IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Settembru 2022

 

KatekeżiIl-Vjaġġ Appostoliku fil-Każakistan

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-ġimgħa li għaddiet, mit-Tlieta sal-Ħamis, mort il-Każakistan, pajjiż vast ħafna tal-Asja Ċentrali, fl-okkażjoni tas-seba’ Kungress tal-Mexxejja tar-reliġjonijiet dinjija u tradizzjonali. Inġedded lis-Sur President tar-Repubblika u lill-Awtoritajiet l-oħra tal-Każakistan il-gratitudni tiegħi għal-laqgħa sabiħa li għamluli u għall-impenn ġeneruż tagħhom fl-organizzazzjoni. Bl-istess mod nirringrazzja minn qalbi lill-Isqfijiet u lill-kollaboraturi kollha għall-ħidma kbira tagħhom, u fuq kollox għall-ferħ li tawni għax stajt niltaqa’ magħhom u narahom kollha flimkien.

 

Kif kont qed ngħid, ir-raġuni prinċipali tal-vjaġġ kienet biex nieħu sehem fil-Kungress tal-Mexxejja tar-reliġjonijiet dinjija u tradizzjonali. Din l-inizjattiva ilha għaddejja għoxrin sena grazzi għall-Awtoritajiet tal-pajjiż, li qed jippreżenta ruħu quddiem id-dinja bħala post ta’ laqgħa u ta’ djalogu, f’dan il-każ fuq livell reliġjuż, u allura bħala protagonista fil-promozzjoni tal-paċi u tal-fraternità umana. Din kienet is-seba’ edizzjoni ta’ dan il-kungress: pajjiż li għandu 30 sena ta’ indipendenza, diġà għamel 7 edizzjonijiet ta’ dawn il-kungressi, wieħed kull tliet snin. Hekk ifisser tqiegħed ir-reliġjonijiet fiċ-ċentru tal-impenn b’risq il-bini ta’ dinja fejn nisimgħu u nirrispettaw lil xulxin imqar fid-differenzi ta’ bejnietna. U dan mhuwiex relattiviżmu, le: dan ifisser li nisimgħu u nirrispettaw. U għal dan għandna għax nirringrazzjaw lill-Gvern tal-Każakistan, li, wara li nħeles mill-madmad tar-reġim ateistiku, issa qed jipproponi triq ta’ ċiviltà, u jikkundanna b’mod ċar fundamentaliżmi u estremiżmi. Hija pożizzjoni bbilanċjata u ta’ għaqda.

 

Il-Kungress iddiskuta u approva d-Dikjarazzjoni finali, li tkompli ma’ dik iffirmata f’Abu Dhabi fi Frar 2019 dwar il-fraternità umana. Nixtieq ninterpreta dan il-pass ’il quddiem bħala frott ta’ mixja li ilha li bdiet: naturalment tiġini f’moħħi l-Laqgħa storika interreliġjuża għall-paċi msejħa minn San Ġwanni Pawlu II f’Assisi fl-1986, tant ikkritikata minn dawk li ma kellhomx viżjoni fil-bogħod; naħseb fil-viżjoni wiesgħa ta’ San Ġwanni XXIII u San Pawlu VI; u anki f’dik ta’ erwieħ kbar minn reliġjonijiet oħra – nillimita ruħi biex infakkar lil Mahatma Gandhi. Imma kif nistgħu ma niftakrux f’tant martri, irġiel u nisa ta’ kull età, lingwa u nazzjon, li ħallsu b’ħajjithom għall-fedeltà lejn Alla tal-paċi u tal-fraternità? Dan nafuh: il-mumenti solenni huma importanti, imma mbagħad hu l-impenn ta’ kuljum, hija x-xhieda konkreta li tibni dinja aħjar għal kulħadd.

 

Barra l-Kungress, dan il-vjaġġ tani l-opportunità li niltaqa’ mal-Awtoritajiet tal-Każakistan u mal-Knisja li tgħix f’dik l-art.

 

Wara li żort lill-President tar-Repubblika – li nirringrazzjah mil-ġdid għall-ġentilezza tiegħu –, morna fis-Sala ġdida tal-Kunċerti, fejn stajt inkellem lill-Mexxejja tal-Gvernijiet, lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lill-Korp diplomatiku. Tkellimt fuq il-vokazzjoni tal-Każakistan li jkun Pajjiż tal-laqgħa: fil-fatt, fih jgħixu flimkien madwar 150 grupp etniku u jiġu mitkellem fuq 80 lingwa. Din il-vokazzjoni, li hi dovuta lill-karatteristiċi ġeografiċi u lill-istorja tiegħu, – din il-vokazzjoni li jkun pajjiż tal-laqgħa, ta’ kulturi, ta’ lingwi – ġiet milqugħa u mħaddna bħala mixja, li jixraq li ninkuraġġuha u nweżnuha. Kif awgurajt ukoll li tkompli miexja ’l quddiem il-binja ta’ demokrazija dejjem iżjed matura, li kapaċi twieġeb effettivament għall-esiġenzi tas-soċjetà kollha. Din mhix ħidma faċli, anzi titlob iż-żmien, imma rridu diġà nirrikonoxxu li l-Każakistan għamel għażliet pożittivi ħafna, bħal dik li jgħid “le” għall-armi nukleari u dik ta’ politika tajba tal-enerġija u l-ambjent. Dan kien kuraġġjuż. F’mument ta’ gwerra traġika fejn xi wħud ħsiebhom fl-armi nukleari – ġennata – dan il-pajjiż diġà sa mill-bidu qed jgħid “le” għall-armi nukleari.

 

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Knisja, fraħt ħafna nitlaqa’ ma’ komunià ta’ persuni kuntenti, ferħana, imħeġġa. Il-Kattoliċi huma ftit f’dak il-pajjiż hekk vast. Imma din il-kundizzjoni, jekk jgħixuha bil-fidi, tista’ ġġib frott evanġeliku: qabelxejn il-beatitudni taċ-ċkunija, li jkunu ħmira, melħ u dawl, jistrieħu biss fuq il-Mulej u mhux fuq xi għamla ta’ rilevanza umana. Barra minn hekk, il-ftit numri jistiednu biex jiżviluppaw ir-relazzjonijiet mal-Insara ta’ konfessjonijiet oħra, u anki l-fraternità ma’ kulħadd. Għalhekk merħla żgħira, iva, imma miftuħa, mhux magħluqa, mhux difensiva, imma miftuħa u fiduċjuża fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jonfoħ bla nkwiet fejn u kif irid. Fakkarna wkoll dik il-parti griża, il-martri: il-martri ta’ dak il-Poplu qaddis ta’ Alla – għax bata għexieren ta’ oppressjonijiet ateistiċi, sal-liberazzjoni 30 sena ilu – irġiel u nisa li batew ħafna minħabba l-fidi fil-perjodu twil tal-persekuzzjoni. Assassinati, ittorturati, mixħuta l-ħabs minħabba l-fidi.

 

Ma’ din il-merħla żgħira imma hienja ċċelebrajna l-Ewkaristija, dejjem f’Nur Sultan, fil-pjazzal tal-Expo 2017, imdawwar minn arkitettura ultra-moderna. Kienet il-festa tas-Salib Imqaddes. U dan iġagħalna nirriflettu: f’dinja fejn il-progress u r-rigress jixxebilku flimkien, is-Salib ta’ Kristu jibqa’ l-ankra tas-salvazzjoni: sinjal tat-tama li ma tqarraqx għax hi mwaqqfa fuq l-imħabba ta’ Alla, ħanin u fidil. Lilu rroddu ħajr għal dan il-vjaġġ, u nitolbuh li jħalli għana ta’ frott għall-futur tal-Każakistan u għall-ħajja tal-Knisja pellegrina f’dik l-art. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard