Laikos

 

Aktar dwar il-Ġublew ...

IL-ĠUBLEW:  ŻMIEN TA' GRAZZJA

Kitba ta'Joe Galea

Pellegrini ta’ Tama

 

Il-Knisja Kattolika qed tħejji għall-Ġublew tas-sena 2025. Il-Ġublew, li hu żmien ta’ grazzja, ta’ maħfra u ta’ rikonċiljazzjoni, se jiġi inawgurat fl-24 ta’ Diċembru ta’ din is-sena. It-tema hi ‘Pellegrini ta’ Tama’. Fis-sena tal-Ġublew il-grazzja jkollha sinifikat partikulari għax dan l-avveniment mhuwiex biss festa twila u sabiħa imma ċelebrazzjoni qaddisa.

 

Żmien ta' grazzja hu okkażjoni ta’ opri tajba, ta’ qdusija u ta’ fiduċja fil-qawwa u fil-fedelà ta' Alla. Grazzja tfisser dik is-sbuħija li ngħixu fl-imħabba tal-Mulej, meta l-Mulej jgħix fina ueta nġorruh magħna kulfejn inkunu.

 

L-oriġini

 

Kien Alla nnifsu, fi żmien Mose', li ordna li kull 50 sena jkun hemm sena li matulha l-art tistrieh. M'hemmx xogħol fl-egħlieqi. L-għan tas-sena speċjali ma kienx biss ta' mistrieħ imma wkoll reliġjuz u soċjali. L-art tistrieħ u titħalla biex jieklu minnha l-fqar tal-poplu. Is-sena tal-Ġublew kienet is-sena li fiha Alla jafferma d-dritt tiegħu fuq l art u l-poplu. F'din is sena: l-art terġa' lura għand is-sidien originali tagħha, jinħelsu l-ilsiera, jinħafer id-dejn tal-imsejkna, l-art ma kinitx tinħadem u l-foqra kienu jitħallew jiġbru minnha dak li sibu. F'kelma waħda il-Ġublew kien żmien ta' grazzja u ta' maħfra meta kulħadd u kollox, saħansitra l-art, kien jingħata l-opportinità li jibda' mill-ġdid.

 

Ġesù beda l-ħajja pubblika tiegħu billi xandar sena ta' grazzja, fejn il-bniedem jerġa' jikseb id-dinjità li kellu fil-bidu. Dan għamlu bit-tagħlim, bil-mirakli, u fuq kollox bit-tbatija, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt. Ġesù ddikjara: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,.. bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin u d-dawl mil-ġdid lill-għomja. Inrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.” (Lq 4, 16-21)

 

U proprju fis-sena tal-Ġublew, naraw kif ħajjitna se tkun mimlija bil-grazzja, ġara x'ġara fl-imgħoddi tagħna.

 

Aħna parti minn storja

 

Aħna parti minn storja ta' mħabba u ta' grazzja. Dan ifakkarni f’wirja ta’ tmien pitturi fi knisja, li jurina kif aħna rrakkmati fil-grazzja li ġejja mill-bidu tal-istorja tal-bniedem ma' Alla. Kull pittura hi mqabbla ma’ valuri li tajjeb nadottaw: Abram u Iżaak, fiduċja; il-Kmandmenti, għaxar punti ta' ferħ; is-Samaritan it-tajjeb, karità; l-Iben il-ħali, il-Missier li jistenna; Marta u Marija, is-smigħ tal-kelma t’Alla; l-aħħar Ċena, nagħtu lilna nfusna; Pietru, ir-rikonċiljazzjoni; u id-dixxipli ta’ Emmaws, nagħrfu lil Ġesù.

 

Alla, Missier il-poplu u sid tal-art għandu grazzja magħna

 

Dan il-Missier jagħmilha ħafifa għalina li nerġgħu lura għandu, u forsi mhemmx deskrizzjoni aqwa mill-parabbola li nsejħulha tal-Iben il-Ħali. Hi mibnija fuq il-karatteristika ta’ ‘Missier’. Kemm hu isem sabih! Hi waħda mill-ewwel kelmiet ta’ kull wieħed u waħda minna, “Papà”! Espressjoni li nstemgħet mill-bidu tad-dinja. Hekk Ġesù qalilna biex insejħu lill-Missier Alla.

 

 

Forsi hu diffiċli għalina llum li nifhmu kemm kien straordinarju dan I-isem; għalina li mindu konna żgħar, drajna ntennu t-talba tal-‘Missierna’. Kemm kienet tfisser differenti elfejn sena ilu li tgħid li Alla hu Missier. Ġesu’ semma wkoll il-kelma ‘Abba Missier’. Kienet tinħass kelma aktar qawwija qalb dawk li kienu kontra tiegħu. Hekk intimità bejn il-bniedem ma’ Alla li hu tliet darbiet qaddis.

 

Ġesù inawgura din ir-rabta ġdid bejna u Alla, mibnija fuq fiduċja u kunfidenza li tistrieħ ruħha fuq iċ-ċertezza li aħna maħbubin minn Alla. “Il-Missier innifsu jħobbkom”, kien jgħid lid-dixxipli tiegħu.

 

Alla kien meqjus bħala missier. Forsi mhux b’mod korrett, għax hi minn awl id-dinja li mhux kull missier mexa sew ma’ wliedu u ma’ martu. Id-dinja minn dejjem hekk kienet. Imma l-missier Lhudi kien meqjus bħala l-qalba tal-familja, u l-ixjeħ wieħed kien il-qalba tat-tribu’.

 

Fil-parabbola għandna t-tluq ‘il bogħod tal-iben, il-ħajja mħarbta ġo art 'il bogħod u d-deċiżjoni li l-iben jerġa lura bit-tgħanniqa ta’ barka mill-missier.

Alla hu ħanin, anke mal-midneb li ma jridx jaf

 

Il-Ġublew hu żmien ta’ maħfra. Irridu nitilqu mid-diffikultà li ngħixu fil-grazzja t’Alla. San Pawl jgħid lir-Rumani: "Togħġobni l-liġi t'Alla, imma nħoss liġi oħra ġo fija titqabad mal-liġi ta' moħħi u tjassarni għall-ligi tad-dnub. Miskin jien! Min se jeħlisni minn dal-ġisem tal-mewt? Ħajr lil Alla b'Ġesu' Kristu, Sidna.” (Rum 7, 18)                   

 

Irridu nagħmlu l-għalmu tagħna, għax Alla ħalaqna mingħajrna, imma ma jridx isalvana mingħajrna. Biex ikollna l-ħniena tiegħu, irridu nistqarru ħtijietna. "Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen." Kif jgħid San Pawl: "Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja." Ma ninsewx li Alla jaf jikteb dritt fuq il-linji mgħawġin tagħna.

 

Is-sena mqaddsa hi żmien li fih tinħass b’mod iktar intens l-istedina ta’ Ġesu għall-konverżjoni u għar-ritorn lejn Alla l-Missier; żmien li fih tinħass l-istedina ta’ Ġesù għall-konverżjoni u għar-ritorn lejn Alla l-Missier. Il-konverżjoni tal-qalb u l-penitenza bħala mod kostanti ta’ ħajja huma l-bidu tar-riabilitazzjoni tal-bniedem biex jirbaħ dak li bil-forzi tiegħu biss ma jistax jikseb: il-ħbiberija m’Alla, il-grazzja tiegħu, il-ħajja sopranatturali, - li jistgħu jsolvu l-aktar xewqat profondi tal-qalb tal-bniedem.

 

L-Indulġenza tal-Ġublew

 

Għajnuna għall-grazzja fil-Ġublew huma l-indulġenzi. L-indulġenza hi wirja tal-ħniena t'Alla, li joffri lil kulħadd l-imħabba tiegħu, li tidher l-aktar fil-maħfra tad-dnubiet. Normalment il-Missier jagħti l-maħfra tiegħu permezz tas-Sagrament tal-Qrar, ir-rikonċiljazzjoni. Meta nċedu għax irridu għad-dnub gravi, fil-fatt dan jifridna mil-ħajja tal-grazzja ma' Alla u wkoll jeskludina mill-qdusija li għaliha ġejna msejħa. Għax irċieviet minn Ġesù s-setgħha li taħfer id-dnubiet f'ismu, il-Knisja hi fid- dinja l-preżenza ħajja tal-imħabba ta' Alla, li jitbaxxa lejn id-dgħufija ta' kull bniedem biex iħaddnu fil-maħfra tiegħu. Hu permezz tal-ministeru tal-Knisja li Alla jferrex il-maħfra tiegħu fid-dinja, permezz ta' dak ir-rigal prezzjuż li minn żminijiet qodma kien jissejjaħ I-Indulġenza.

 

It-tradizzjoni tas-snin tal-Ġublew hi marbuta mal-għoti tal-indulġenzi, b'idejn aktar miftuħa milli jkunu fi żminijiet oħra. F'dawn l-okkażjonijiet il-Knisja tħabbar sena ta' grazzja tal-Mulej, u tħabrek biex, minn din is-sena ta' grazzja, igawdu, kemm jista' jkun dejjem aktar, il-fidili kollha.

 

Is-Sagrament tal-Qrar joffri lill-midneb possibbilta' ġdida li jkkkonverti u jakkwista l-grazzja tal-ġustifikazzjoni, mirbuħa mis-sagrifiċċju ta' Kristu. Il midneb b'hekk jidħol fil- ħajja t'Alla mill-ġdid u jieħu sehem mill-ħajja tal-Knisja. Meta jqerr id-dnubiet, il-bniedem jirċievi l-maħfra u jista' jieħu sehem fl-Ewkaristija b'sinjal li daħal fil-komunjoni mal- Missier u mal-Knisja tiegħu.

 

Mill-ewwel sekli, imma, il-Knisja dejjem kienuet konvinta profondement li l-maħfra, mogħtija b' xejn minn Alla, timplika bħala konsegwenza bidla fil-ħajja, l-eliminazzjoni gradwali tal-ħażen ġo fina, u tiġdid fil-mod tagħna ta' ħajja. L-azzjoni sagramentali trid titħallat ma' għemil, b' tindif veru mill-ħtija, dak li preċiżament insejħulu penitenza. Il- maħfra ma timplikax li dan il-proċess hu żejjed, imma li l-maħfra tieħu tifsira, li tkun aċċettata.

 

Ir-rikonċiljazzjoni m'Alla ma tfissirx li mhemmx konsegwenzi tad-dnub li rridu nippurifikaw. Hu f'dan il-kuntest li l-indulġenza ssir importanti, billi hi l-espressjoni tar-rigal totali tal-maħfra t'Alla. Bl-indulġenza, il-midneb li nidem jirċievi l-maħfra tal-kastig li ġew maħfura f'dik li hi ħtija.

 

Billi joffendi l-qdusija u l-ġustizzja t'Alla u jiċħad l-imħabba personali t'Alla mal-bniedem, id-dnub għandu konsegwenza doppja. Fl-ewwel post, jekk inhu gravi, jinvolvi l-firda mill- komunjoni m'Alla, u b'konsegwenza, esklużjoni milli jissieħeb fil-ħajja eterna. Għall-midneb li jindem, imma, Alla fil-maħfra tiegħu, jagħti l-maħfra għad-dnub gravi u maħfra għall-kastig etern li jġib miegħu.

 

Fit-tieni post, kull dnub, anke venjali, fih rabta ta' ħsara mal-krejaturi, li jrid jiġi ippurifikat jew hawnhekk fid-dinja, jew wara l-mewt f'dak l-istat li nsejħulu l-Purgatorju. Din il-purifikazzjoni teħlisna minn dak li hu l-kastig temporali tad-dnub, u din it-tpattija tneħħi dak li jfixkel komunjoni sħIħa m'Alla u mal-aħwa l-oħra.

 

Il-Knisja minn dejjem għallmet, fuq bażi tar-rivelazzjoni, li n-Nisrani mhuwiex waħdu fil-mixja għall-konverżjoni. Fi Kristu u ma' Kristu, il-ħajja tagħna hi marbuta f'għaqda misterjuża mal-ħajjiet tal-Insara l-oħra kollha f'unjoni sopranatuali mal-ġisem mistiku. Dan jistabbilixxi fost il-fidili bidliet meraviljużi ta' rigali spiritwali, hekk li l-qdusija ta' wieħed tibbenefika oħrajn b'mod li hu ħafna akbar mill-ħsara li d-dnub  ta' wħud iġib fuq l-oħrajn. Hawn nies li wrajhom iħallu mħabba, tbatija li sofrew bil-qalb, purità u verità, li tinvolvi, tmantni u ssaħħaħ lill-oħrajn. Din hi l-għaqda li fuqha l-misteru kollu ta' Kristu hu mibni. Din l-imħabba bla tarf tiegħu issalvana.

 

Hi wkoll parti mill-kobor tal-imħabba ta' Kristu li ma jħalliniex f'din il-kundizzjoni u jdaħħalna fil-ħidma ta' salvazzjoni tiegħu, u partikularment, fil-Passjoni tiegħu. Għalhekk San Pawl fil-passaġġ famuż tiegħu fl-ittra lill-Kolossin, jgħid: “Fil-ġisem tiegħi, jien inkompli t-tbatija ta' Kristu, għall-ġieħ tal-ġisem tiegħu, li hi l-Knisja.” (Kol 1, 24)

 

Kundizzjonijiet għar-rebħ tal-Indulġenzi

 

Kull wieħed u waħda minna, imħejjijin kif suppost, nistgħu nirbħu  l-Indulgenza iktar minn darba matul il-Ġublew. L-Indulġenza tista' tiġi applikata għall-erwieħ tal-purgatorju. F'kull kaz matul il-Ġublew tibqa' r-regola li Indulgenza plenarja tista' tintrebaħ darba waħda biss kuljum. Għar-rebħ tal-indulġenza huma meħtieġa Qrara Sagramentali fi żmien raġunevoli. (Qrara waħda tissodisfa iktar minn indulġenza waħda.) Tqarbina kull darba u fl-istess jum li fih nagħmlu l-opra tajba li se nagħżlu. Talba skond il-fehma tal-papa b'turija ta' għaqda mal-Knisja.

 

Talba li ta’ min ngħidu tul is-sena tal-Ġublew

 

Fost it-talbiet sbieħ, hemm dik ta' Ġesu' Msallab, “O Ġesu' maħbub tiegħi, mixħut għarkupptejja quddiemek...” Ejjew ninżlu tassew għarkubbtejna, biex lill-Mulej ngħidulu grazzi, din is-sena, u bil-kunfidenza kollha nitolbuh jaħfrilna.