|
IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 25 ta’ Jannar 2017
It-Tama Nisranija – 8. Ġuditta:
il-kuraġġ ta’ mara jimla bit-tama lil poplu sħiħ
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Fost il-figuri ta’ nisa li jippreżentalna
t-Testment il-Qadim, tispikka dik ta’ eroina kbira tal-poplu: Ġuditta.
Il-ktieb bibliku li jġib isimha jirrakkonta l-kampanja militari imponenti
tas-sultan Nebukadnessar, li, meta saltan fuq Ninwe, wessa’ l-konfini
tal-imperu billi rebaħ fuq il-poplu ta’ madwaru u ġabhom taħtu.
Il-qarrej jifhem li hawn għandu quddiemu għadu kbir u
invinċibbli li qed jiżra’ l-mewt u l-qerda u li jasal saħansitra
sal-Art Imqaddsa, u jqiegħed fil-periklu l-ħajja ta’ wlied Israel.
Fil-fatt l-armata ta’ Nebukadnessar, taħt
it-tmexxija tal-ġeneral Oloferne, tassedja belt tal-Lhudija, Betulja, u
taqta’ l-provvista tal-ilma ħalli hekk iddgħajjef ir-reżistenza
tal-poplu.
Is-sitwazzjoni hi waħda drammatika, tant li
n-nies tal-belt iduru fuq ix-xjuħ tal-poplu u jitolbuhom iċedu l-armi
quddiem l-għedewwa tagħhom. Dan tagħhom hu kliem ta’
disperazzjoni: “Issa ma għandna ebda għajnuna; Alla biegħna
f’idejhom biex nintemmu quddiemhom bil-għatx u b’telf kbir. Mela
sejħulhom u itilqu l-belt bi priża f’idejhom, f’idejn in-nies ta’
Oloferne u l-eżerċtu tiegħu kollu” (Ġdt 7:25-26). Donnu
m’għadx hemm iżjed fejn taħrab mit-tmiem, intemmet kull
ħila li wieħed jafda f’Alla. Il-ħila li wieħed jafda f’Alla
spiċċat għalkollox. U kemm drabi aħna naslu għal
sitwazzjonijiet ta’ limitu fejn lanqas inħossu l-ħila li jkollna
fiduċja f’Alla. Hi tentazzjoni kerha! U, paradossalment, donnu, biex
naħarbu minn ħalq il-mewt, ma jifdlilna xejn iżjed
x’nagħmlu ħlief nagħtu ruħna b’mirbuħa f’idejn min
joqtol. Huma jafu li dawn is-suldati sa jidħlu jħarbtu l-belt,
jieħdu n-nisa tagħhom bħala lsiera u mbagħad joqtlu
lill-oħrajn kollha. Dan hu propju “l-limitu”.
U quddiem tant qtigħ il-qalb, il-mexxej
tal-poplu jaħsel jipproponi xaqq ta’ tama: jirreżistu għal
ħamest ijiem oħra, u jistennew l-intervent salvifiku ta’ Alla. Imma
hi tama dgħajfa, li twasslu biex jikkonkludi: “Jekk imbagħad
jgħaddi dan iż-żmien, u ma taslilna ebda għajnuna,
nagħmel kif qegħdin tgħidu” (7:31). Imsejken: ma kellux triq
oħra. Ħamest ijiem jingħatawlu lil Alla – u hawn hu d-dnub –;
ħamest ijiem jingħatawlu lil Alla biex jintervieni; ħamest ijiem
ta’ stennija, imma diġà bil-perspettiva tat-tmiem ta’ kollox. Lil Alla
jagħtuh ħamest ijiem biex isalvahom, imma jafu li m’għandhomx
fiduċja, jistennew l-agħar jasal. Fir-realtà, ħadd iżjed,
fost il-poplu, ma għadu kapaċi jittama. Kienu qalbhom maqtugħa.
Hu f’din is-sitwazzjoni li tidħol fix-xena
Ġuditta. Armla, mara ta’ ġmiel u għerf liema bħalhom, hi
tkellem lill-poplu bil-lingwaġġ tal-fidi. Qalbiena,
iċċanfar lill-poplu f’wiċċu: “Tridu b’daqshekk
tistħarrġu l-Mulej li jista’ kollox?
[…] Ma jkun qatt, ħuti, li tgħaddbu lil Alla tagħna. Għaliex ukoll jekk ma jridx jgħinna
f’dawn il-ħamest ijiem, hu għandu
s-setgħa li jaqbeż
għalina meta jrid jew li jeqridna
quddiem l-għedewwa tagħna. […] Għalhekk aħna għandna nistennew is-salvazzjoni tagħna mingħandu, u sadattant nitolbuh jgħinna; u jekk dan jogħġbu, żgur li jisma’ leħinna” (8:13,14-15,17). Dan
hu l-lingwaġġ
tat-tama. Inħabbtu fuq il-bibien tal-qalb ta’ Alla, hu Missier, hu jista’
jsalvana. Din il-mara, armla, tirriskja mqar li tidher kerha quddiem
l-oħrajn! Imma għandha l-kuraġġ! Tibqa’ miexja! Din hi
opinjoni tiegħi: in-nisa huma iżjed kuraġġjużi
mill-irġiel.
[Ċapċip fis-sala].
U bil-qawwa ta’ profeta, Ġuditta terġa’
ssejjaħ lill-irġiel tal-poplu tagħha biex mill-ġdid tnissel
fihom il-fiduċja f’Alla; bil-ħarsa ta’ profeta, hi tara lil hemm
mix-xefaq dejjaq propost mill-mexxejja u li l-biża’ iktar jagħmlu limitat.
Alla żgur li sa jaġixxi – tafferma hi –, waqt li l-proposta
tal-ħamest ijiem ta’ stennija hi mod kif jittentawh u biex ma
joqogħdux għar-rieda tiegħu. Il-Mulej hu Alla tas-salvazzjoni, –
u hi temmnu dan –, hi x’inhi x-xejra li din tieħu. Hi salvazzjoni li hu
jeħles mill-għedewwa u jagħti l-ħajja, imma, fil-pjanijiet
tiegħu li ħadd ma jista’ jifhem, tista’ tkun salvazzjoni wkoll li
jagħti l-mewt. Mara ta’ fidi, dan hi tafu. Imbagħad l-għeluq
nafuh, kif spiċċat l-istorja: Alla jsalva.
Għeżież ħuti, ejjew ma
nqiegħdu qatt kundizzjonijiet lil Alla, imma nħallu t-tama
tegħleb il-biżgħat tagħna. Li nafdaw f’Alla jfisser nidħlu
fil-pjanijiet tiegħu mingħajr ma nippretendu xejn, anki billi
naċċettaw li s-salvazzjoni tiegħu u l-għajnuna tiegħu
jaslu għandna b’mod differenti minn dak li nistennew aħna. Aħna
lil Alla nitolbuh il-ħajja, is-saħħa, l-imħabba,
il-ferħ; u sewwa nagħmlu, imma fl-għarfien li Alla kapaċi
joħroġ il-ħajja anki mill-mewt, li nistgħu nduqu
l-paċi anki fil-mard, u li nistgħu nkunu sereni anki fis-solitudni u
hienja anki fid-dmugħ. Mhux aħna li nistgħu ngħallmu lil
Alla dak li għandu jagħmel, dak li aħna għandna bżonn.
Hu jaf aħjar minna, u rridu nafdaw, għax it-toroq tiegħu u l-ħsibijiet
tiegħu huma differenti ħafna minn tagħna.
Il-mixja li turina Ġuditta hi dik
tal-fiduċja, tal-istennija fis-sliem, tat-talb u tal-ubbidjenza. Hi
l-mixja tat-tama. Bla rassenjazzjonijiet faċli, nagħmlu dak kollu li
hu fil-possibbiltà tagħna, imma dejjem billi nibqgħu fir-rieda ta’
Alla, għax – dan nafuh – hi talbet ħafna, kellmet ħafna
lill-poplu u mbagħad, kuraġġjuża, marret, fittxet mod kif
tersaq lejn il-kap tal-armata u rnexxielha taqtagħlu rasu, tħanxru.
Hi kuraġġjuża fil-fidi u fl-opri. U tfittex dejjem lill-Mulej!
Ġuditta, fil-fatt, għandha pjan tagħha, twettqu
b’suċċess u twassal lill-poplu għar-rebħa, imma dejjem
fl-atteġġjament ta’ fidi ta’ min kollox jilqa’ minn idejn Alla,
żgura mit-tjieba tiegħu.
Hekk, mara mimlija fidi u kuraġġ trodd mill-ġdid il-qawwa lill-poplu tagħha fil-periklu tal-mewt u twasslu fit-toroq tat-tama, u dawn turihom lilna wkoll. U aħna, jekk niftakru ftit, kemm drabi smajna kliem għaref, kuraġġjuż, minn persuni umli, minn nisa umli li wieħed jaħseb – bla ma nbaxxihom – li kienu injoranti… Imma hu l-kliem tal-għerf ta’ Alla! Il-kliem tan-nanniet… Kemm drabi n-nanniet ikunu jafu jlissnu l-kelma t-tajba, il-kelma ta’ tama, għax għandhom l-esperjenza tal-ħajja, batew ħafna, fdaw f’Alla u l-Mulej jagħtina dan id-don tal-parir ta’ tama. U, jekk nimxu f’dawk it-toroq, bil-ferħ u bid-dawl tal-Għid inkunu nistgħu nintelqu b’fiduċja fil-Mulej bi kliem Ġesù fuq fommna: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42). U din hi t-talba tal-għerf, tal-fiduċja u tat-tama.
miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard