LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Dnub

Minn Dun Pawl Sciberras

 

1. Il-kunċett ġenerali tad-dnub bħala ksur tal-liġi ta Alla min-naħa tal-bniedem, bħala ksur tal-ħbiberija tiegħu miegħu u, għalhekk, bħala offiża lil Alla min-naħa tiegħu joħroġ ċar mill-paġni tal-Bibbja. L-istorja tal-Bibbja hi storja tad-dnub tal-bniedem min-naħa l-waħda u tal-imħabba ta’ Alla, li min-naħa tiegħu jrid isalva l-bniedem mid-dnub. Għalhekk hi storja tas-salvazzjoni.

2. Hemm ħafna kliem fil-Bibbja li għandhom x’jaqsmu mar-realtà tad-dnub u jfissru xi aspetti tiegħu: ħażen (awèn), rvell (maràh, maràd) bħal min jeħodha kontra Alla; ħażen kbir, kriminalità (rexàʽ); l-aktar il-kelma ħatà jew ħattàt, li tfisser żball, tort, ħtija. Is-sens eżatt tagħha hu ta’ dak li ma jilħaqx sewwa l-għan tiegħu, li ma jimxix bid-dritt u r-reqqa, li ma jaqdix dmiru sewwa (ara l Sam 19,4; 24,12); 26,21; Ġer 31,36; 20,9). Din kienet il-kelma li biha David stqarr dnubu quddiem Natan: Ħatetì le Jaħwèh, “Dnibt kontra l-Mulej!” (2 Sam 12,13).

Il-kelma Griega tat-Testment il-Ġdid, li tikkorrispondi għal ħattàt, hi ħamartίa (dnub) u wkoll paraptóma (ħtija, waqgħa).

 

3. ld-dnub ta’ Adam. Dan hu, skont il-Bibbja, l-ewwel dnub, id-dnub tal-bidu. Għalhekk insejħulu “d-dnub oriġinali” (Rum 5,12). Għalkemm f’din l-istorja tal-waqgħa tal-ewwel bniedem (Ġen 3,1-24) il-kelma dnub ma tissemmiex, biha l-awtur jagħtina deskrizzjoni ċara ta’ dak li hu tassew id-dnub: hu att ta’ diżubbidjenza tal-bniedem għal-liġi ta’ Alla, hu att ta’ suppervja u ta’ ambizzjoni tal-bniedem li ma jridx joqgħod għal Alla li ħalqu, hu att ta’ ingratitudni tal-bniedem lejn Alla, l-akbar ħabib tiegħu. Għalhekk hu l-ksur tar-relazzjonijiet tal-ħbiberija tal-bniedem ma’ Alla. Dan hu kull dnub, l-ewwel dnub hu l-eżempju tad-dnubiet kollha li baqgħu jsiru warajh.

L-ewwel dnub fetaħ it-triq għall-istorja bla waqfien tad-dnubiet li baqgħu jsiru warajh fid-dinja tal-bnedmin. Id-dnub ta’ Kajin, li qatel lil ħuh Abel (Ġen 4,8), id-dnubiet ta’ żmien id-dulluvju

(6,1-7) u ta’ żmien it-torri ta’ Babel (11,1-4).

B’dawn il-ftit rakkonti l-awtur fehem juri l-konsegwenzi tad-dnub fis-soċjetà tal-bnedmin: diżordni fil-familja, ġlied bejn aħwa u aħwa, firda bejn il-bnedmin. Imbagħad ikomplu r-rakkonti tad-dnubiet ta’ wlied Iżrael u tal-mexxejja tagħhom. Saħansitra wara li Alla b’imħabba kbira sejħilhom biex ikunu l-poplu tiegħu, huma baqgħu jidinbu, jibdluh ma’ allat oħra u jiksru

l-patt tal-ħbiberija tagħhom miegħu. Il-Bibbja hi tassew storja tad-dnub tad-dinja”.

 

4. Imma din hi biss il-paġna l-kerha tal-istorja; hi l-ewwel parti tad-dramm tal-istorja tas-salvazzjoni. It-tieni parti hi l-paġna sabiħa li turi r-rieda ta’ Alla li jindaħal biex isalva l-bniedem mid-dnub u mill-konsegwenzi koroħ tiegħu. Li kieku l-Bibbja kienet biss storja tad-dnubiet tal-bnedmin, kienet tkun ktieb ta’ falliment u qtigħ il-qalb. Imma l-Bibbja, ħdejn il-paġni koroħ tar-rakkonti tad-dnubiet tal-bnedmin, tqiegħed il-paġni sbieħ tal-wegħda ta’ Alla għall-ħelsien tal-bniedem mid-dnub.

Dan tagħmlu sa mill-bidu. Sewwasew wara l-waqgħa tal-ewwel bniedem turi ʼl Alla jirrivela l-pjan tiegħu għas-salvazzjoni mid-dnub (Ġen 3,15). Kien fuq din il-linja tal-inizzjattiva ta’ Alla għas-salvazzjoni li l-profeti ta’ Iżrael kienu jħabbru ż-żmien tal-ħolqien il-ġdid. Kienu juru lis-slaten u lill-poplu biex ma jiksrux il-liġi ta Alla, jhedduhom bil-kastiġi jekk jiksruha, jistednuhom għall-indiema u jwegħduhom il-maħfra ta’ Alla u l-ħbiberija mill-ġdid miegħu bl-inizjattiva tiegħu.

5. It-Testment il-Ġdid jirrivelalna li r-rebħa fuq id-dnub seħħet bil-missjoni ta’ Ġesù Kristu fid-dinja. Kien għalhekk li deher l-lben ta’ Alla, biex iħott kull ma għamel ix-xitan’” (l Ġw 3,8). Dak li għamel ix-xitan, skont it-tradizzjoni biblika, hu d-dnub; hu daħħal id-dnub fid-dinja u bid-dnub il-mewt (Għerf 2,24; Ġw 8,44; 1 Ġw 3,8-10; ara Ġen 3,1 ss.).

L-ewwel tliet Evanġelisti fissru din il-missjoni ta’ Ġesù bix-xena tat-tiġrib tiegħu mix-xitan u bir-rebħa tiegħu fuqu (Mt 4,1-11 par.); imbagħad bl-interpretazzjoni li taw lill-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju għall-maħfra tad-dnubiet (Mk 10,45; Mt 26,28).

San Ġwann stqarr dan bi kliem aktar ċar meta ppreżenta lil Ġesù bħala “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1,29). “Id-dnub tad-dinja” hu d-dnub universali tal-bnedmin kollha, hu l-ġabra tad-dnubiet kollha li saru u li jsiru mill-bnedmin kollha mill-bidu sal-aħħar taż-żmien (1 Ġw 2,2). Ġesù seta’ jaqdi din il-missjoni ta tpattija għad-dnubiet tad-dinja kollha għax hu nnifsu mingħajr dnub (Ġw 8,46; 1 Ġw 3,5). Għalhekk għandu s-setgħa fuq id-dnub, is-setgħa li jaħfer id-dnubiet (Mk 2,5 par). Din is-setgħa mbagħad taha lill-Knsija tiegħu (Ġw 20,22-23). Din hi r-rebħa fuq id-dnub.

 

6. Madankollu n-nisrani, ukoll għalkemm mifdi minn Ġesù Kristu u mgħejjun bil-grazzja tiegħu, għadu jitqabad kontra l-forzi tad-dnub li jdawruh minn kull naħa. Hu jrid jissieħeb ma Kristu fil-ġlieda kontra l-ħażen biex miegħu u bih joħroġ rebbieħ (1 Pt 4,8-9). Hu l-aktar San Pawl li jippreżentalna l-bniedem fit-taqbida tiegħu mas-setgħa tad-dnub; u l-aktar fil-kapitli 5-8 tal-Ittra lir-Rumani.

ld-dnub hu parti mill-kundizzjoni tal-ħajja tal-bniedem (Rum 5,12-27). Għadu jaħkem fid-dinja bis-setgħa tal-mewt (Rum 5,12), imma jintrebaħ ukoll bil-mewt, bil-mewt ta’ Ġesù Kristu u ta’ dawk li jmutu miegħu (Rum 6,1-23), għax dawn ukoll iqumu mill-mewt miegħu (1 Kor 15,3; Gal 1,4). Id-dnub hu “fil-ġisem” tal-bniedem, fin-natura tiegħu, li tiġbdu għall-ħażen (Rum 7, 13-25). Minnu nnifsu l-bniedem ma jistax jirbaħ setgħa hekk qawwija, imma jirbaħ bil-grazzja ta’ Ġesù Kristu (7,25), li taħdem fih bl-Ispirtu ta’ Ġesù li hu fih u li jagħtih il-ħajja (Rum 8,1-18).

Għalhekk Pawlu fl-ittri kollha tiegħu dejjem iwissi lill-insara biex ma jgħixux “skont il-ġisem” iżda “skont l-Ispirtu” (Rum 7,5; 8,9; Gal 5,16-18). Min jgħix skont il-ġisem, jiġifieri, skont in-natura tal-bniedem imħassra bid-dnub, l-għemejjel tal-ġisem jagħmel. U Pawlu jsemmi lista sħiħa ta’ dawn l-opri tad-dnub (Gal 5,19-21; Rum l,29-31; Kol 3,5-8; eċċ). Huma kollha għemejjel li jmorru kontra l-Kmandamenti ta’ Alla; għalhekk huma dnubiet.