LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Kariżma

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Fit-Testment il-Ġdid il-kelma risma tfisser kull xorta ta’ don li Alla jagħtina, għax jogħgbu bir-rieda libera tiegħu għall-merti ta’ Ibnu Ġesù Kristu. Hi kelma ġejja minn ris, “grazzja”, il-grazzja li Alla tana f’Ibnu Ġesù Kristu, “il-grazzja tiegħu li biha mliena fil-Maħbub tiegħu” (Ef 1,6; Rum 5,14). L-ewwel u l-aqwa grazzja jew kàrisma, don, hu l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu hu d-don tal-Missier u tal-Iben (Rum 5,5; 8,15). Hu nnifsu hu don u awtur tad-doni li jagħtina. Għalhekk il-kariżmi huma doni tal-Ispirtu s-Santu. Dan il-ħsieb diġà nsibuh f’Isaija 11,2, fuq id-doni tal-Ispirtu tal-Mulej, u wkoll f’Ġoel 3,1-2 li jħabbar id-don tal-Ispirtu mogħti lill-bnedmin kollha. It-Testment il-Ġdid juri li dan seħħ tassew fiż-żmien ta’ Ġesù Kristu (Atti 2,15-21.33).

Hu l-aktar San Pawl li tkellem fuq il-karizmi bħala doni tal-Ispirtu s-Santu. Wera dejjem l-apprezzament tiegħu għalihom, imma wissa wkoll lill-insara biex jagħrfuhom sewwa u jinqdew tajjeb bihom. Dan insibuh diġà fl-ewwel ittra tiegħu (1 Tess 5,19-22). Imbagħad kompla jiżviluppa t-tagħlim tiegħu fuqhom, meta nqalgħet il-problema dwar il-valur u l-użu tagħhom, kif ġara fil-komunità ta’ Korintu (1 Kor 12,1-11). Il-kariżmi fil-Knisja huma ħafna u diversi. Jissejħu wkoll “ministeri ” (diakonìai) u “ħidmiet” (energèmata) (1 Kor 12,4-6) għax huma kollha għall-qadi tal-komunità jew “għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu” (Ef 4,12). Għalhekk Pawlu, biex ifiehem aħjar l-għaqda u l-armonija li għandha teżisti bejn il-kariżmi bħala ministeri fil-Knisja, iġib l-eżempju tal-ġisem tal-bniedem magħmul minn membri diversi għall-bini u l-ħajja tal-istess ġisem (Rum 12,4; 1 Kor 12,12-31). Din l-għaqda sseħħ permezz tal-Ispirtu s-Santu. L-awtur waħdieni tad-doni kollha u li bihom “jaħdem kollox f’kulħadd” (1 Kor 12,4-11). “Aħna għandna doni differenti skont il-grazzja li Alla tana” (Rum 12,6). X’uħud mid-doni huma konnessi mal-ministeri fil-Knisja l-aktar tat-tagħlim u tat-tmexxija; dawn jiġu l-ewwel fil-listi tal-kariżmi (1 Kor 12,28; Ef 4,11; ara 1 Pt 4,11). Oħrajn huma ħidmiet ta’ kull xorta għas-servizz tal-komunità, bħad-don tal-mirakli, id-don tal-fejqan, id-don tal-għażla tal-ispirti, id-don tal-ilsna u tat-tifsir tal-ilsna, u oħrajn (1 Kor 12,7-11.28-9). Imbagħad l-istat ta’ kull nisrani u l-vokazzjoni tiegħu speċjali fi ħdan il-komunità hi wkoll kariżma għall-ġid jew għas-servizz tal-oħrajn (1 Kor 7,7; 1 Pt 4,10); 1-aktar l-imħabba, l-aqwa don tal-Ispirtu s-Santu (1 Kor 13,1-13).

Il-kariżmi jew doni spiritwali għandhom iservu għall-ġid ta’ kulħadd “għall-edifikazzjoni”, “għall-bini tal-Knisja” (1 Kor 14,12,26). Għalhekk għandha tingħata importanza akbar lil dawk li jiswew aktar mill-qrib għal dan l-iskop; id-don tal-profezija, li bih wieħed “jibni u jħeġġeġ u jqawwi l-qalb”, hu aqwa mid-don tal-ilsna (1 Kor 14,2-5 ). Fuq kollox il-kariżmi għandhom ikunu kkontrollati mill-mexxejja tal-Knisja. Pawlu nnifsu ħass il-bżonn li jinqeda bl-awtorità tiegħu biex jagħti ordnijiet lill-Korintin dwar l-użu tal-kariżmi (1 Kor 14,26-38). Fost il-kariżmi dak tal-appostli hu dejjem fl-ewwel post (l Kor 12,28; Ef 4,11). Taħt is-setgħa tagħhom taqa’ l-ħidma kollha tal-Knisja. Warajhom is-setgħa għaddiet għas-suċċessuri tagħhom (1 Tim 1,18; 4,11-16; 2 Tim 1,6). Is-setgħa tal-mexxejja, li l-Ispirtu s-Santu qiegħed fuq il-Knisja ta’ Alla, biex jieħdu ħsiebha u jmexxuha (Atti 20,28), hi l-ewwel kariżma, hi l-aqwa ministeru li taħtu jaqgħu l-kariżmi, il-ministeri u l-ħidmiet l-oħra fil-Knisja. Jekk ma jsirx hekk, flok jiswew għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu, iservu biss biex iħottuh u jġarrfuh.