IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 31 ta' Mejju, 2020

 

Għeżież ħuti,

Illum il-pjazza miftuha u stajna niġu lura.  Pjaċir tagħna!

Illum niċċelebraw il-festa kbira ta' Penetkoste, tifkira tat-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fuq l-ewwel komunità nisranija.  L-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 20.19-23) jeħodna lejn l-Għid filgħaxija u jurina lil Ġesù rxoxt li jidher fiċ-Ċenaklu fejn kienu mkennin id-dixxipli.  Kienu beżgħanin.  "Qaqgħad f'nofshom u qalilhom: "Il-paċi magħkom!" (v. 19).  Dawn l-ewwel kelmiet imlissna mill-Irxoxt: "Il-paċi magħkom", jitqiesu aktar minn tislima: jesprimu maħfra, il-maħfra mogħtija lid-dixxipli illi, biex ngħiduha kif inhi,  kienu abbandunawh.  Hu kliem ta' rikonċiljazzjonni u maħfra.  Meta nagħtu l-paċi lill-oħrajn, aħna wkoll inkunu qed nagħtu l-maħfra u nitolbuha lura wkoll.  Ġesù joffri l-paċi tiegħu propju lil dawn id-dixxipli mbeżżgħin, li qed isibuha bi tqila jemmnu dak li raw, jiġifieri l-qabar vojt, u mhux qed jagħtu widen sħih għax-xhieda ta' Marija Madalena u tan-nisa l-oħra.  Ġesù jaħfer, jaħfer dejjem u joffri l-paċi tiegħu lil ħbiebu.  Tinsewx: Ġesù qatt ma jgħeja jaħfer.  Huwa aħna li ngħejew nitolbu maħfra.

Bil-maħfra u billi ġabar madwaru lid-dixxipli, Ġesù jagħmilhom Knisja, il-Knisja tiegħu, li hi komunità rikonċiljata u lesta għall-missjoni.  Rikonċiljata u lesta għall-missjoni.  Meta komunità ma tkunx magħquda, ma tkunx lesta għall-missjoni: tkun lesta li tagħmel diskussjoni ġewwinija, lesta biex (tiddiskuti) internament.  Il-laqgħa mal-Mulej irxoxt taqleb ta' taħt fuq l-eżistenza tal-Appostli u tibdilhom f'xhieda kuraġġużi.  Infatti, minnufih jgħid: "Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom" (v. 21).  Dal-kliem ifehemna li l-Appostli huma mibgħutin biex ikomplu l-istess missjoni li l-Missier ta lil Ġesù.  "Jien nibgħatkom": m'għadux iż-żmien li tibqgħu imsakkrin, lanqas iż-żmien li titnikktu, li tibku "ż-żmien sabih", iż-żmien li għaddejtu mal-Imgħallem.  Il-ferħ tal-qawmien hu kbir, imma hu ferħ espansiv, li ma nistgħux inżommuh għalina, jieħtieġ jingħata.  Fil-Ħdud ta' żmien l-Għid l-ewwel smajna dan l-istess episodju, imbagħad il-laqgħa mad-dixxipli ta' Għemmaws, imbagħad ir-Ragħaj it-Tajjeb, id-diskorsi tal-addio u l-wegħda tal-Ispirtu s-Santu: dan kollu jimmira li jsaħħaħ il-fidi tad-dixxipli - u tagħna wkoll - fid-dawl tal-missjoni.

U propju biex tikbes il-missjoni, lill-Appostli Ġesù jtihom l-Ispirtu tiegħu.  Jgħidilna l-Evanġelju: "Nefaħ fuqhom u qal: "Irċievu l-Ispirtu s-Santu" (v. 22).  L-Ispirtu s-Santu hu nar li "jaħraq" id-dnubiet u joħloq irġiel u nisa ġodda; hu nar ta' mħabba li bih id-dixxipli jkunu jistgħu "jkebbsu d-dinja", dik l-imħabba ta' tenerezza li tiffavorixxi ż-żgħar, il-foqra, l-imwarrbin... Fis-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Konfermazzjoni rċevejna l-Ispirtu s-Santu bid-doni tiegħu: għerf, fehma, kunsill, qawwa xjenza, pjetà u biża' t'Alla.  Dan l-aħħar don - il-biża' t'Alla - hu propju l-maqlub tal-biża' li qabel kienet qed tipparaliżża lid-dixxipli: hija l-imħabba għall-Mulej, iċ-ċertezza tal-ħniena tiegħu u ta' tjubitu, hija l-fiduċja li nistgħu nimxu fid-direzzjoni li jurina Hu bla ma qatt jonqsuna l-preżenza u s-sostenn tiegħu.

Il-festa ta' Pentekoste ġġedded l-għarfien li fina tgħammar il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li tagħti l-ħajja.  Hu jagħti lilna wkoll il-kuraġġ biex noħorġu mill-għeluq tal-kenn "taċ-ċenakli" tagħna, tal-gruppi żgħar, bla ma nintelqu f'ħajja kalma jew ningħalqu fi drawwiet ħawlija.  Nerfgħu ħsiebna issa lejn Marija.  Hi kienet hemm, mal-Appostli, meta ġie l-Ispirtu s-Santu, protagonista flimkien mal-ewwel komunità, tal-esperjenza ta' stagħib tal-Pentekoste.  Nitolbuha biex lill-Knisja taqlgħalha (l-grazzja) tal-spirtu missjunarju ħerqan.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti, seba' xhur ilu ntemm is-Sinodu dwar l-Amażonja; illum, il-Pentekoste, ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti d-dawl u l-qawwa lill-Knisja u lis-soċjetà tal-Amażonja, magħkusa għall-aħħar minħabba l-pandemija.  Bosta huma l-imniġġsin u l-mejta anki fost il-popli indiġeni, li huma fost l-aktar vulnerabbli..  Bl-interċessjoni ta' Marija, Omm l-Amażonja, nitlob għall-aktar foqra u dawk li l-aktar huma bla difiża f'dak ir-reġjun għażiż, imma wkoll għal dawk tad-dinja kollha, u nagħmel appell sabiex ħadd ma jibqa' nieqes mill-għajnuna sanitarja.  Nikkuraw il-persuna mhux irrekknu minħabba l-ekonomija.  Nikkuraw lill-persuni għax huma aktar importanti mill-ekonomija.  Aħna l-bnedmin it-tempji tal-Ispirtu s-Santu, mhux l-ekonomija.

Illum fl-Italja hu l-Jum Nazzjonali tas-Serħan, li għandu l-għan li juri solidarjetà mal-morda.  Inġedded l-apprezzament tiegħi lejn kull min, speċjalment f'daż-żmien, offra u għadu joffri xhieda bil-kura tal-proxxmu.  Niftakar bi gratitudni u ammirazzjoni f'kull min qed ikun ta' sapport għall-morda ta' dil-pandemija, anki b'ħajtu.  Nitolbu fis-skiet għat-tobba, il-volontarji, l-infermieri, l-operaturi kollha tas-saħħa u tant oħrajn li taw ħajjithom matul daż-żmien.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd ta' Pentekoste t-tajjeb.  Għandna bżonn kbir tad-dawl u tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu!  Teħtieġu ħafna l-Knisja biex timxi fl-għaqda u bil-kuraġġ hi u tagħti xhieda tal-Evanġelju.  U teħtieġu wkoll il-famlija umana kollha kemm hi biex toħroġ minn dil-kriżi aktar magħquda u mhux aktar mifruda.  Intom tafu li minn kriżi bħal din ma nistgħux noħorġu l-istess bħalma konna qabel: jew inkunu aħjar jew inkella agħar.  Jalla jkollna l-kuraġġ li ninbidlu, li nkunu aħjar, li nkunu aħjar minn qabel u nkunu nistgħu nibnu l-wara tal-kriżi ta' dil-pandemija b'mod pożittiv.

Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci... fil-pjazza!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber