L-10 LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

Sala Pawlu VI
L-Erbgħa, it-22 ta’ Ġunju 2022

 

Għeżież familji!

 

Huwa ta’ ferħ għalija li nkun hawn magħkom, wara ġrajjiet inkwetanti li, f’dan l-aħħar żmien, immarkaw il-ħajja tagħna: l-ewwel il-pandemija u issa l-gwerra fl-Ewropa, biex ma ngħidu xejn dwar gwerer oħra li jolqtu l-familja umana.

 

Nirringrazzja lill-Kardinal Farrell, lill-Kardinal De Donatis u lill-kollaboraturi kollha tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja kif ukoll dawk mid-Djoċesi ta’ Ruma, li bid-dedikazzjoni tagħhom għamlu din il-laqgħa possibbli.

 

Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-familji preżenti, li ġew minn bosta nħawi tad-dinja; u b’mod partikolari dawk li tawna l-esperjenza tagħhom: grazzi mill-qalb! Mhux faċli titkellem quddiem udjenza daqshekk kbira dwar ħajtek, dwar id-diffikultajiet jew id-doni mill-isbaħ, iżda li huma intimi u personali, li tkun irċevejt mingħand il-Mulej. L-esperjenzi tagħkom servew ta’ “amplifiers”: intom tajtu vuċi lill-esperjenza ta’ ħafna familji fid-dinja, li bħalkom jgħixu l-istess ferħ, ansjetajiet, l-istess tbatijiet u tamiet.

 

Għal din ir-raġuni issa se ndur kemm lejkom li tinsabu hawn preżenti, kif ukoll lejn il-miżżewġin u l-familji li qed isegwu mid-dinja kollha. Nixtieqkom tħossu li jien ninsab qrib tagħkom, intom fejn intom, fil-qagħda konkreta tal-ħajja tagħkom. Biex nagħmlilkom il-qalb irrid ngħidilkom dan: ibdew mill-qagħda reali tagħkom u minn hemm ippruvaw imxu flimkien: flimkien bħala miżżewġin, flimkien fil-familja tagħkom, flimkien ma’ familji oħra, flimkien mal-Knisja. Tiġini f’moħħi l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, li jiltaqa’ ma’ raġel ferut u fil-bżonn, jersaq lejh, jieħu ħsiebu u jgħinu biex jista’ jkompli l-vjaġġ tiegħu. Dan hu li nixtieq li l-Knisja tkun għal kulħadd! Samaritan tajjeb li tersaq qrib, qrib tagħkom biex tgħinkom tkomplu l-vjaġġ tagħkom u tagħmlu “pass ‘il quddiem”, anke jekk ikun wieħed żgħir. U tinsewx li dan hu l-istil ta’ Alla, li jkun qrib: huwa qrib, jagħder u mimli tenerezza. Dan hu l-istil ta’ Alla. Se nipprova nurikom x’inhuma dawn il-“passi ‘l quddiem” li għandna nagħmlu flimkien, filwaqt li nirriflettu fuq l-esperjenzi li smajna.

 

1. “Pass ‘il quddiem” lejn iż-żwieġ. Nirringrazzja lilkom, Luigi u Serena, li qsamtu magħna l-esperjenza tagħkom b’onestà kbira, bid-diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tagħkom. Naħseb li dak li rrakkuntajtu huwa ta’ tbatija għal kulħadd, meta għidtu: “Ma sibniex komunità li tissapportjana b’idejha miftuħa għal dak li aħna”. Iebes dan il-kliem! Dan għandu jġegħelna nirriflettu. Irridu nikkonvertu u nimxu bħala Knisja li tilqa’, biex id-djoċesijiet u l-parroċċi tagħna jsiru dejjem aktar “komunitajiet li jissapportjaw lil kulħadd b’idejhom miftuħa”. Din hemm tant bżonnha, f’din il-kultura ta’ indifferenza! U intom, b’mod provvidenzjali, sibtu appoġġ mingħand familji oħra, li fil-fatt huma knejjes żgħar.

 

Kienet ta’ konsolazzjoni kbira għalija meta intom spjegajtu r-raġuni li qanqlitkom biex tgħammdu lil uliedkom. Għidtu xi ħaġa sabiħa ħafna meta għidtu: “Minkejja l-ħafna sforzi li jagħmel il-bniedem, waħedna ma naslux”. Veru, jista’ jkollna l-isbaħ ħolm, l-ogħla ideali, imma fl-aħħar mill-aħħar niskopru wkoll il-limiti tagħna – u dan huwa l-veru għerf meta nagħrfu l-limiti tagħna – dawn il-limiti ma negħilbuhomx waħedna, imma billi ninfetħu għall-Missier, għall-imħabba tiegħu, għall-grazzja tiegħu. Din hi t-tifsira tas-sagramenti tal-Magħmudija u taż-Żwieġ: huma l-għajnuna konkreta li jagħtina Alla biex ma jħalliniex waħidna, għax “waħedna ma naslux”. Dik is-sentenza tagħmlilna tajjeb nisimgħuha: “Waħedna ma naslux”.

 

Nistgħu ngħidu li meta raġel u mara jinħabbu, Alla joffrilhom rigal: iż-żwieġ. Rigal mill-isbaħ, li fih il-qawwa tal-imħabba divina: li hi qawwija, dejjiema, fidila, kapaċi tirkupra minn kull falliment jew fraġilità. Iż-żwieġ mhuwiex xi formalità. Ma tiżżewwiġx biex tkun Kattoliku “bit-timbru”, jew biex tobdi xi regola, jew għax tikkmandak il-Knisja jew biex tagħmel xi party kbir; le, tiżżewweġ għax inti trid tibni ż-żwieġ tiegħek fuq l-imħabba ta’ Kristu, li hu sod bħal blata. Fiż-żwieġ, Kristu jaghti lilu nnifsu lilkom, biex intom ikollkom is-saħħa li tagħtu lilkom infuskom lil xulxin. Kuraġġ, għalhekk, il-ħajja tal-familja mhix xi ħaġa impossibbli! Bil-grazzja tas-sagrament, Alla jagħmilha vjaġġ mill-isbaħ li timxieha flimkien miegħu, imma qatt ma timxieha waħdek. Il-familja mhijiex xi ideal sabiħ, li ma tkunx tista’ tilħqu fir-realtà. Alla jiggarantixxi l-preżenza tiegħu fiż-żwieġ u fil-familja, mhux biss dak inhar tat-tieġ  imma tul il-ħajja kollha. U Hu jsostnikom kuljum f’dan il-vjaġġ tagħkom.

 

2. “Pass ‘il quddiem” biex tħaddan is-salib. Nirringrazzjakom, Roberto u Maria Anselma, talli rrakkuntajtulna l-istorja kommoventi tal-familja tagħkom u b’mod partikolari dwar Chiara. Kellimtuna dwar is-salib, li huwa parti mill-ħajja ta’ kull persuna u ta’ kull familja. U intom tajtuna xhieda li s-salib iebes tal-mard u tal-mewt ta’ Chiara ma kissirx il-familja tagħkom u ma qeridx is-serenità u l-paċi minn qalbkom.  Din nista’ naraha f’għajnejkom. M'intomx imkissrin, iddisprati u rrabjati mal-ħajja. Anzi! Fikom tista’ tara serenità kbira u fidi kbira. Intom għedtu: “Is-serenità ta’ Chiara fetħtilna tieqa fuq l-eternità”. Meta intom rajtu kif hi kienet qed tgħix il-prova tal-marda tagħha, għenitkom tħarsu ’l fuq u ma tibqgħux priġunieri tan-niket, imma li tinfetħu għal xi ħaġa akbar: għall-pjanijiet misterjużi ta’ Alla, l-eternità, il-Ġenna. Nirringrazzjakom ta’ din ix-xhieda ta’ fidi! Intom ikkwotajtu ukoll dik il-frażi li kienet tħobb tgħid Chiara: “Alla jpoġġi l-verità f’kull wieħed minna u ma jistax ikun li din  nifhmuha ħażin”. F’qalb Chiara Alla poġġa l-verità ta’ ħajja qaddisa, u għalhekk hi riedet tħares il-ħajja tat-tifel tagħha billi tħallas hi stess b’ħajjitha. U bħala mara miżżewġa, flimkien mar-raġel tagħha, imxiet it-triq tal-Vanġelu tal-familja b’mod sempliċi u b’mod spontanju. Qalb Chiara laqgħet ukoll il-verità tas-salib bħala don tagħha nnifisha: ħajjitha kienet ħajja mogħtija lill-familja tagħha, lill-Knisja u lid-dinja kollha.  Dejjem għandna bżonn ta’ eżempji kbar li nħarsu lejhom: jalla Chiara tkun ta’ ispirazzjoni fit-triq tagħna lejn il-qdusija, u jalla l-Mulej isostni u jgħin biex ikun hemm il-frott f’dawk il-familji li jsibu ruħhom iġorru xi salib.

 

3. “Pass ʼil quddiem” lejn il-maħfra. Paul u Germaine, intom kellkom il-kuraġġ li tkellmuna dwar il-kriżi li għaddejtu minnha fiż-żwieġ tagħkom. Nirringrazzjawkom ta’ dan, għax f’kull żwieġ hemm il-kriżijiet: irridu nammettuha magħna nfusna, irridu nikxfu dawn il-kriżijiet u nimxu f’dik it-triq li tgħinna nsolvuhom. Intom ma ppruvajtux tirranġaw l-affarijiet billi bħallikieku titfgħu ftit zokkor!  Il-kawżi kollha tal-kriżijiet tagħkom intom semmejtuhom b’isimhom: in-nuqqas ta’ sinċerità, l-infedeltà, l-użu ħażin tal-flus, l-idoli tal-poter u l-karriera, ir-riżentiment li dejjem kien qed jikber u l-ebusija tal-qalb. Waqt li kontu qed titkellmu, naħseb li lkoll kemm aħna erġajna għexna l-esperjenza ta’ tbatija li nħossu quddiem sitwazzjonijiet simili ta’ familji mifrudin. Meta tara familja titfarrak hija xena li ma tistax tħallina indifferenti. It-tbissima tal-miżżewġin tgħib, it-tfal iħossuhom mitlufin, is-serenità ta’ kulħadd tisparixxi. U ħafna drabi ma tkunx taf x’għandek tagħmel.

 

Huwa għalhekk li l-istorja tagħkom twassal tama. Paul qal li, fl-aktar mument mudlam tal-kriżi, il-Mulej wieġeb għall-aktar xewqa profonda ta’ qalbu u salva ż-żwieġ tiegħu. Dak hu li jiġri. Ix-xewqa li hemm fil-fond ta’ qalb kulħadd hi li l-imħabba ma tispiċċax, li l-istorja mibnija flimkien mal-persuna li tkun ħabbejt ma tieqafx, li l-frott ta’ din l-imħabba ma jintilifx. Kulħadd għandu din ix-xewqa. Ħadd ma jrid imħabba li “tiskadi f’qasir żmien” jew imħabba li “diġà għandha d-data meta se tiskadi”. U hu għalhekk li nbatu ħafna meta n-nuqqasijiet, l-iżbalji u d-dnubiet tal-bniedem iġibu ż-żwieġ f’xifer ta’ rdum. Imma anke f’nofs il-maltemp, Alla jara dak li hemm fil-qalb. U hija provvidenzjali li intom ltqajtu ma’ grupp ta’ lajċi li huma dedikati proprju għall-familji. Hemm beda vjaġġ biex terġgħu tersqu lejn xulxin, u hekk ir-relazzjoni tagħkom terġa’ tissaħħaħ. Erġajtu bdejtu titkellmu ma’ xulxin, tkunu miftuħa ma’ xulxin bis-sinċerità kollha, tammettu fejn żbaljajtu, titolbu flimkien ma’ koppji oħra, u dan kollu wassal għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra.

 

Il-maħfra, l-aħwa, il-maħfra tfejjaq kull ferita; il-maħfra hija rigal li joħroġ mill-grazzja li biha Kristu jimla lill-koppja u lill-familja kollha meta tħallih jaħdem, meta nduru lejh. Kienet ħaġa ferm sabiħa li intom iċċelebrajtu il-“festa tal-maħfra” tagħkom fil-preżenza tat-tfal tagħkom, meta għamiltu t-tiġdid tal-wegħdiet taż-żwieġ waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Din fakkritni fil-festa li l-missier organizza għall-iben il-ħali fil-parabbola ta’ Ġesù (ara Lq 15, 20-24). Biss din id-darba kienu l-ġenituri li ntilfu, u mhux it-tifel! Nistgħu nsejħulhom “ġenituri ħaljin”. Iżda dan ukoll huwa sabiħ u jista’ jkun ta’ xhieda kbira għat-tfal. It-tfal, fil-fatt, meta joħorġu mit-tfulija, jibdew jindunaw li l-ġenituri tagħhom mhumiex xi “super eroj”, mhumiex omnipotenti, u fuq kollox mhumiex perfetti. U t-tfal tagħkom raw xi ħaġa ferm iktar importanti fikom: raw l-umiltà meta tlabtu maħfra lil xulxin u l-qawwa li rċevejtu mingħand il-Mulej biex terġgħu tqumu mill-waqgħa li fiha kontu waqajtu. Din hija xi ħaġa li t-tfal għandhom bżonnha! Fil-fatt huma wkoll jiżbaljaw fil-ħajja u jiskopru li mhumiex perfetti, imma jiftakru li l-Mulej iqajjimna, li aħna lkoll midinbin maħfura, li rridu nitolbu maħfra mingħand ħaddieħor u rridu naħfru wkoll lilna nfusna.  Din il-lezzjoni li rċevew mingħandkom tibqa’ f’qalbhom għal dejjem. U anke lilna għamlitilna tajjeb li smajna l-esperjenza tagħkom.  Grazzi ta’ din ix-xhieda ta’ maħfra! Grazzi ħafna.

 

4. “Pass ʼil quddiem” biex inkunu akkoljenti. Nirringrazzja lilkom, Iryna u Sofia, tax-xhieda tagħkom. Intom tajtu leħen lil tant nies li ħajjithom inbidlet ta’ taħt fuq bil-gwerra fl-Ukrajna. Fikom naraw l-uċuħ u l-istejjer ta’ tant irġiel u nisa li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom. Nirringrazzjawkom għax intom ma tliftux il-fidi fil-Providenza, u rajtu kif Alla ħadem fil-ħajja tagħkom anke permezz ta’ nies tad-demm u l-laħam li laqqagħkom magħhom: familji li laqgħukom, tobba li għenukom u tant persuni ta’ qalb tajba. Il-gwerra poġġietkom quddiem iċ-ċiniżmu u l-kefrija tal-ħajja, imma ltqajtu ukoll ma’ nies ta’ umanità kbira. L-agħar u l-aqwa tal-bniedem! Huwa importanti għal kulħadd li ma nibqgħux iffissati fuq l-ikraħ, imma li napprezzaw is-sabiħ, it-tajjeb li kull bniedem kapaċi jagħmel, u nerġgħu nibdew minn hemm.

 

Nirringrazzja anke lilkom, Pietro u Erika, talli rrakkuntajtu l-istorja tagħkom u tal-ġenerożità li biha lqajtu lil Iryna u Sofia fil-familja diġa numeruża tagħkom. Intom għidtulna li dan għamiltuh bi gratitudni lejn Alla u bi spirtu ta’ fidi, bħala vokazzjoni li għamlilkom il-Mulej. Erika qalet li l-akkoljenza kienet propju “barka mis-sema”. Fil-fatt, l-akkoljenza hija “kariżma” tal-familji, u speċjalment tal-familji numerużi.  Hemm min jaħseb li f’dar fejn diġà hemm ħafna nies, huwa aktar diffiċli li tilqa’ lil ħaddieħor; madankollu, fil-verità dan mhux il-każ, għaliex familji b’ħafna tfal huma mħarrġa biex jagħmlu spazju għal ħaddieħor. Dejjem isibu spazju għall-oħrajn.

 

U din, wara kollox, hija d-dinamika tal-familja. Fil-familja ngħixu dinamika ta’ akkoljenza, għax l-ewwelnett kienu l-miżżewġin stess li laqgħu lil xulxin, kif qalu lil xulxin f’jum it-tieġ tagħhom: “Nieħu lilek”. U mbagħad, meta kellhom it-tfal, laqgħu l-ħajja ta’ ħlejjaq ġodda. U filwaqt li f’kuntesti anonimi dawk li huma l-aktar dgħajfa ħafna drabi jitwarrbu, fil-familji, iżda, huwa naturali li nilqgħu: nilqgħu tifel b’diżabilità, nilqgħu anzjan li għandu bżonn il-kura, nilqgħu xi ħadd tal-familja li jinsab f’diffikultà u m’għandu lil ħadd... U dan jagħtina tama. Il-familji huma postijiet ta’ akkoljenza, u gwaj għalihom jekk ifallu f’dan! Ikun gwaj. Soċjetà ssir kiesħa u ma tistax tgħix mingħajr familji akkoljenti. Familji akkoljenti u ġenerużi huma s-sħana tas-soċjetà.

 

5. “Pass ʼil quddiem” lejn il-fraternità. Grazzi, Zakia, talli għidtilna l-istorja tiegħek. Kemm huwa sabiħ u ta’ faraġ li dak kollu li bnejtu flimkien int u Luca, jibqa’ ħaj u ma jitkissirx. L-istorja tagħkom twieldet u kienet ibbażata fuq li qsamtu bejnietkom ideali għoljin ħafna, li inti ddeskrivejt b’dan il-mod: “Ibbażajna l-familja tagħna fuq l-imħabba awtentika, b’rispett, solidarjetà u djalogu bejn il-kulturi tagħna”. U xejn minn dan ma ntilef, lanqas wara l-mewt traġika ta’ Luca. Fil-fatt, mhux biss l-eżempju u l-wirt spiritwali ta’ Luca għadu ħaj u jitkellmu mal-kuxjenza ta’ ħafna nies, iżda wkoll l-organizzazzjoni li waqqfet Zakia, f’ċertu sens, qed tagħmel din l-istess missjoni. Tabilħaqq nistgħu ngħidu li l-missjoni diplomatika ta’ Luca issa saret “missjoni ta’ paċi” tal-familja kollha kemm hi. F’dak li għidt int, jidher ċar kif dak li hu uman u dak li hu reliġjuż jistagħu jintrabtu flimkien biex jagħtu frott sabiħ. F’Zakia u Luca nsibu s-sbuħija tal-imħabba tal-bniedem, il-passjoni għall-ħajja, l-altruwiżmu u wkoll il-fedeltà lejn it-twemmin u t-tradizzjoni reliġjuża, li hu għajn ta’ ispirazzjoni u saħħa interjuri.

 

L-ideal tal-fraternità jidher ċar ħafna fil-familja tagħkom. Minbarra li intom kontu koppja miżżewġin, għextu bħala aħwa fl-umanità, bħala aħwa f’diversi esperjenzi reliġjużi, bħala aħwa fl-impenn soċjali. Din hija wkoll bħal skola li titgħallimha fil-familja. Meta fil-familja ngħixu flimkien ma’ dawk li huma differenti minna, nitgħallmu nkunu aħwa. Nitgħallmu negħlbu l-firdiet, il-preġudizzji, l-għeluq u nibnu xi ħaġa kbira u sabiħa flimkien, billi nibdew minn dak li għandna komuni. Eżempji konkreti ta’ fraternità, bħalma dik ta’ Luca u Zakia, jagħtuna tama u jġegħluna nħarsu b’aktar fiduċja lejn id-dinja tagħna mkissra mill-firdiet u ġlied. Grazzi ta’ dan l-eżempju ta’ fraternità! U ma nixtieqx nispiċċa din it-tifkira ta’ Luca u tiegħek mingħajr ma nsemmi lil ommok. Ommok li tinsab hawn u dejjem akkumpanjatek fil-ħajja tiegħek: dan huwa l-ġid li jagħmlu l-kunjati fil-familja, kunjati tajbin, ommijiet tajbin! Nirringrazzjaha talli llum ġiet miegħek hawn.

 

Għeżież ħbieb, kull waħda mill-familji tagħkom għandha missjoni fid-dinja, għandha xhieda x’tagħti. Aħna l-imgħammdin, b’mod partikolari, aħna msejħin biex inkunu “messaġġ li l-Ispirtu s-Santu jislet mill-għana ta’ Ġesù Kristu u jagħti lill-poplu tiegħu” (Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et exsultate, 21). Għalhekk nixtieq nagħmlilkom din il-mistoqsija: x’inhi dik il-kelma li l-Mulej irid jgħid permezz tal-ħajja tagħna lin-nies li niltaqgħu magħhom? Liema “pass ʼil quddiem” jitlob mill-familja tagħna llum? ... mill-familja tiegħi?  Kulħadd jistaqsi dan lilu nnifsu. Ieqfu u isimgħu. Ħallu lilu jibdilkom, biex intom ukoll tibdlu d-dinja u tagħmluha “dar” għal dawk li għandhom bżonn min jilqagħhom, għal dawk li għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ Kristu u jħossuhom maħbubin. Irridu ngħixu b’għajnejna merfugħa lejn is-Sema: kif kienu jgħidu lit-tfal tagħhom il-Beati Marija u Luigi Beltrame Quattrocchi, meta kienu jħabbtu wiċċhom mal-iebes u s-sabih tal-ħajja “dejjem ħarsu mill-bejt ʼil fuq”.

 

Nirringrazzjakom li ġejtu hawn. Nirringrazzjakom għall-impenn tagħkom li tmexxu l-familji tagħkom ʼil quddiem. Komplu imxu ʼl quddiem, b’kuraġġ u bil-ferħ. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes