|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Mulej
Minn Dun Pawl Sciberras
B’din il-kelma Maltija nittraduċu l-kelma tal-isem qaddis ta’ Alla, Jaħwèh, tal-kotba bil-Lhudi tat-Testment il-Qadim, u l-kelma Kyrios tal-kotba Griegi fit-Testment il-Qadim u ta’ dawk tat-Testment il-Ġdid. Fit-test Lhudi għandna wkoll kelma oħra għal Alla - Adonàj. Il-verżjoni Griega (LXX) tittraduċi dawn iż-żewġ kelmiet bl-istess kelma Kyrios (hekk wkoll bil-latin: Dominus; u b’ilsna oħra ta’ żmienna; Lord, Signore...). Fil-Malti għandna żewġ kelmiet: ‘Mulej’ u ‘Sid’. Fit-traduzzjoni tagħna ġeneralment inżommu ‘Mulej’ għal Jaħwèh u ‘Sid’ għal Adonàj, fil-kotba tat-Testment il-Qadim (ara Salmi 73,28; 109,21; 110,1). Fit-Testment il-Ġdid il-kelma hi dejjem Kyrios, sew għal Alla u sew għal Ġesù Kristu; nittraduċuha dejjem ‘Mulej’, barra f’xi każijiet fejn il-kuntest jitlob il-kelma ‘sid’.
Fit-test Lhudi tat-tat-Testment il-Qadim għandna ż-żewġ kelmiet għal Alla - Jaħwèh u Adonàj. Jaħwèh hu l-isem li Alla rrivela lil Mosè fuq is-Sinaj - “Jien li Jien” - “Jiena Hu” (Eż 3,14). Dan sar l-isem propju ta’Alla ta’ Iżrael. L-isem l-ieħor - Adonàj - kien ukoll titlu tal-allat tal-pagani u ta’ bnedmin ukoll li kien ikollhom xi setgħa (Ġen 45,8; Salm 12,5). Fil-Bibbja bil- Lhudi nsibuha bis-suffiss tal-ewwel persuna adoni “sidi”; u fil-plural Adonàj, għal Alla biss, ħafna drabi ż-żewġ kelmiet flimkien, Jaħwèh Adonàj, “Mulej Sidi”. Bit-titlu ta’ Adonàj nistqarru li Alla hu s-Sid ta’ kollox u fuq kulħadd. Alla hu “sid fuq is-sidien” (Dt 10,17; Salm 136,3), is-Sid assolut, kif inhu “Alla fuq l-allat”, għax hu waħdu Alla l-veru (Salm 50,1). Il-Lhud tal-aħħar żmien, tal-ewwel jew tat-tieni seklu QK bdew isibuha bi tqila jsemmu l-isem ta’ Alla Jaħwèh, b’sens ta’ qima lejh. Għalhekk kull fejn hemm dan l-isem fil-Bibbja bdew jaqrawh Adonàj. Ħafna jaħsbu li għalhekk it-tradutturi tal-Bibbja bil-Grieg jużaw il-kelma Kyrios (Sid) għal Jaħwèh, kif ukoll għal Adonàj. Oħrajn jaħsbu li l-kelma Kyrios għaż-żewġ kelmiet fit-traduzzjoni tas-LXX hi biss interpretazzjoni tat-tradutturi. Jibqa’ l-fatt li f’din it-traduzzjoni l-istess kelma tista’ tfisser daqqa Jaħwèh u daqqa Adonàj.
Din id-distinzjoni għandha importanza kbira meta niġu għat-Testment il-Ġdid, fejn għandna biss il-kelma Kyrios sew bl-applikazzjoni għal Alla u sew għal Ġesù Kristu. Fit-Testment il-Ġdid “Ġesù Kristu hu l-Mulej” (Kyrios - Fil 2,11; Rum 10,9; 1 Kor 12,3; Kol 2,6). Dan kien wieħed mill-ewwel titli kbar li bdew jingħataw lil Ġesù sa mill-bidu tal-kèrygma (Atti 2,34). Is-sens ġenerali hu dak ta’ “sid”, kif inhu fis-Salm 101,1 (Mt 22,43-45 par), u minn dan is-Salm ħareġ. Fl-ewwel komunitajiet insara fil-Palestina ta’ dak iż-żmien aktarx kienet il-kelma bl-Aramajk Marana (Sidna), li mbagħad għaddiet ukoll għall-komunitajiet l-oħra (Marana tà, “Mulejna, ejja!” - 1 Kor 16,22; Apok 22,20). Fid-dawl tal-fidi tagħhom fil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet u tal-glorifikazzjoni tiegħu fis-smewwiet l-Appostli u l-ewwel insara għarfu l-kobor tiegħu. Għarfu li Ġesù, rebbieħ fuq il-mewt, hu s-Sid ta’ kollox u s-Sultan ta’ kulħadd (Atti 2,33; 10,36.42). Għalhekk ma rawha xejn bi tqila jagħtuh it-titlu ta’ Kyrios (Maran) - “Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien” (Apok 19,16).
Imma dan hu titlu ta’ Alla, u ta’ Alla waħdu. Meta l-insara tal-ewwel żmien taħt it-tmexxija tal-Appostli bdew jistqarru li Ġesù hu l-Mulej - Sid u Sultan - kienu digà bdew jagħrfuh bħala Alla. It-titlu ta’ Kyrios - li fil-Grieg kien ifisser ukoll l-isem ta’ Jaħwèh, Alla ta’ Iżrael - kien jigbor fih dak kollu li hu ta’Alla u li jistħoqq lil Alla. Hu “l-Awtur tal-ħajja” (Atti 3,15), rebbieħ tal-mewt (1 Kor 15,24.57), is-Sid tal-ħajjin u tal-mejtin, tal-bnedmin kollha (Rum 14,9), ’il fuq mill-Prinċipati u s-Setgħat kollha (Kol 2,10.15; Ef 1,20-21), hu l-ewwel f’kollox (Kol 1,18), - u ħafna titli kbar oħra bħal dawn li nsibu fil-paġni tat-Testment il-Ġdid u li minnhom nagħrfu min hu Ġesù, għax hu l-Mulej. Nagħrfu u nistqarru li f’dan 1-isem, li hu fuq kull isem, għandna rrivelazzjoni li Ġesù hu Alla u “daqs Alla”, għax għandu “n-natura ta’ Alla”. Għalhekk mal-ħlejjaq kollha fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art ninżlu għarkubbtejna u nadurawh, għax hu “l- Mulej u Alla tagħna” (Fil 2,6-11; Ġw 20,28; Rum 14,11; ara Is 45,23).