IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

(Mill-Biblijoteka tas-Santa Sede)

Il-Ħadd, 8 ta' Marzu, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Dit-talba tal-Angelus tal-lum daqsxejn stramba, bil-Papa magħluq 'fil-gaġġa' fil-biblijoteka, imma jien qed narakom u nħossni qribkom.  U rrid nibda billi rrodd ħajr lil dak il-grupp (preżenti fil-pjazza) li qed jipprotesta u jitqabad "Għall-minsijin ta' Idlib".  Grazzi! Grazzi għal dak li tagħmlu.  Imma l-mod kif qed nirreċitaw l-Angelus illum qed nagħmluh biex nimxu mar-rakkomandazzjonijiet ta' prevenzjoni, u b'hekk nevitaw il-folol,  ħaġa li tista' tgħin biex jinxtered il-virus.

L-Evanġelju tat-tieni Ħad tar-Randan (cfr Mt 17, 1-9) jippreżentalna r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni ta' Ġesù.  Hu jieħu miegħu lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni u jitla' fuq muntanja għolja, simbolu tal-qrubija ma' Alla, biex iressaqhom ħalli jifhmu b'mod aktar sħiħ il-misteru tal-persuna tiegħu, li kellha tbati, tmut u mbagħad tqum.  Infatti Ġesù kien diġà beda jkellimhom dwar it-tbatija, il-mewt u l-qawmien li kienu qed jistennewh, imma huma ma setgħux jaċċettaw dik il-prospettiva.  Għalhekk, meta waslu fuq il-quċċata tal-muntanja, Ġesù jintilef fit-talb u jinbdel quddiem it-tliet dixxipli: "wiċċu - jgħid l-Evanġelju - idda bħax-xemx u lbiesu sar abjad bħad-dawl" (v. 2).

B'dil-ġrajja meraviljuża tat-Trasfigurazzjoni, it-tliet dixxipli huma msejħin biex jagħrfu li Ġesù hu Iben Alla jiddi bil-glorja.  B'hekk huma jsaħħu l-għarfien tal-Imgħallem tagħhom u jindunaw li l-aspett uman mhux qed jesrpimi r-realtà kollha tiegħu; issa qed jaraw b'għajnejhom id-dimensjoni ultraterrena u divina ta' Ġesù.  U mill-għoli jidwi leħen li jgħid: "Dan hu Ibni l-maħbub (...). Isimgħu lilu" (v. 5).  Huwa l-Missier ċelesti li jikkonferma "l-investitura" - biex insejħula hekk - ta' Ġesù, li kien diġà għamel fil-jum tal-magħmudija fil-Ġordan u jistieden lid-dixxipli biex jisimgħuh u jimxu warajh.

Ta' min jinnota li, minn fost il-grupp tat-tnax, Ġesù jagħżel li jieħu miegħu fuq il-muntanja lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni.  Lilhom itihom il-privileġġ li jassitu għat-trasfigurazzjoni.  Imma għaliex jagħżel lil dawn it-tlieta?  Għax huma aktar qaddisin?  Le.  Madankollu fis-siegħa tal-prova Pietru jiċħdu; u ż-żewġ aħwa Ġakbu u Ġwanni jitolbuh l-ewwel postijiet fis-saltna tiegħu (cfr Mt 20,20-23).  Iżda Ġesù ma jagħżilx skont il-kriterji tagħna, imma skont il-pjan tal-imħabba tiegħu.  Hi għażla gratwita, bla kundizzjonijiet, inizjattiva ħielsa, ħbiberija divina li ma titlob xejn lura.  U kif kien sejjaħ lil dawk it-tliet dixxipli qed isejjaħ lilna wkoll illum biex inkunu qribu, biex nistgħu nagħtu xhieda.  Huwa don li tkun xhud ta' Ġesù, don li ma jistħoqqilniex: inħossuna indenji, iżda ma nistgħux nirtiraw bl-iskuża tan-nuqqas ta' ħila tagħna.

Aħna ma konniex fuq it-Tabor, ma rajniex b'għajnejna l-wiċċ ta' Ġesù jiddi bħax-xemx.  Madnakollu lilna wkoll ingħatatilna l-Kelma tas-salvazzjoni, ingħatatilna l-fidi u ġarrabna f'diversi għamliet il-ferħ tal-laqgħa ma' Ġesù.  Lilna wkoll Ġesù jgħidilna: "Qumu, la tibżgħux" (Mt 17,7).  F'din id-dinja  maħkuma mill-egoiżmu u r-regħba, id-dawl ta' Alla hu mċajpar nill-preokkupazzjonijeit tal-ħajja ta' kuljum.  Spiss ngħidu: m'għandix żmien biex nitlob, m'għandix ħila nagħti servizz fil-parroċċa, li nwieġeb għal dak li jitlobni ħaddieħor...  Imma ma rridux ninsew li l-Magħmudija li rċevejna għamlitna xhieda, mhux bil-ħila tagħna, imma bid-don tal-Ispirtu.

Fiż-żmien propizju tar-Randan, jalla l-Verġni Marija taqlgħalna (l-grazzja) tad-doċilità biex nisimgħu l-Ispirtu, fattur indispensabbli biex nimxu fit-triq tal-konverżjoni bid-determinazzjoni.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll li bħalissa qed issegwu dal-waqt ta' talb.  Insellem b'mod partikolari lill-parteċipanti tal-kors ta' formazzjoni "Animaturi għal mod ġdid tal-komunikazzjoni"; lill-fidili minn Torrent, fi Spanja; lill-grupp tad-'decorati' minn Corato; liż-żgħażagħ minn Coverciano u lit-tfal tal-Preċett minn Monteodorisio.

Insellem lill-Assoċjazzjonijeit u lill-gruppi mpenjati fis-solidarjetà mal-poplu sirjan u speċjalment mal-abitanti tal-belt ta' Idlib u tal-majjistral tas-Sirja - qed narakom hawn - imġagħlin jaħarbu minħabba l-aħħar żviluppi tal-gwerra.  Għeżież ħuti, inġedded nuri t-tħassib tiegħi, in- niket tiegħi għal dis-sitwazzjoni diżumana ta' dawn in-nies bla difiża, fosthom tant tfal li qed jirriskjaw ħajjithom.  Ma nistgħux indawwru wiċċna quddiem dil-kriżi umanitarja, imma għandna ntuha prijorità qabel kull interess ieħor.

Nitolbu għal dawn in-nies, dawn ħutna, li tant qed ibatu fil-majjistral tas-Sirja, fil-belt ta' Idlib.

Jiena qrib bit-talb tiegħi ma' dawk il-persuni kollha li qed ibatu minħabba l-imxija tal-coronavirus li hawn bħalissa u lejn dawk kollu li qed idiru bihom.  Ningħaqad ma' ħuti l-Isqfijiet biex nagħti kuraġġ lill-fidili ħalli dal-mument diffiċli jgħixuh bil-qawwa tal-fidi, biċ-ċertezza tat-tama u l-ħerqa tal-karità.  Iż-żmien tar-Randan jgħinna biex lil kulħadd intuh is-sens evanġeliku anki f'dan il-waqt ta' prova u swied il-qalb.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Issa se noħroġ fit-tieqa biex narakom ftit.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber