LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Serp/serpent – It-Testment il-Qadim

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Is-serp (bil-Lhudi naħàx) jissemma kemm fil-Bibbja Lhudija jew it-Testment il-Qadim, kif ukoll fit-Testment il-Ġdid. Is-simbolu tas-serp kellu rwoli importanti fit-tradizzjonijiet reliġjużi u l-ħajja kulturali tal-Greċja tal-qedem, tal-Eġittu, tal-Mesopotamja, u ta’ Kangħan. Is-serp kien simbolu ta’ qawwa negattiva, ħażina u ta’ kaos, li jitla’ mid-dinja ta’ taħt, kif ukoll simbolu ta’ fertilità, ta’ ħajja, ta’ fejqan u twelid mill-ġdid.

Naħàx, il-kelma Lhudija għal “serp”, huwa assoċjat ukoll mad-divinazzjoni, inkluża l-forma tal-verb li tfisser “ipprattika x-xorti, il-maġija”. Naħàx jissemma fit-Toràh biex jidentifika s-serp fil-Ġnien tal-Għeden. Fil-Bibbja Lhudija, il-kelma tintuża wkoll flimkien maʼ ‘serafin’ biex tiddeskrivi sriep qerrieda fid-deżert. Fil-Bibbja Lhudija kollha jissemma wkoll it-tannìn, dragun mostru. Fil-Ktieb tal-Eżodu, il-bastun ta’ Mosè u ta’ Aaron jinbidlu fi sriep, naħàx għal Mosè, tannìn għal Aaron. Fit-Testment il-Ġdid, il-Ktieb tal-Apokalissi jsemmi s-Serp tal-Qedem u d-Dragun diversi drabi biex jidentifika lil Satana jew ix-Xitan (Apokalissi 12:9; 20:2). Is-serp, l-aktar li jiġi identifikat huwa ma’ Satana s-supperv, u xi drabi ma’ Lilìt.

 

Ir-rakkont tal-Ġnien tal-Għeden u l-waqgħa tal-umanità joħolqu tradizzjoni mitoloġika bħalma nsibu fir-reliġjonijiet kollha li jżommu lil Abraham bħala figura importanti (l-Iżlam, il-Ġudajiżmu), bi preżentazzjoni xi ftit jew wisq simbolika tal-morali u t-twemmin reliġjużi Ġudeo-Kristjani, li kellhom impatt kbir fuq is-sesswalità umana, ir-rwoli tal-ġeneru, u d-differenzi bejn is-sessi, kemm fiċ-ċiviltajiet tal-Punent, kif ukoll dawk Iżlamiċi. Fil-Kristjaneżmu (bħal fil-Konċilju ta’ Niċea), id-duttrina tal-Waqgħa ta’ Adam u Eva tixxierek mill-qrib ma’ dik tad-dnub oriġinali. B’differenza mill-Kristjaneżmu, ir-reliġjonijiet Abrahamiti ewlenin l-oħra, il-Ġudaiżmu u l-Iżlam, m’għandhomx kunċett ta’ “dnub oriġinali”, u minflok żviluppaw interpretazzjonijiet oħra differenti għal dik tar-rakkont tal-Għeden.

 

Is-serp fil-mitoloġija tal-Mesopotamja

F’waħda mill-eqdem stejjer li qatt inkitbu, l-Epika ta’ Gílgamex, il-karattru ewlieni u protagonist bl-istess isem ta’ Gílgamex jitlef il-qawwa tal-immortalità, li tinsteraqlu minn serp. Is-serp kien figura mifruxa fil-mitoloġiji tal-Lvant Qarib Antik u tal-Lvant tal-Mediterran. Ourobóros huwa simbolu antik ta’ serp li jiekol denbu stess għax jirrappreżenta t-tiġdid ċikliku dejjiemi tal-ħajja, ir-ritorn etern tal-ħajja, il-mewt u t-twelid mill-ġdid, li jwassal għall-immortalità.

L-arkeoloġi skoprew oġġetti ta’ kult tas-serp fi strati arkeoloġiċi minn Żmien il-Bronż f’diversi bliet ta’ qabel ma Iżrael daħal f’Kangħan: f’Tel Megiddo, f’Geżèr, fil-Qaddis tal-Qaddisn tat-tempju f’Ħasòr, u f’Síkem. Fir-reġjun tal-madwar, santwarju Ħittita miż-żmien tal-Bronż Tardiv fit-Tramuntana tas-Sirja kien fih statwa tal-bronż ta’ alla li kien iżomm serp f’id waħda u bastun fl-oħra. F’Babilonja tas-sitt seklu, instabu par sriep tal-bronż fil-ġnub tal-erba’ bibien tat-tempju ta’ Esagíla. Fil-festa tal-Ewwel tas-Sena ta’ Babilonja, il-qassis kellu jikkummissjona mingħand ħaddiem tal-injam, ħaddiem tal-metall u ħaddiem tad-deheb żewġ xbihat li waħda minnhom “għandha żżomm f’idha x-xellugija serp taċ-ċedru, tgħolli [idha] il-leminija lejn l-alla Nabu”. L-alla tal-fertilità tas-Sumerja, Ningizzída, ġieli jidher bħala serp b’ras ta’ bniedem, u eventwalment isir alla tal-fejqan u tal-maġija.

 

Il-Bibbja Lhudija

Fil-Bibbja Lhudija (it-Testment il-Qadim għalina), il-Ktieb tal-Ġenesi jirreferi għas-serp li wassal għat-tkeċċija ta’ Adam u Eva mill-Ġnien fl-Għeden (Ġen 3:1–20). Is-serp huwa wkoll użat biex jiddeskrivi mostri tal-baħar. Nistgħu insemmu eżempji ta’ hekk fil-Ktieb ta’ Isaija fejn issir referenza għal dragun donnu serp jismu Levjatàn (Is 27:1), u fil-Ktieb ta’ Għamos, fejn is-serp jgħix fil-qiegħ tal-baħar (Għam 9:3). Is-serp jiddeskrivi b’mod figurattiv postijiet bibliċi bħall-Eġittu (Ġer 46:22), u l-belt ta’ Dan (Ġen 49:17). Il-profeta Ġeremija jqabbel ukoll lis-Sultan ta’ Babilonja ma’ serp (Ġer 51:34).

 

L-Għeden

Il-kelma Lhudija naħàx tintuża fit-Testment il-Qadim biex tidentifika s-serp li jidher f’Ġenesi 3:1, fil-Ġnien tal-Għeden. Fl-ewwel ktieb tat-Toràh, is-serp huwa mpinġi bħala ħlejqa li jilħqilha, u qarrieqa, li jsejjaħ bħala tajjeb dak li Alla kien ipprojbixxa, u juri ħila partikolari fil-qerq tiegħu (ara Ġen 3:4-5 u 3:22). Is-serp għandu l-ħila li jitkellem u li jirraġuna: “Issa s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla”. M’hemm l-ebda indikazzjoni fil-Ktieb tal-Ġenesi li s-serp kien divinità jew alla fih innifsu, għalkemm huwa wieħed miż-żewġ każi biss ta’ annimali li jitkellmu fit-Toràh, flimkien mal-ħmar ta’ Balgħam.

Alla poġġa lil Adam fil-Ġnien tal-Għeden biex jieħu ħsiebu u wissieh biex ma jikolx mill-frott tas-Siġra tal-Għarfien bejn it-Tajjeb u l-Ħażin, “għax dakinhar li tiekol minnu żgur li tmut” (Ġen 2:17). Is-serp iħajjar lil Eva biex tiekol mis-siġra, imma Eva tgħid lis-serp dak li kkmandahom Alla. Is-serp iwieġeb li hi żgur mhux se tmut (Ġen 3:4) u li jekk tiekol il-frott tas-siġra “jinfetħu għajnejkom, u tkunu bħal allat, li tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3:5) Eva kielet il-frotta, u tat minnha lil Adam, li kiel ukoll. Alla, li kien miexi fil-Ġnien, isir jaf bil-ksur tal-kmand tiegħu minnhom. Biex ma jħallix lil Adam u lil Eva jieklu l-frott tas-Siġra tal-Ħajja u b’hekk jgħixu għal dejjem, Alla jkeċċihom mill-ġnien u jqiegħed kerubin għassa mad-daħla. Is-serp jiġi kkastigat għas-sehem sħiħ tiegħu fil-Waqgħa, jiġi misħut minn Alla biex jitkaxkar fuq żaqqu u jiekol it-trab.

 

Hemm dibattitu sħiħ dwar jekk is-serp fl-Għeden għandux jitqies b’mod figurattiv jew inkella bħala annimal veru.

Skont Gerhard von Rad, studjuż tat-Testment il-Qadim, teologu Luteran u professur tal-Università ta’ Heidelberg, li applika l-Kritika tal-Forom Letterarji (Formgeschichte) bħala suppliment għall-ipoteżi dokumentarja (Document Hypothesis) tal-Bibbja Lhudija, is-serp fir-rakkont tal-Għeden joqgħod iktar biex jirrappreżenta l-kilba għat-tentazzjoni tal-umanità (jiġifieri, li ma tobdix il-liġi t’Alla), milli bħala spirtu ħażin jew il-personifikazzjoni tax-Xitan, kif il-letteratura Nisranija aktar tard għallmet. Barra minn hekk, von Rad innifsu jistqarr li s-serp la huwa ħlejqa sopranaturali u lanqas xitan, iżda wieħed mill-annimali selvaġġi maħluqa minn Alla (Ġen 3:1), u l-unika ħaġa li tiddistingwih mill-oħrajn fl-Għeden hija l-ħila li jitkellem.

Is-serp li jissemma fir-rakkont tal-Ġenesi huwa msejjaħ bħala wieħed mill-annimali maħluqa minn Alla (2:19). F’moħħ in-narratur, għalhekk, mhuwiex is-simbolu ta’ qawwa “demonijaka” u ċertament mhux ta’ Satana. Dak li jiddistingwiha ftit mill-bqija tal-annimali hija esklussivament l-għaqal akbar tiegħu. Is-serp hawnhekk huwa msemmi kważi aċċidentalment. Hu x’inhu l-każ, fit-“tentazzjoni” lil Eva u lil Adam mis-serp, il-ħsieb tal-awtur tal-Ġenesi huwa proċess li mhux mitiku, ippreżentat b’tali mod biex in-narratur ma jnaqqasx kemm jista’ jkun ir-responsabbiltà tal-ħtija minn fuq il-bniedem. Hija kwistjoni biss tal-bniedem u l-ħtija tiegħu; għalhekk in-narratur qagħad attent li ma jagħmilx il-ħtija u d-dnub bħala xi ħaġa oġġettiva u li ġejja biss minn barra l-bniedem: huwa l-bniedem li għażel li ma jobdix, u ma kienx imġiegħel. Fl-istorja tar-reliġjonijiet is-serp tabilħaqq huwa l-annimal ħażin, makakk, stramb kemm jista’ jkun. Wieħed jista’ jassumi wkoll li ħafna qabel, kien hemm xi leġġenda jew mit bħala pedament għar-rakkont tal-Ġenesi.

 

Mosè u Aaron

Meta Alla rrivela lilu nnifsu lil Mosè skont ir-rakkont ta’ Eżodu 3:4-22, Mosè għaraf li s-sejħa li għamillu Alla kienet biex hu joħroġ lill-poplu ta’ Iżrael mill-jasar tal-Eġittu, imma ra minn qabel li Iżrael kien se jiċħad jew jiddubita s-sejħa tiegħu. F’Eżodu 4:1-5, Mosè staqsa lil Alla kif iwieġeb għal tali dubju, u Alla talbu biex jitfa’ l-bastun li kien iġorr (aktarx ħatar ta’ ragħaj) mal-art, u wara dan sar serp (naħàx). Mosè beża’ u ħarab minnu, imma Alla reġa’ sejjaħlu biex jerġa’ lura u jaqbdu minn denbu, u s-serp reġa’ sar bastun: Mosè għandu setgħa sħiħa fuq il-ħażin.

Iktar tard fil-Ktieb tal-Eżodu (Eżodu 7), il-bsaten ta’ Mosè u ta’ Aaron inbidlu fi sriep, naħàx għal Mosè, tannìn għal Aaron.

 

Serp tan-nar, serp jaħraq

“Serp tan-nar” jew “serp jaħraq” (bil-Lhudi, naħàx sārāf, “jaħraq”) jissemma fil-Ktieb tal-Eżodu biex jiddeskrivi speċi ta ‘sriep velenużi’, li l-velenu tagħhom jinħass jaħraq mal-kuntatt mal-ġisem. Skont Wilhelm Gesenius, saràf ġej mis-Sanskrit Sarpa, serp; rettili (mill-għerq srip, serpere). Dawn is-“sriep jaħarqu” infestaw il-medda kbira u terribbli tad-deżert imwiegħer (Num 21:4-9; Dt 8:15). Il-kelma Lhudija għal “velenuż” litteralment tfisser “tan-nar”, “bħal fjamma” jew “ħruq”, bħala sensazzjoni ta’ ħruq ta’ gidma ta’ serp fuq il-ġilda tal-bniedem, metafora għar-rabja tan-nar ta’ Alla (Num 11:1).

 

Il-Ktieb ta’ Isaija ikompli fuq id-deskrizzjoni ta’ dawn is-sriep tan-nar bħala “sārāfìm li jtiru”, jew “draguni li jtiru”, f’art l-inkwiet u t-tbatija (Is 30:6). Isaija juri li dawn is-sārāfìm jistgħu jitqabblu mal-lifgħat, agħar minn sriep komuni (Is 14:29). Il-profeta Isaija jara wkoll viżjoni ta’ serafini fit-Tempju nnifsu: imma dawn huma aġenti divini, bil-ġwienaħ u b’uċuħ ta’ bnedmin, u aktarx li m’għandhomx jiġu interpretati bħala serp, daqskemm bħala fjammi”.

 

Is-Serp tal-Bronż

Fil-Ktieb tan-Numri, waqt li Mosè kien fid-deżert, tella’ serp tal-bronż fuq arblu li kien jiffunzjona bħala kura kontra l-gidma tas-“serafini”, dawk “li jaħarqu” (Num 21:4–9). Il-frażi f’Numri 21:9, “serp tal-bronż,” hija logħob bil-kliem peress li “serpent” (naħàx) u “bronż” (neħóxet) għandhom ħoss jixtiebah fil-Lhudi, naħàx - neħóxet.

L-istudjużi jissuġġerixxu li l-figura tas-serp tan-nar kienet isservi bħala token maġiku. Amuleti maġiċi kienu jintużaw fil-Lvant Qarib tal-qedem meta riedu jipprattikaw ritwali ta’ fejqan maġiku f’tentattiv biex ibiegħdu, ifejqu jew inaqqsu l-impatt tal-mard u l-veleni. Ġew irkuprati figuri ta’ sriep tar-ram u tal-bronż, li juru li l-prattika kienet mifruxa. Interpretazzjoni Kristjana għall-figura tas-serp tal-bronż hija dik ta’ simbolu għal kull Lhudi individwali biex jagħmel stqarrija tad-dnub u l-ħtieġa tal-ħelsien t’Alla. L-istqarrija tad-dnub u l-maħfra kienet kemm komunitarja kif ukoll responsabbiltà individwali. Il-pesta tas-serp baqgħet theddida kontinwa għall-komunità Lhudija itterraq fid-deżert wara l-ħelsien mill-Eġittu lejn l-Art Imwiegħda. Is-serp tal-bronż arbulat kien tfakkira kontinwa għal kull individwu għall-ħtieġa li jdur lejn il-qawwa tal-fejqan ta’ Alla. Jista’ jkun ukoll li s-serp tal-bronż kien tip ta’ intermedjarju bejn Alla u l-poplu, li serva bħala prova ta’ ubbidjenza (kontra d-diżubbidjenza ta’ Adam u Eva fl-Għeden), fil-forma ta’ għażla ħielsa tar-rieda ta’ Alla. Is-serp arbulat fid-deżert minn Mosè kien is-sinjal bejn il-mejtin li ma kinux lesti li jħarsu lejh fuq il-kmand ta’ Alla,  għall-istrument tal-fejqan magħżul minn Alla nnifsu, u l-ħajjin li riedu u ġew imfejqa.

Fit-2 Slaten 18:4, serp tal-bronż, miżmum bħala dak li kien għamel Mosè fid-deżert, kien imqiegħed fis-santwarju tat-Tempju ta’ Ġerusalemm. L-Iżraelin bdew iqimu l-oġġett bħala idolu jew xbieha ta’ Alla, billi joffrulu sagrifiċċji u jaħarqu l-inċens quddiemu, sakemm Ħeżekija sar Sultan. Ħeżekija sejjaħlu Neħuxtàn, u qered dan l-idolu.