LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Serp/serpent - It-Testment il-Ġdid
Minn Dun Pawl Sciberras
 

L-Evanġelji

Fl-Evanġelju ta’ Mattew, Ġwanni l-Battista jsejjaħ lill-Fariżej u s-Saduċej, li kienu marru jonsbuh, “nisel il-lifgħat” (Mt 3:7). Ġesù juża wkoll din ix-xbieha, billi josserva: “Ja sriep u nisel il-lifgħat, kif se taħarbu mill-kundanna tal-infern?” (Mt 23:33). Inkella, Ġesù jippreżenta wkoll lis-serp b’konnotazzjoni inqas negattiva meta jibgħat lit-Tnax-il Appostlu jippritkaw l-Aħbar it-Tajba. Ġesù ħeġġiġhom, “Araw, jien nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup: kunu għalhekk għaqlin bħas-sriep, u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Wilhelm Gesenius jinnota li anke fost il-Lhud tal-qedem, is-serp kien simbolu tal-għerf.

Fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, Ġesù semma s-serp ta’ Mosè meta ħabbar il-passjoni tiegħu lill-għaref tal-liġi. Ġesù qabbel lil Mosè jgħolli s-serp fuq arblu, bħalma Bin il-bniedem kellu jintrefa’ fuq is-salib għas-salvazzjoni u l-fejqan tal-bnedmin (Ġw 3:14-15).

 

Tentazzjoni ta’ Kristu

Fit-tentazzjoni ta’ Ġesù, ix-Xitan jirreferi għal Salm 91:11-12, “Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.” Ma jirreferix għall-vers ta’ wara: “Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.”

Is-serp f’Salm 91:13 huwa identifikat bħala Satana mill-Insara. It-traduzzjoni ta’ dan il-vers fil-Vulgata Latina, li serviet bħala l-Bibbja uffiċjali għall-Knisja Kattolika, “super aspidem et basiliscum calcabis, conculcabis leonem et draconem” hija komunement interpretata mill-Insara bħala referenza għal Kristu li jegħleb u jirbaħ fuq Satana. Is-silta wasslet għall-ikonografija tal-Antikità Tardiva u tal-Medjuevu Bikri ta’ Kristu jirfes fuq il-bhejjem, li fiha spiss jidhru żewġ annimali, ġeneralment l-iljun u s-serp jew id-dragun, u xi drabi erbgħa, li normalment huma l-iljun, id-dragun, is-serp u l-lifgħa. Kollha kienu jirrappreżentaw lix-xitan, kif jispjegaw Kassjodoru u Beda fil-kummentarji tagħhom dwar Salm 91. Is-serp ta’ spiss jintwera mdawwar ma’ sieq is-salib f’pitturi tat-tislib ta’ Ġesù mill-arti Karolingja sa madwar is-seklu 13; ħafna drabi jintwera bħala mejjet. Il-kruċifissjoni kienet meqjusa bħala t-twettiq tas-saħta t’Alla fuq is-serp f’Ġenesi 3:15.

 

Is-Serp tal-Qedem

Is-Serp (bil-Grieg: ófis) jisssemma fil-Ktieb tal-Apokalissi bħala “s-Serp tal-Qedem” jew “Is-Serp il-Qadim”, ismijiet użati biex jiddeskrivu wkoll “id-dragun”, (20:2) u lil Satana, l-Għadu, li huwa x-xitan (12:9; 20:2). Dan is-serp huwa mpinġi bħala dragun aħmar b’sebat irjus u għaxart iqrun, kull qarn imdawwar b’dijadema. Is-serp jiġġieled kontra Mikiel l-Arkanġlu fi gwerra fis-sema, li tintemm bix-xitan jitkeċċa lejn l-art mis-sema. Fuq l-art, hu jitlaq għal wara l-Mara tal-Apokalissi. Meta ma setax jirbaħha, hu jagħmel gwerra mal-bqija tan-nisel tagħha (Apok 12:1-18). Dak li għandu f’idu l-muftieħ tal-abbiss bla qiegħ u katina kbira f’idu, jorbot lis-serp għal elf sena. Is-serp imbagħad jiġi mitfugħ fl-abbiss u li mbagħad jagħlqu fuqu u jissiġillah biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus sa ma jintemmu l-elf sena. Wara dawn imbagħad ikun meħtieġ li jinħall għal ftit taż-żmien. (Apok 20:1-3).

Fit-tradizzjoni Kristjana, is-“Serp tal-Qedem” huwa komunement identifikat mas-serp tal-Ġenesi u bħala Satana. Din l-identifikazzjoni reġgħet iddefiniet il-kunċett ta’ Satana (“l-Għadu”, membru tal-Qorti tas-Sema li jaġixxi f’isem Alla biex iġarrab il-fidi ta’ Ġob) fil-Bibbja Lhudija jew it-Testment il-Qadim, biex Satana/is-Serp sar parti minn pjan divin li jtul mill-Ħolqien sa Kristu u it-Tieni Miġja tiegħu.