IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 25 ta’ Jannar 2017

 

It-Tama Nisranija – 8. Ġuditta: il-kuraġġ ta’ mara jimla bit-tama lil poplu sħiħ

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fost il-figuri ta’ nisa li jippreżentalna t-Testment il-Qadim, tispikka dik ta’ eroina kbira tal-poplu: Ġuditta. Il-ktieb bibliku li jġib isimha jirrakkonta l-kampanja militari imponenti tas-sultan Nebukadnessar, li, meta saltan fuq Ninwe, wessa’ l-konfini tal-imperu billi rebaħ fuq il-poplu ta’ madwaru u ġabhom taħtu. Il-qarrej jifhem li hawn għandu quddiemu għadu kbir u invinċibbli li qed jiżra’ l-mewt u l-qerda u li jasal saħansitra sal-Art Imqaddsa, u jqiegħed fil-periklu l-ħajja ta’ wlied Israel.

 

Fil-fatt l-armata ta’ Nebukadnessar, taħt it-tmexxija tal-ġeneral Oloferne, tassedja belt tal-Lhudija, Betulja, u taqta’ l-provvista tal-ilma ħalli hekk iddgħajjef ir-reżistenza tal-poplu.

 

Is-sitwazzjoni hi waħda drammatika, tant li n-nies tal-belt iduru fuq ix-xjuħ tal-poplu u jitolbuhom iċedu l-armi quddiem l-għedewwa tagħhom. Dan tagħhom hu kliem ta’ disperazzjoni: “Issa ma għandna ebda għajnuna; Alla biegħna f’idejhom biex nintemmu quddiemhom bil-għatx u b’telf kbir. Mela sejħulhom u itilqu l-belt bi priża f’idejhom, f’idejn in-nies ta’ Oloferne u l-eżerċtu tiegħu kollu” (Ġdt 7:25-26). Donnu m’għadx hemm iżjed fejn taħrab mit-tmiem, intemmet kull ħila li wieħed jafda f’Alla. Il-ħila li wieħed jafda f’Alla spiċċat għalkollox. U kemm drabi aħna naslu għal sitwazzjonijiet ta’ limitu fejn lanqas inħossu l-ħila li jkollna fiduċja f’Alla. Hi tentazzjoni kerha! U, paradossalment, donnu, biex naħarbu minn ħalq il-mewt, ma jifdlilna xejn iżjed x’nagħmlu ħlief nagħtu ruħna b’mirbuħa f’idejn min joqtol. Huma jafu li dawn is-suldati sa jidħlu jħarbtu l-belt, jieħdu n-nisa tagħhom bħala lsiera u mbagħad joqtlu lill-oħrajn kollha. Dan hu propju “l-limitu”.

 

U quddiem tant qtigħ il-qalb, il-mexxej tal-poplu jaħsel jipproponi xaqq ta’ tama: jirreżistu għal ħamest ijiem oħra, u jistennew l-intervent salvifiku ta’ Alla. Imma hi tama dgħajfa, li twasslu biex jikkonkludi: “Jekk imbagħad jgħaddi dan iż-żmien, u ma taslilna ebda għajnuna, nagħmel kif qegħdin tgħidu” (7:31). Imsejken: ma kellux triq oħra. Ħamest ijiem jingħatawlu lil Alla – u hawn hu d-dnub –; ħamest ijiem jingħatawlu lil Alla biex jintervieni; ħamest ijiem ta’ stennija, imma diġà bil-perspettiva tat-tmiem ta’ kollox. Lil Alla jagħtuh ħamest ijiem biex isalvahom, imma jafu li m’għandhomx fiduċja, jistennew l-agħar jasal. Fir-realtà, ħadd iżjed, fost il-poplu, ma għadu kapaċi jittama. Kienu qalbhom maqtugħa.

 

Hu f’din is-sitwazzjoni li tidħol fix-xena Ġuditta. Armla, mara ta’ ġmiel u għerf liema bħalhom, hi tkellem lill-poplu bil-lingwaġġ tal-fidi. Qalbiena, iċċanfar lill-poplu f’wiċċu: “Tridu b’daqshekk tistħarrġu l-Mulej li jista’ kollox? […] Ma jkun qatt, ħuti, li tgħaddbu lil Alla tagħna. Għaliex ukoll jekk ma jridx jgħinna f’dawn il-ħamest ijiem, hu għandu s-setgħa li jaqbeż għalina meta jrid jew li jeqridna quddiem l-għedewwa tagħna. […] Għalhekk aħna għandna nistennew is-salvazzjoni tagħna mingħandu, u sadattant nitolbuh jgħinna; u jekk dan jogħġbu, żgur li jisma’ leħinna” (8:13,14-15,17). Dan hu l-lingwaġġ tat-tama. Inħabbtu fuq il-bibien tal-qalb ta’ Alla, hu Missier, hu jista’ jsalvana. Din il-mara, armla, tirriskja mqar li tidher kerha quddiem l-oħrajn! Imma għandha l-kuraġġ! Tibqa’ miexja! Din hi opinjoni tiegħi: in-nisa huma iżjed kuraġġjużi mill-irġiel. [Ċapċip fis-sala].

 

U bil-qawwa ta’ profeta, Ġuditta terġa’ ssejjaħ lill-irġiel tal-poplu tagħha biex mill-ġdid tnissel fihom il-fiduċja f’Alla; bil-ħarsa ta’ profeta, hi tara lil hemm mix-xefaq dejjaq propost mill-mexxejja u li l-biża’ iktar jagħmlu limitat. Alla żgur li sa jaġixxi – tafferma hi –, waqt li l-proposta tal-ħamest ijiem ta’ stennija hi mod kif jittentawh u biex ma joqogħdux għar-rieda tiegħu. Il-Mulej hu Alla tas-salvazzjoni, – u hi temmnu dan –, hi x’inhi x-xejra li din tieħu. Hi salvazzjoni li hu jeħles mill-għedewwa u jagħti l-ħajja, imma, fil-pjanijiet tiegħu li ħadd ma jista’ jifhem, tista’ tkun salvazzjoni wkoll li jagħti l-mewt. Mara ta’ fidi, dan hi tafu. Imbagħad l-għeluq nafuh, kif spiċċat l-istorja: Alla jsalva.

 

Għeżież ħuti, ejjew ma nqiegħdu qatt kundizzjonijiet lil Alla, imma nħallu t-tama tegħleb il-biżgħat tagħna. Li  nafdaw f’Alla jfisser nidħlu fil-pjanijiet tiegħu mingħajr ma nippretendu xejn, anki billi naċċettaw li s-salvazzjoni tiegħu u l-għajnuna tiegħu jaslu għandna b’mod differenti minn dak li nistennew aħna. Aħna lil Alla nitolbuh il-ħajja, is-saħħa, l-imħabba, il-ferħ; u sewwa nagħmlu, imma fl-għarfien li Alla kapaċi joħroġ il-ħajja anki mill-mewt, li nistgħu nduqu l-paċi anki fil-mard, u li nistgħu nkunu sereni anki fis-solitudni u hienja anki fid-dmugħ. Mhux aħna li nistgħu ngħallmu lil Alla dak li għandu jagħmel, dak li aħna għandna bżonn. Hu jaf aħjar minna, u rridu nafdaw, għax it-toroq tiegħu u l-ħsibijiet tiegħu huma differenti ħafna minn tagħna.

 

Il-mixja li turina Ġuditta hi dik tal-fiduċja, tal-istennija fis-sliem, tat-talb u tal-ubbidjenza. Hi l-mixja tat-tama. Bla rassenjazzjonijiet faċli, nagħmlu dak kollu li hu fil-possibbiltà tagħna, imma dejjem billi nibqgħu fir-rieda ta’ Alla, għax – dan nafuh – hi talbet ħafna, kellmet ħafna lill-poplu u mbagħad, kuraġġjuża, marret, fittxet mod kif tersaq lejn il-kap tal-armata u rnexxielha taqtagħlu rasu, tħanxru. Hi kuraġġjuża fil-fidi u fl-opri. U tfittex dejjem lill-Mulej! Ġuditta, fil-fatt, għandha pjan tagħha, twettqu b’suċċess u twassal lill-poplu għar-rebħa, imma dejjem fl-atteġġjament ta’ fidi ta’ min kollox jilqa’ minn idejn Alla, żgura mit-tjieba tiegħu.

 

Hekk, mara mimlija fidi u kuraġġ trodd mill-ġdid il-qawwa lill-poplu tagħha fil-periklu tal-mewt u twasslu fit-toroq tat-tama, u dawn turihom lilna wkoll. U aħna, jekk niftakru ftit, kemm drabi smajna kliem għaref, kuraġġjuż, minn persuni umli, minn nisa umli li wieħed jaħseb – bla ma nbaxxihom – li kienu injoranti… Imma hu l-kliem tal-għerf ta’ Alla! Il-kliem tan-nanniet… Kemm drabi n-nanniet ikunu jafu jlissnu l-kelma t-tajba, il-kelma ta’ tama, għax għandhom l-esperjenza tal-ħajja, batew ħafna, fdaw f’Alla u l-Mulej jagħtina dan id-don tal-parir ta’ tama. U, jekk nimxu f’dawk it-toroq, bil-ferħ u bid-dawl tal-Għid inkunu nistgħu nintelqu b’fiduċja fil-Mulej bi kliem Ġesù fuq fommna: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42). U din hi t-talba tal-għerf, tal-fiduċja u tat-tama.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard