LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Knisja

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma Griega ekklesía (“knisja”) fil-Grieg profan tfisser il-ġemgħa tal-poplu biex jieħdu deċiżjoni fuq xi kwistjoni (Atti 19:32.39-40). Fis-sens reliġjuż din il-kelma nisbuha l-ewwel fil-verżjoni Griega tas-LXX, li bil-kelma ekklesía tittraduċi l-kelma Lhudija qaħàl (Dt 23:1; 4:10; 1 Kron 28:8; Neħ 8:2); ġie li tittraduċiha bil-kelma synagogè Kyríou, il-Ġemgħa tal-Mulej). Din hi wkoll il-kelma li biha s-LXX tittraduċi ‘edàh, kelma oħra li tfisser wkoll “ġemgħa” (Num 16:3). Ekklesía u synagogè huma sinonimi. It-tnejn ifissru l-istess: il-ġemgħa jew il-laqgħa flimkien ta’ dawk li jqimu lil Alla (ara Ġak 2:2).

Għall-ewwel żmien, sakemm l-insara tal-Palestina kienu għadhom imorru fit-tempju u fis-sinagogi Lhud mal-Lhudi l-oħra, ma kienu jagħmlu l-ebda differenza. Meta mbagħad infirdu minn mal-Lhud bdew jissejħu “knisja” (ekklesía) u l-kelma sinagoga baqgħet tfisser il-ġemgħa tal-Lhud jew il-post fejn jiltaqgħu biex iqimu lil Alla.

L-Evangelji jixhdulna li Ġesù fehem iwaqqaf il-Knisja u waqqafha tassew. Tassew li juruh jitkellem iżjed fuq is-Saltna ta’ Alla jew tas-Smewwiet. Imma din hi espressjoni oħra għall-istess Knisja b’sens ta’ kontinwità mat-tema tal-profeti, li kienu jħabbru ż-żmien tal-miġja tas-Saltna ta’ Alla. Ġesù xandar li s-Saltna ta’ Alla kienet waslet, u din hi l-Knisja tiegħu.

Il-kelma ekklesía fl-Evanġelji nsibuha darbtejn biss, u fl-Evanġelju ta’ Mattew biss (Mt 16:18 u 18:8). L-ewwel każ, meta Ġesù qal lil Pietru: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”. B’din il-kelma Ġesù wera li kellu l-ħsieb iwaqqaf il-Knisja u fehem li din il-Knisja kellha tibqa’ għal dejjem sal-aħħar taż-żmien. Fil-każ l-ieħor, il-kelma ekklesía tfisser biss il-ġemgħa tal-insara miġburin flimkien bħal-Lhud fis-sinagoga. Ġesù waqqaf il-Knisja mhux għax qal din il-kelma, iżda għax bnieha tassew fl-elementi kollha tagħha: ġabar id-dixxipli bil-kelma tiegħu, għażel it-Tnax biex ikunu l-mexxejja, tahom is-setgħat meħtieġa biex imexxu l-ġemgħa u fl-aħħar bagħathom fid-dinja biex jagħmlu dixxipli mill-bnedmin kollha u jiġbruhom f’ġemgħa jew fi knisja.

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jixhdilna li fi żmien qasir hekk sar, kif ried Ġesù. F’Jum Pentekoste twieldet il-Knisja fil-persuni tal-ewwel dixxipli miġburin flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù. Il-ġemgħa ta’ madwar 120 ruħ bdiet toktor fil-għadd u tixtered mal-artijiet ta’ dak iż-żmien. Kull komunità lokali bdiet tissejjaħ “knisja”; fl-Atti l-kelma ekklesía nsibuha għal 23 darba, aktarx dejjem b’riferenza għal xi knisja lokali - ta’ Ġerusalemm (5,11; 11,22; 15,4), ta’ Antijokja (13,1; 15,3), ta’ Efesu (20,17.28) u ta’ bnadi oħra (9,31; 14,23). Imma 1-Knisja ta’ Ġerusalemm hi l-Knisja-Omm; minnha twieldu u lejha jħarsu l-knejjes l-oħra (15,3.22). Sew f’Ġerusalemm u sew fi bliet oħra l-knejjes huma organizzati bil-ġerarkija, bl-appostli, bil-presbiteri u d-djakni.

San Pawl kellu għal qalbu ħafna jitkellem fuq il-Knisja. Il-kelma ekklesía fl-ittri tiegħu tidħol għal 65 darba. Dan ifisser li din il-kelma kienet magħrufa ħafna fost l-insara ta’ żmienu biex biha jfissru l-ġemgħa tagħhom flimkien fi Kristu Ġesù. F’uħud minn dawn il-każijiet, ekklesía hi xi knisja lokali (1 Kor 1,2; 11,22; 14,35), f’oħrajn hija l-Knisja universali (Efes 5,24; Kol 1,24; 1 Tim 3,13); hu wkoll Pawlu li jsemmi l-plural ta’ din il-kelma: ekklesíai, “il-knejjes” (1 Kor 4,17; 2 Kor 11,28) biex ifisser l-għaqda tal-knejjes kollha fi Knisja waħda.

San Pawl imbagħad jagħti teoloġija sħiħa tal-Knisja. Hi l-Ġisem ta’ Kristu (Rum 12,4-5; 1 Kor 12,12-27), li tiegħu Kristu hu r-Ras u l-Insara l-membri (Efes 1,22; 2,22; Kol 1,18). Hi l-Għarusa ta’ Kristu, marbuta miegħu bil-“misteru kbir” ta’ mħabbtu lejha (Efes 5,27-32). Hi l-bini ta’ Kristu u t-tempju ta’ Alla (1 Kor 3, 16-17; Efes 2, 21). Hi d-dar ta’Alla, kolonna u pedament tal-verità (1 Tim 3,15). Hi “Iżrael ta’ Alla”, il-poplu l-ġdid ta’ Alla, werriet tal-poplu l-qadim (Gal 6,16; Rum 9-11). Taħt dawn it-titli San Pawl jiżviluppa t-tagħlim tiegħu fuq il-Knisja fl-ittri tiegħu.

Awturi oħra tal-kotba tat-Testment il-Ġdid juruna wkoll aspetti oħra tal-Knisja. Il-kelma ekklesía ftit tidħol fil-kitbiet l-oħra: tliet darbiet fit-tielet ittra ta’ San Ġwann (3 Ġw 1,6.9.10), darba fl-Ittra ta’ Ġakbu (5,14) u għoxrin darba fl-Apokalissi - kważi dejjem b’riferenza għall-knejjes lokali; bħall-knejjes tal-Apokalissi. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann ma tissemma qatt il-kelma “knisja”. San Ġwann jagħti aspetti oħra tal-Knisja. Hi l-merħla, li tagħha Ġesù hu r-Ragħaj u dawk li jemmnu fih huma n-nagħaġ tiegħu (Ġw 10,1ss). Hi bħad-dielja, li tieħu l-ħajja minn Ġesù Kristu, u d-dixxipli tiegħu huma l-friegħi tagħha (Ġw 15,lss). Mbagħad Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, ħalla 1-merħla tiegħu f’idejn Pietru; qiegħdu ragħaj floku biex jieħu ħsieb il-Knisja tiegħu (Ġw 21,15 ss). Ġesù wkoll fit-talba tiegħu lill-Missier fl-aħħar ta’ ħajtu fisser ix-xewqa tiegħu li dawk kollha li jemmnu fih ikunu lkoll ħaġa waħda bejniethom (Ġw 17,20-21) - daqskemm irid li 1-knejjes kollha jkunu maqgħqudin flimkien fi Knisja waħda taħt ragħaj wieħed (Ġw 10,16).