LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

It-Tama

Minn Dun Pawl Sciberras

 

1. Il-ħsieb tat-tama jiddomina fil-Kotba Mqaddsa. Ir-reliġjon tal-Bibbja hi reliġjon tat-tama, ir-reliġjon tal-bniedem li ares ’il quddiem lejn il-ġid imwiegħed minn Alla. It-tama toħroġ mill-fidi f’Alla. Min jemmen f’Alla jafda fih; min joqgħod fuq kelmtu jittama, u jittama b’moħħu mistrieħ, li din isseħħ. Għax jemmen li Alla ma jonqosx minn kelmtu u li kelmtu ma tistax tkun fiergħa. Il-fidi u t-tama marbutin flimkien. Imma t-tama titnissel mill-fidi.

Fil-Lhudi tal-Bibbja hemm żewġ kelmiet li jfissru t-tama: qawàh, "tistenna", tistenna bil-qawwa (Is 40,31; Salm 25,3; 37,9); u batàh, "tittama", tafda bil-fiducja u b’moħħok mistrieħ (Is 12,2; Ġob 11,18). Fis-sens bibliku t-tama ma tħallikx fl-inċertezza u fil-forsi, iżda sserraħlek moħħok li hekk ikun żgur, għax hekk qal il-Mulej.

 

2. I1-ħsieb tat-tama f’Alla, li jgħaddi minn ktieb għal ieħor tat-Testment il-Qadim, hu bbażat fuq il-wegħda li Alla għamel lil Abraham, li jagħti l-art ta’ Kangħan lilu u lil nislu (Ġen 12,l; 15,7; 17,8) u fuq il-fatt li, meta wasal iż-żmien, Alla żamm kelmtu (Eż 3,8.17; 6,4ss; Ġoż 1,lss). Hekk ukoll il-wegħda li 1-Mulej għamel lil David, li s-saltna tiegħu tibqa’ sħiħa għal dejjem (2 Sam 7,8-16), nisslet it-tama li s-saltna ta’ David terġa’ tqum fuq tagħha għalkemm għal xi  żmien kienet mirbuħa u meqruda.

 

3. Kien b’dan il-ħsieb tat-tama li l-profeti kienu jċanfru lis-slaten li kienu jafdaw fis-saħħa tal-bnedmin u fil-qawwa tal-armi u ma kinux jafdaw fl-għajnuna tal-Mulej. Għalhekk Isaija ċanfar lil Aħaż (Is 7,lss) u Ġeremija ddikjara “misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin” u “mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej” (Ġer 17,5.7). Din hi 1-linja tal-ħsieb ġenerali ta’ kliem il-profeti.

Dan kien kliemhom 1-aktar fi  żmien il-kriżi tal-waqgħa tas-saltna u tal-eżilju tal-Babilonja. Il-Lhud, mirbuħa u mċekkna kif kienu, ma kien baqgħalhom ebda tama, kienu qatgħu qalbhom għal kollox li jerġgħu jqumu mill-waqgħa tagħhom, i1-profeti ta’ żmien l-eżilju u taż-żmien iebes ta’ wara wkoll dehru jqawwulhom qalbhom bi kliem ta’ tama u jħabbrulhom qawmien ġdid għall-poplu tagħhom. Hekk Ġeremija sa minn qabel l-eżilju (Ġer 29,10ss; 31,10), Eżekjel u t-Tieni Isaija fi  żmien l-eżilju (Eżek 11,17ss; 36,22ss; 37,lss; Is 56,lss; 60,lss. eċċ.

It-tama għal Iżrael ma setgħetx tmut għal dawk li kienu jżommu sħiħa l-fidi fil-kelma tal-Mulej, li tibqa’ għal dejjem. Għax il-Mulej hu t-“tama ta’ Iżrael” (Ġer 14,8; 17,13).

Dan hu wkoll il-ħsieb ewlieni ta' ħafna mis-Salmi li nkitbu fi żminijiet diversi tal-istorja ta’ Iżrael u li jfissru s-sentimenti reliġjużi tat-twajbin tagħhom. Huma s-salmi tal-fiducja, bħas-Salmi 11; 16; 23; 123 u oħrajn. Is-salmista, fin-niket u 1-provi ibsin tiegħu, iqawwi qalbu bil-fiduċja kbira tiegħu f’Alla. Il-Mulej hu “il-qawwa u t-tarka” tiegħu (Salm 28,7). Għalhekk jgħix u jorqod b’moħħu mistrieħ, ukoll jekk ikun imdawwar b’eżerċtu ta’ għedewwa (Salm 9,19; 23,4; 25,1-3; 27,1-3; eċċ.).

 

4. Ġeneralment it-tama ta’ Iżrael fil-kitbiet tal-profeti, fis-Salmi u f’kotba oħra tat-Testment il-Qadim tasal sa tmiem il-ħajja fuq l-art, sal-mewt tal-bniedem. Meta l-bniedem imut, ma għandux x’jittama iżjed (Ġob 6,11; 7,6; 17,11-16; 14, 7-10; Is 38,18). Dak li kienu jittamaw u jistennew mingħand il-Mulej kien il-ġid ta’ din l-art - ħelsien mill-għedewwa u r-rebħa fuqhom, fejqan mill-mard, frott tal-art. Hekk kienu jifhmu l-barka ta’ Alla u s-salvazzjoni tiegħu. Kien għad ma kellhomx viżjoni ċara tal-ħajja 1-oħra u tal-ġid tas-sema. Dan il-ħsieb beda jidher xi ftit fi żmien aktar tard, kif jixhdu xi kotba tal-aħħar  żmien (Dan 12,lss; 2 Mak 7; Salm 16,10-11; 73,23-25; Għerf 3,3-4; 5,15-6). Imma wkoll f’dawn it-testi u xi oħrajn bħalhom 1-aspett tat-tama għall-ħajja ta’ dejjem kien għadu mhux ċar. Kien għad jonqsu r-rivelazzjoni sħiħa tat-Testment il-Ġdid.

 

5. It-Testment il-Ġdid juri li f’Ġesu ta’ Nazaret u fil-missjoni tiegħu seħħet “it-tama ta’ Iżrael” (Atti 28,20; ara Ġer 14,18; 17,13). Il-profeti ħabbru ż-żmien tas-Saltna ta’ Alla u tal-Messija, bin David. L-Evanġelisti juru li dan hu Ġesù Kristu u li mal-miġja tiegħu fid-dinja s-Saltna ta’ Alla waslet (Mt l,18ss; Lq 2,1-7; Mk l,15 par). U t-Testment il-Ġdid kollu jkompli juri li din is-saltna mhijiex materjali u politika, kif kienu qegħdin jistennew il-bicca l-kbira tal-Lhud ta’ dak iż-żmien (Lq 4,15; 24,27), iżda spiritwali u reliġjuża. Mhijiex saltna ta’ Alla fl-art, iżda tas-sema. Hi s-Saltna ta Alla fl-art, li mhijiex tal-art; niżlet mis-sema fl-art biex twassal il-bnedmin fis-Saltna ta’ Alla fis-sema.

Dan hu l-oġġett tat-tama skont ir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid. It-tama diġà seħħet hawn fuq din 1-art għal dawk li diġà daħlu fis-saltna ta’ Ġesù Kristu (Kol l,13). Imma dan hu hiss il-bidu tas-Saltna ta’ Alla, li għad trid tidħer fil-milja tagħha fil-glorja tas-sema. “Aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi s-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna 1- ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu” (Fil 3,20-21).

Din ir-rivelazzjoni hi l-bażi tat-tama nisranija. In-nisrani jħares ’il quddiem lejn dak li għad irid jikseb skont il-wegħdiet ta’ Alla. Dan hu l-ġid li hemm lest għalih, jekk fuq din l-art jagħraf lil Alla u jaqdih. Din hi l-ħajja ta dejjem”, kif isejħilha San Ġwann. Min jemmen fĠesu Kristu “għandu” diġà l-ħajja ta’ dejjem (Ġw 3,15.36; 5,24; 6,47); imma għad jibqa’ jgħix b’din il-ħajja wara mewtu wkoll (Ġw 11,25). I1-ħajja ta issa hi wkoll ħajja għal li ġej. Issa aħna wlied Alla, imma xse nkunu ’l quddiem mhux irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, narawh kif inhu” (1 Ġw 3,2), “naraw wiċċ imb wiċċ” (1 Kor 13,12). Din hi l-fidi tagħna fil-ħajja 1-oħra, li hemm tistenniena fil-glorja ta’ Alla Missierna. Fuq din il-fidi hi bbażata t-tama tagħna. “Hekk il-fidi tagħna hi wkoll tama f’Alla” (1 Pt 1,21).

In-nisrani jgħix bit-tama mhux biex imut bla temma, iżda biex wara mewtu jtemmha.