamra tal-banju? Kif nirnexxieli nsib fejn għandi mmur waħdi, it-toilet paper, is-sink, u x-xugamani tal-karti? Kif inkun kapaċi nsib triqti kullimkien? Fija qam paniku sħiħ, u nfqajt nibki waħdi fit-toilet, u tant bkejt bħallikieku biex żvugajt il-biża’ kollu li kien ilu jinġema’ ġo fija.

 

U mbagħad Alla fakkarni fil-wegħdiet prezzjużi Tiegħu. F’Salm 56:4, Hu jgħid, “Kull meta jkolli għal xiex nibża’, jien nafda fik.” U fi Proverbji 20:12, Alla jgħid, “Il-widna li tisma’ u l-għajn li tara, it-tnejn il-Mulej għamilhom.”

 

Dan hu li rrakkuntali dan ir-raġel. Illum jinsab aħjar.

 

U int x’inhu dak li qed iġagħlek tibża’? Is-sitwazzjoni tiegħek tista’ tkun kompletament differenti minn ta’ dan ir-raġel, imma lkoll nesperjenzaw l-emozzjonijiet ta’ biża’ kbir u l-mistoqsija li tiġi f’qalbna hi: “Kif se jirnexxili ngħaddi minn dan?” Ħafna drabi anke nibdew nehwdnu: “Issa min jaf kieku jiġri hekk, jew hekk?”

 

Alla ħalaqna, kien Hu li għamilna, u għalhekk jifhem id-dgħufijiet tagħna u t-tħassib tagħna. Huwa għalhekk li fil-Bibbja poġġa tant versi sbieħ dwar kif tegħleb il-biża’. Ma nafx x’hemm lest fil-futur għalija. U lanqas inti ma taf x’hemm għalik fis-sitwazzjoni tiegħek. Imma jien dan naf: Dak li għamilna jaf x’inhu l-aħjar għalina, u Hu se jkun magħna irrispettivament minn dak li rridu ngħaddu minnu. Jiġri x’jiġri Hu se jkun hemm magħna.

 

Tibża' minn dak li ser tiffaċċja għada jew fil-futur? Alla diġà kien hemm qablek, u Hu jaf x’hemm quddiemek. Tibża’ li mhux se jkollok dak li għandek bżonn? Alla jwiegħed li jagħtik dak li għandek bżonn f’ħinu. Tibża' li ma tkunx tista' tirbaħ dak li se tiltaqa’ miegħu? Il-Bibbja tgħid li Alla Hu aktar minn rebbieħ.

 

Talba

Missier, qed nibża’. Għandi msarni f’saqajja, inħossni mkisser, megħlub, ma nistax nieħu nifs. Il-futur inċert iwerwirni. Jiena tant grat li Int taf x’inhu l-aħjar għalija—anke meta jien ma nafx x’inhu l-aħjar — u li l-ebda ġurnata li ġejja mhu se tkun ta’  sorpriża għalik. Grazzi għad-don tal-Kelma tiegħek u għall-wegħdiet prezzjużi li nsibu hemmhekk li nista’ nżomm magħhom meta l-biża’ taħkimni. Aktar minn hekk, grazzi talli int Alla fidil. Aħfirli talli dil-ħaġa ninsieha ta’ spiss. Ammen.

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1. Il-biża’ tista’ taħkimlek ħajtek. X'inhuma xi ċirkostanzi fejn int inħkimt mill-biża'?

 

2. Liema wegħdiet li nsibu fil-​Kelma t’Alla jistgħu jgħinuk tegħleb dan il-​biżaʼ?

 

3. Huwa Alla li lilek għamlek u ħalqek, u għalhekk jifhmek. Hu jaf x’hemm fil-futur  f’ħajtek. Dan kif jaffettwak?

 


6.  Meta tħossok li weħilt!       

 

S’issa  ebda tiġrib ma’ laħaqkom li wieħed ma jiflaħx għalih;

Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu;

Jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna

biex tkunu tifilħu għalih.

1 Kor 10, 13

 

Kultant tiġi  ċirkustanza fil-ħajja tagħna fejn inħossuna mwaħħlin. Qisek ma tistax tiċċaqlaq. Hija sensazzjoni li ma tantx hi sabiħa, speċjalment meta tħossok li ma tistax tinqala’  minn sitwazzjonijiet diffiċli u fejn id-dinja tiegħek tħossha qed taqa’ quddiemek u fejn tħoss qalbek tinqasam.

 

 L-agħar ħaġa hi li taqta’ qalbek, għax hekk inti tibqa’ tgħum fl-uġigħ u tħalli d-dlam jirbaħlek, u tispiċċa biex anke filgħodu meta jisbaħ ma jkollokx il-kuraġġ u s-saħħa li tqum mis-sodda. Dan hu eżatt fejn iridek Satana, għax hu jsus wara Insara li jħossuhom megħlubin u mkissrin, jimlilhom qalbhom bl-imrar biex hekk jeħduha kontra Alla u jibdew iwaħħlu f’Alla ta’ dak kollu li ġralhom.

 

Kemm hi interessanti dan li qaltli waħda żagħżugħa li ma kienetx ilha li ħadet il-liċenzja tas-sewqan, u bdiet issuq!  Isma’ din kemm hi tajba.

 

“ Jien milnix li ġibt il-liċenzja tas-sewqan. Darba mort nixtri mis-supermarket. Mort u pparkjajt il-karozza kif stajt għax ma tantx kien fadal wisq fejn tipparkja. Meta ġejt biex noħroġ, irrealizzajt li ma tantx stajtx niċċaqlaq wisq, għax ħaddieħor ipparkja wisq qrib tiegħi. Għal dawn il-praspar nieħu l-ewwel jien. Imbagħad għall-parking!!  Ma kontx naf kif se nagħmel biex noħroġ. Tgħid ngħid lil xi ħadd joħroġli l-karozza hu? Jew nistenna? Iddeċidejt li nipprova jien. Irriversjajt u tlajt fuq bankina! Issa sew! Dawwart l-isteering u għamilt pass ‘il quddiem. Imma weħilt. Ir-roti weħlu u bdew iżaqżqu mal-konkos tal-bankina. Ma ridtx immiss il-karozzi l-oħra!  Kont imwaħħla bla ma stajt nimmanuvra mkien! Ħassejtni qisni David quddiem Gulija. Impossibli. Imma David talab. U dak il-ħin hekk għamilt. Tlabt. “Mulej, aqlagħni u oħroġni minn hawn.” Pruvajt darbtejn, tlieta oħra u ħassejt li ċċaqlaqt ftit. U fl-aħħar ħriġt minn dak il-parking. Imma t-talb ħallejtu għall-aħħar. Aħjar tlabt fil-bidu għax kont noħroġ qabel!”

 

Gustuża din l-esperjenza. Xi drabi nispiċċaw mwaħħlin fiċ-ċirkustanzi tagħna għax ninsew nitolbu.  Tant nispiċċaw niffissaw fuq it-tbatijiet tal-provi li nkunu għaddejjin minnhom li ninsew kollox.  Ir-rabja tiekolna, nitkellmu ma’ kull min niltaqgħu fuq xi ġralna, u nimtlew b’rabja u nervi sakemm inħossu bħal għoqda fl-istonku tagħna. Neqirdu u ngergru, imma ma nitolbux.

 

Nixtieq inkun naf min kitibha din, imma x’imkien qrajt, “Tlabt dwarha daqskemm tkellimt dwarha?”  Nitkellmu mal-ħbieb tagħna u mal-familja, imma ma nitkellmux ma’ Dak li jista’ jagħmel id-differenza fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom.

 

Żminijiet diffiċli jitolbu li nieħdu miżuri iebsin. Fosthom it-talb. Nitkellmu bis-serjetà ma’ Alla fuq dak li għaddejjin minnu.  Meta niftħu qalbna u ruħna quddiemu, u nitolbuh jagħtina l-għerf Tiegħu biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu, u nitolbuh jagħtina s-saħħa biex nibqgħu għaddejjin bla ma naqtgħu qalbna, u biex jagħtina t-tama li kollox jinsab taħt il-kontroll tiegħu.

 

Ħbieb, jekk nitolbu, Alla jeħlisna mis-sitwazzjonijiet fejn inħossu ruħna mwaħħlin.  Xi minn daqqiet hu jeħlisna b’ dak il-mod kif inkunu nixtiequ aħna, imma kultant le. Imma hu dejjem jeħlisna bil-mod li Hu jaf li hu l-aħjar għalina. Jogħġobni ħafna dak li Alla jgħid fi Ġwanni 8,36: “Meta l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa!” It-tama tagħna – il-ħelsien tagħna minn kull ċirkustanza diffiċli tiġi minnu biss. Anke jekk dik li tkun qed titlob tkun weħlet fil-karozza bħalma ġralha dik iż-żagħżugħa!  

 

 Talba

 Mulej, inħossni mwaħħal fiċ-ċirkustanzi tiegħi.  Irrid ninqala’, iżda s-sitwazzjoni

 tidher li hi bla tama u kull bieb jidher magħluq.  Id-dlam għoddu għelibni, u jien tant inħossni li qtajt qalbi.  Jekk jogħġbok għinni ndawwar għajnejja minn fuq iċ-ċirkostanzi tiegħi u titfagħhom fuqek.  U jekk jogħġbok aħfirli ta’ kemm-il darba tkellimt ma’ kulħadd dwar il-problemi tiegħi minflok tkellimt miegħek.  Fakkarni li Int kapaċi tiftaħ triq quddiemi, anke fejn jidher li hu impossibli. Għax int trid li l-aħjar.    Ammen.

 

 Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1.   Semmi xi ċirkostanzi li dehru bla tama għalik, u x'tgħallimt minnhom?

 

2.   Kif tista’ tgħaddi minn żminijiet diffiċli u tispiċċa skuraġġit u bla tama?

 

 3. Għaliex kultant Alla iwieġeb it- talb taglna b’modi differenti milli nkunu qed nistennew?

 


7. Meta tgħaddi minn ġon-nar       

 

Jekk tgħaddi mill-ilma jiena miegħek.

Jekk taqsam ix-xmajjar, ma jgħerrqukx.

Anke jekk tgħaddi min-nar, ma tinħaraqx,

u l-fjamma ma tibilgħekx!

Is 43,2

 

Din l-esperjenza li ġejja seħħet barra minn Malta u qrajtha fuq rivista.

 

Koppja kellhom id-dar għal qalbhom ħafna. Xtaqu jduruha dawra. Dar antika u sabiħa b’żewġ sulari. Damu ħames snin jirrestawraw fiha.  Kien fadal l-aħħar irtokki fuq barra. Dar li hi ġojjell b’ħafna dettalji arkitettoniċi. Kienu ħadmu ħafna, imma issa x-xogħol iebes u s-sagrifiċċji li għamlu ħallew l-frott. U kienu kuntenti se jtiru.

 

Kien it-Tnejn wara nofsinhar, 4 ta’ Novembru, 2019, meta d-dinja tagħhom waqgħet biċċiet quddiemhom hekk kif in-nar ħakem id-dar f’daqqa u f’kemm ili ngħidlek tilfu dak kollu li ħadmu għalih. Huma u ż-żewġt itfal adoloxxenti tagħhom baqgħu iħarsu miblugħa jibku bla ma setgħu jagħmlu xejn. Il-pumpieri tat-tifi tan-nar għamlu ħilithom, imma kollox kien għal xejn. Il-ħolma ta’ ħajjithom rawha tintemm quddiem għajnejhom.

 

Iżda dak il-lejl meta l-familja tilfet id-dar tagħhom u kulma kellhom, ir-raġel kiteb dan fuq il-midja soċjali: “Aħna naqdu lil dak Alla li hu tal-għaġeb. Illum hu fakkarna fl-iktar affarijiet importanti f’ħajjitna. Il-familja tiegħi hija fiż-żgur. Aħna ma ġralna xejn. Ħabib tana post sabiħ fejn nistgħu norqdu llejla. Il-ġirien u l-ħbieb qed jagħmlu minn kollox biex jgħinuna. Bdew ġejjin ħbieb minn kullimkien. Id-dar tagħna nqerdet għal kollox, imma l-familja tiegħi aħna mberkin bi ħbiberiji sbieħ li l-ebda nar ma jista’ jitfi.”

 

Dik hi grazzja, ħabib. Alla biss jista’ jagħti dik it-tip ta’ paċi u faraġ meta kollox f’ħajtek jitfarrak fi ftit sekondi, meta f’daqqa waħda tispiċċa bla dar, meta tispiċċa b’xejn – b’ta’ fuqek senduqek, u tibqa’ tħares miblugħ lejn il-ħitan suwed ta’ dik li darba kienet id-dar għażiża tiegħek.

 

Il-Komunità tal-villaġġ xammru l-kmiem – min ta donazzjoni ta’ flus u min għen f’ħaġa u min f’oħra. “Rajna l-imħabba t’Alla fl-idejn ta’ tant nies li għenuna.”

 

Sentejn wara li n-nar kien temm għal kollox id-dar tal-ħolm tagħhom, il-mara kitbet hekk fuq il-midja soċjali: “Għaddew sentejn, il-ħajja tkompli. Tgħix mill-aħjar li tista’ bħallikieku dak il-jum—dawk il-jiem—qatt ma kienu. Imma għalkemm bil-mod qed inqumu fuq saqajna, kull meta nxomm ir-riħa tan-nar jew nara d-duħħan x’imkien, dejjem iġibuli memorji koroh. U kull meta nisma’ l-fire engine għaddejja, qalbi tibda tħabbat sitta sitta. Il-qata’ hemm tibqa’.  Dejjem rikonoxxenti għal tant u tant nies li għenuna. Kif nista’ ninsa lil dawk kollha li sibniehom fl-iktar żmien iswed ta’ ħajjitna? Imma rrid ngħid li kull sena, meta jasal l-anniversarju ta’ meta nħarqitilna d-dar, l-iktar li niftakar hija l-grazzja, l-imħabba u l-ħniena li Alla wera magħna permezz ta’ tant nies.”

 

Tolqotni ħafna dak li kiteb San Pietru (1 Pt 1, 6-7)j “F’dan kollu għandkom għax tifirħu, imqar jekk issa għal ftit żmien, jeħtieġ li titnikktu taħt ħafna provi. Għax bħalma d-deheb jgħadduh mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi l-prova tal-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja u għall-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu.”

 

Ħabib, kultant ikollna ngħaddu min-nar tal-ħajja, bħalma għamlu din il-familja. Imma Alla juża dawk il-mumenti biex isaffina u biex jibni l-fidi tagħna, biex aħna wkoll nispiċċaw infaħħruh, nigglorifikawh u nonorawh.

 

Talba

Mulej, li tgħaddi min-nar, kemm litteralment kif ukoll b’mod simboliku, mhix xi ħaġa sabiħa li tieħu pjaċir tgħaddi minnha. Imma naf li dawk il-mumenti ta’ prova huma parti mill-pjan Tiegħek għalija sabiex insir matur u nissaħħaħ fik. Mulej, jien naf li se jkun hemm nirien oħra f’ħajti, forsi mhux nar litteralment, imma provi fejn jien ma nkunx nista’ nemmen dak li jkun qed jiġrili. Saffini. Għinni ngħaddi min-nar biex insir aħjar, u mhux biex nimtla’ bir-rabja u l-imrar. Saħħaħ il-fidi tiegħi. U għinni nfaħħrek u nigglorifikak fiż-żminijiet diffiċli kollha li niltaqa’ magħhom f’ħajti. Ammen.

 

Mistoqsijiet ta' Riflessjoni

 

1. Din il-familja għaddiet minn diżgrazzja kbira. Tiflet id-dar. Iżda kienu kapaċi jfaħħru lil Alla. Għaliex taħseb li setgħu jagħmlu hekk?

 

2. Għaliex taħseb li Alla jibgħatlek in-nar fil-ħajja – iż-żmien tal-prova – propju lilek?

 

3. Kif tista’ tigglorifika lil Kristu permezz tal-provi li tiltaqa’ magħhom?