lL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku
Il-Ħadd, 17 ta’ Mejju, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Ġw 14,15-21) jippreżentalna żewġ messaġġi: it-tħaris tal-Kmandamenti u l-wegħda tal-Ispirtu s-Santu.

Ġesù jorbot l-imħabba lejh mat-tħaris tal-Kmandamenti u fid-diskors tal-aħħar tiegħu jinsisti dwar dan: “Jekk tħobbuni ħarsu l-Kmandamenti tiegħi” (v. 15); “Min iżomm il-Kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (v. 21). Ġesù jitlobna nħobbuh, imma jispjega: ix-xenqa għalih mhix il-milja ta’ din l-imħabba, mhix xi sentiment, le, titlob li nkunu lesti li nimxu fit-triq tiegħu, jiġifieri r-rieda tal-Missier.  U dan jinġabar fil-kmandament tal-imħabba reċiproka - l-ewwel imħabba (fil-prattika) – mogħtija minn Ġesù nnifsu: “Ħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien hekk ukoll ħobbu lil xulxin” (Ġw 13,34).  Ma qalx” “Ħobbuni kif ħabbejtkom jien”, iżda “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”.  Hu jħobbna bla ma jitlob xejn lura minna.  Din ta’ Ġesù hi mħabba gratwita, qatt ma jitlob minna xejn lura.  U jrid li din l-imħabba gratwita tiegħu issir il-mod konkret tal-ħajja ta’ bejnietna: din hi r-rieda tiegħu.

Biex jgħin lid-dixxipli jimxu f’dit-triq, Ġesù jwiegħed li jitlob lill-Missier biex jibgħat “Paraklitu ieħor” (v. 16), jiġifieri Farraġ, Difensur li jieħu postu fihom u jtihom l-intelliġenza biex jisimgħu u l-kuraġġ biex josservaw kliemu.  Dan hu l-Ispirtu s-Santu, li huwa r-Rigal tal-imħabba t’Alla li tinżel fil-qalb tan-nisrani.  Wara li Ġesù miet u rxoxta, imħabbtu tingħata lil kull min jemmen fih u jitgħammed fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  L-Ispirtu nnifsu jmexxihom, idawwalhom, iqawwihom, ħalli kulħadd ikun jista’ jimxi fil-ħajja anki fi żmien il-kuntrarju u d-diffikultajiet, fil-ferħ u fin-niket, filwaqt li jibqa’ fit-triq ta’ Ġesù.  Dan iseħħ biss dment li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu, sabiex, bil-preżenza operanti tiegħu, mhux biss ikun jista’ jfarraġna iżda jibdlilna qlubna wkoll, jifatħhomlna għall-verità u għall-imħabba.

Quddiem l-esperjenza tal-iżball u tad-dnub – li lkoll nagħmlu -, l-Ispritu s-Santu jgħinna biex ma nċedux u jgħinna nifhmu u ngħixu l-milja tas-sens ta’ kliem Ġesù: “Jekk tħobbuni, tħarsu l-Kamndamenti tiegħi” (v. 15).  Il-Kmandamenti mhumiex mogħtijin lilna qieshom xi mera li fiha aħna naraw ir-rifless tal-miżerji tagħna.  Le, mhux hekk.  Il-Kelma t’Alla mogħtija lilna hi mogħtija lilna bħala Kelma tal-ħajja, li tittrasforma l-qalb, il-ħajja, li ġġedded, li ma tiġġudikax biex tikkundanna, imma tfejjaq u l-għan tagħha hu l-maħfra.  Il-ħniena t’Alla hekk magħmula.  Kelma li ddawwal il-passi tagħna.  U dan kollu hu opra tal-Ispirtu s-Santu!  Hu r-Rigal ta’ Alla, huwa Alla nnifsu li jgħinna nkunu persuni ħielsa, persuni li jridu u jafu jħobbu, persuni li fehemu li l-ħajja hi missjoni biex tħabbar l-għeġubijiet li l-Mulej iwettaq f’min jafda fih.

Il-Verġni Marija, mudell tal-Knisja li taf tisma’ l-Kelma t’Alla u tilqa’ r-rigal tal-Ispirtu s-Santu, tgħinna ngħixu l-Evanġelju bil-ferħ, bl-għarfien li aħna mirfudin mill-Ispirtu s-Santu, nar divin li jkebbes il-qlub u jdawwal il-passi tagħna.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Għada jaħbat iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, f’Wadovice, fil-Polonja.  Niftakruh b’imħabba u rikonoxxenza kbira.  Għada filgħodu, fis-7, se niċċelebra quddiesa li se tkun trasmessa mad-dinja kollha fl-altar fejn hemm jistrieħu l-fdalijiet tiegħu.  Mis-sema hu jkompli jinterċedi għall-Poplu t’Alla u għall-paċi fid-dinja.

F’xi pajjiżi reġgħu bdew iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi mal-fidili; f’oħrajn qed isir studju dwar dan; fl-Italja, minn għada tista’ ssir il-quddiesa mal-poplu; imma, jekk jogħġobkom, nibqgħu nosservaw ir-regoli, dak li qed jgħidulna nagħmlu, biex b’hekk inħarsu s-saħħa ta’ kulħadd u tal-poplu.

Tul ix-xahar ta’ Mejju, f’ħafna parroċċi hemm it-tradizzjoni li ssir il-quddiesa tal-Ewwel Tqarbina.  Huwa ċar li minħabba l-pandemija, dan il-waqt sabiħ ta’ fidi u festa kellu jitħalla għal aktar ‘il quddiem.  Għalhekk nixtieq nibgħat tislima minn qalbi lit-tfal subjien u bniet li kellhom jirċievu l-Ewkaristija għall-ewwel darba.  Għeżież, nistedinkom tgħixu dan iż-żmien ta’ stennija bħala opportunità biex titħejjew aħjar: titlobu, taqraw il-ktieb tal-katekiżmu biex tissaħħu fl-għarfien ta’ Ġesù, tibkru fit-tjubija u fis-servizz lejn l-oħrajn. Il-mixja t-tajba!

Illum tibda’ l-ġimgħa tal-Laudato si’  li tintemm il-Ħadd li ġej, li tulha jitfakkar il-ħames anniversarju tal-pubblikazzjoni tal-Enċiklika.  F’dan iż-żmien ta’ pandemija, li fih sirna aktar konxji ta’ kemm hu importanti nħarsu d-dar komuni tagħna, nawgura li r-riflessjoni kollha kemm hi u l-impenn komuni jgħinu sabiex jinħolqu u jissaħħu atteġġjamenti kostruttivi għall-ħarsien tal-ħolqien.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber