LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Żwieġ (Familja)

Minn Dun Pawl Sciberras

 

1. Il-ħsieb taż-żwieġ u tal-familja li toħroġ minnu niltaqgħu miegħu ħafna drabi fil-Bibbja u fl-istejjer tagħha. Bih tagħlaq l-istorja tal-ħolqien fiż-żewġ rakkonti tagħha. Ir-rakkont Eloħista (Ġen 1,27) jgħidilna li Alla ħalaq il-bniedem “raġel u mara”. Juri li l-iskop tad-differenzi fis-sess ta’ bejniethom hi biex ikomplu l-ġenerazzjoni tal-bniedem. Il-Jaħwista juri aktar l-aspett tas-sħubija tar-raġel u l-mara flimkien fil-ħajja tal-famiija. “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2,18-24). Alla ħalaq il-bniedem bħala familja. Ħalqu koppja biex it-tnejn jgħixu f’għaqda sħiħa flimkien. Meta jiżżewġu r-raġel u l-mara “mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed” (Mk 10,8). Dan hu l-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja.

 

2. Minkejja dan, meta bdew isiru l-liġijiet għall-poplu ta’ Iżrael iddaħħlu regolamenti dwar iż-żwieġ u l-familja li ma jaqblux mal-pjan oriġinali mfisser fil-Ġenesi. Huma regolamenti li saru fil-kuntest tal-ħajja mħassra tal-bniedem u saru b’adattament għall-“ebusija ta’ qalbkom” (Mt 19,8). Oħrajn saru skont il-mentalità u l-kultura taż-żmien (ara Lev 18,6-19; Dt 7,1-3; 25,5-10).

Barra mil-liġijiet imposti fuq iż-żwieġ insibu lista twila ta’ każijiet li jixhdu għall-imħabba vera u ġenwina fiż-żwieġ, bħall-każ taż-żwieġ ta’ Iżakk (Ġen 25,19-28), ta’ Ġużeppi (Ġen 4), ta’ Ġuditta (Ġud 8,2-8), ta’ Tobit u ta’ ibnu (Tob 11,5-15), u ta’ oħrajn; kollha żwiġijiet marbutin bl-imħabba u l-fedeltà. L-awturi tal-kotba tal-Għerf għandhom biss kliem ta’ tifħir għar-rabta taż-żwieġ bħal dawn, monogami u stabbli (Prov 5,15-20; 18,22; Qoħ 9,9; Sir 26, 1-18). Il-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet hu għanja waħda ta’ tifħir lill-imħabba vera, soda u kostanti fiż-żwieġ. Is-Salm 128 isejjaħ hieni lir-raġel ta’ famiija miġbura f’darha ma’ martu u wliedu.

 

3. Kontra din il-preżentazzjoni sabiħa taż-żwieġ insibu ż-żewġ liġijiet koroħ kontra n-natura taż-żwieġ: il-poligamija u d-divorzju.

Il-poligamija kienet tippermetti lill-irġiel li jkollhom aktar minn mara waħda. Aktar minn liġi din kienet użanza li daħlet f’Iżrael ukoll, kif kienet fost popli oħra ġirien tagħhom. Kienet ġejja mix-xewqa li jkollkom familji numerużi b’ħafna wlied (ara Mħ 8,30; 12,8; 2 Slat 10,1).

L-ewwel wieħed li jissemma fil-Bibbja li kellu aktar minn mara waħda hu Lamek (Ġen 4,19ss). L-awtur isemmi l-każ tiegħu b’sens ta’ diżapprovazzjoni, għax għalih iż-żwieġ ideali skont il-pjan ta’ Alla hu monogamu (Ġen 2,18-24). Imbagħad din saret drawwa komuni u aċċettata; saħansitra l-patrijarki Abraham u Ġakobb, David u Salamun kienu poligami. Il-liġijiet tal-poligamija saru aktar biex jirregolaw din id-drawwa kerha (Dt 21,10-15). Wara l-eżilju u fi żmien it-Testment il-Ġdid il-monogamija saret ir-regola komuni taż-żwieġ. L-awturi tal-Għerf ifaħħru r-raġel ta’ mara waħda (Sir 36, 22-27) u lil dak li jibqa’ fidil tul ħajtu kollha lejn “il-mara ta’ żgħożitu” (Prov 5,15-20; ara Mal 2,15).

 

4. Minkejja l-preżentazzjoni ta’ dan l-ideal sabiħ taż-żwieġ skont il-pjan oriġinali tal-Ħallieq, il-liġi tad-divorzju baqgħet ħajja, u hekk kienet fi żmien Ġesù wkoll.

Il-liġi tad-divorzju naqrawha fil-Ktieb tad-Dewteronomju (24, lss). Din il-liġi saret biex tirregola użanza li kienet komuni u aċċettata fost il-popli kollha ta’ dak iż-żmien. Fiċ-ċirkostanzi tal-kultura ta’ dak iż-żmien ma setgħetx tneħħi l-użanza tad-divorzju, imma biss tagħti regolamenti biex tikkontrollah u ma tħallihx isir skont il-kapriċċi tar-raġel.

Madankollu l-profeta Malakija (445 QK), f’isem il-Mulej Alla, ikkundanna bi kliem qawwi d-divorzju u wera ż-żwieġ fl-ideal oriġinali tiegħu skont il-pjan ta’ Alla; ixebbah il-patt (berìt) taż-żwieġ mal-Patt (berìt) ta’ Alla mal-poplu tiegħu, u jgħid il-kelma qawwija tal-Muiej: “Jiena d-divorzju nobogħdu” (Mal 2,14-16). Dan il-kliem tal-aħħar żmien fit-Testment il-Qadim jirrappreżenta mentalità favur l-ideal taż-żwieġ li bdiet dieħla fost il-poplu wara l-eżilju (Prov 5,15-19; Sir 26,13-21; Tob 8,6). Hekk hawn ukoll it-Testment il-Qadim iwassalna sa fuq l-għatba tat-tagħlim perfett tat-Testment il-Ġdid fuq iż-żwieġ u l-familja.

 

5. L-ewwel kwadru fit-Testment il-Ġdid bħala mudell tal-famiija ideali hu dak tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù ta’ Nażaret. Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, ried hu wkoll jgħix fi ħdan familja u jqaddes il-familja bil-preżenza tiegħu fit-tieġ ta’ Kana u bil-barka li ta lill-għarajjes (Ġw 2,1-11).

Dwar it-tagħlim dirett ta’ Ġesù fuq iż-żwieġ għandna l-kwistjoni tad-divorzju. Għalkemm il-mentalità tal-Lhud ta’ żmienu kienet resqet ħafna lejn l-ideal oriġinali taż-żwieġ, l-għorrief

tagħhom baqgħu jżommu favur id-divorzju; kienu jiddiskutu biss għal liema kawżi seta’ raġel jibgħat lii martu (Mt 19,3). It-tweġiba ta’ Ġesù għal din il-kwistjoni hi assoluta u kategorika: għal ebda raġuni ma jista’ wieħed jibgħat ʼil martu jew jiddivorzjaha (Mt 19,3-10; Mk 10,1-12; Lq 16,18; ara 1 Kor 7,10-11). Ġesù appella għal-liġi ta’ Alla skont il-pjan oriġinali tiegħu għaż-żwieġ (Ġen 2,24) u ddikjara li l-liġi, li kienu jsejħulha “ta’ Mose”, kienet tmur kontra l-pjan ta’ Alla u li kienet saret “minħabba l-ebusija ta’ qalbhom”. Għalhekk: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19, 6).

Mattew iżid mal-kliem ta’ Ġesù din il-klawsola: “barra l-każ ta’ żwieġ ħażin” (Mt 19,9; 5,32 - me epì porneίa). Din mhijiex eċċezjoni, iżda konferma tal-kundanna ta’ Ġesù għad-divorzju. ll-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelji l-oħra u l-kontest ġenerali tagħhom juru li Ġesù fehem jikkundanna għal kollox id-divorzju (ara Mt 19,10). Il-klawsola li jżid Mattew, li aktarx ġejja minnu u mhux minn fomm Ġesù, tirriferi għal xi żwiġijiet illegali għax kienu kontra l-liġi ta’ Mosè (Lev 18,6-18), li bħalhom seta’ kien hemm fost l-insara tal-komunita li lilhom kiteb l-awtur ta’ dan l-Evanġelju (ara Atti 15,20.29). 1 Korintin 5:1 tagħtina eżempju ta’ din is-sitwazzjoni: “Kulħadd sama’ li hemm iż-żina fostkom, u żina li anqas issibha fost il-pagani; jiġifieri li wieħed ikollu l-mara ta’ missieru!”

 

6. Il-karattru saġru taż-żwieġ nisrani joħroġ mill-kliem sabiħ ta’ San Pawl, li jxebbah l-għaqda tar-raġel u l-mara fiż-żwieġ lir-rabta ta’ Kristu mal-Knisja (Ef 5,22-33). Ġesù hu l-Għarus u l-Knisja l-Għarusa tiegħu (Apok 21,9; 22,17). Hu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha; għamilha tiegħu, ħadha b’martu u sar magħha “ġisem wieħed”. Għalhekk il-Knisja hi l-Ġisem ta’ Kristu (1 Kor 12,12.27), u hu r-Raġel tagħha (Kol 1,18; Ef 1,10). Din ir-relazzjoni intima bejn Kristu u l-Knisja San Pawl isejħilha, “misteru kbir” (Ef 5, 32).

U jipproponi lill-miżżewġin insara biex ifasslu ħajjithom flimkien fuq il-mudell ta’ din ir-rabta misterjuża ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu. Rabta ta’ mħabba sinċiera u ta’ rispett lejn xulxin. Iħobbu lil xulxin kif Kristu ħabb il-Knisja tiegħu u jkunu “ġisem wieħed” flimkien, kif Kristu u l-Knisja huma ġisem wieħed. Hekk iż-żwieġ “fil-Mulej” (1 Kor 7,39), hu xhieda tar-rabta ta’ Ġesù Kristu mal-Knisja tiegħu.