LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Karità

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-karità, il-virtù li ġġegħlek tagħti l-għajnuna lil min hu fil-bżonn, hi dejjem infaħħra u rrikkmandata fil-Kotba Mqaddsa sew tat-Testment il-Qadim u sew tat-Testment il-Ġdid. Hi l-effett tal-ħniena. Min iħenn tassew għall-imsejknin malajr jara kif jista’ jgħinhom u jgħinhom tassew fil-bżonnijiet tagħhom. Il-karità fis-sens tal-għoti tal-karità jew ta’ flus u oġġetti b’karità tittraduċi l-kelma Griega elemosyne (‘elemosina’).

F’dan is-sens m’hemmx kelma speċjali għaliha fil-Lhudi tat-Testment il-Qadim (Salm 24,5; Is 59,16, Ġen 47,29). Bil-Grieg insibuha fit-Testi Griegi tal-aħħar żmien sew għall-karità (“ħniena”) ta’ Alla mal-bnedmin (Tob 3,2; Sir 16,14; 17,29 ) u sew għall-karità li għandhom jagħmlu l-bnedmin ma’ min hu fil-bżonn (Tob 4,7-11; 12,8-9; Sir 3,31; 12,3; 31,11). Iżda rakkomandazzjonijiet għall-karità nsibuhom sa fl-eqdem kotba tat-Testment il-Qadim u fost l-ewwel liġijiet ta’ Iżrael, bħal dawk tal-opri tajba tal-ħniena mal-barranin, mar-romol u l-iltiema (Dt 14,28-29; 24,20-21; Lev 19,9; 23,22). Il-karità ma’ dawk fil-bżonn kienet tidħol ukoll mal-festi liturġiċi ta’ Iżrael, biex huma wkoll jifirħu quddiem il-Mulej (Dt 16,10-15).

Hekk il-karità kienet tingħata l-karattru reliġjuż tagħha. L-għoti tal-karità, bħal-liġi tal-imħabba, hu tagħlim ewlieni fl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hu nnifsu, “għad li kien għani, ftaqar minħabba fina, sabiex aħna nistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8,9). Hekk ried li d-dixxipli tiegħu jimxu fuq dan l-eżempju tiegħu. Il-liġi tal-karità kienet teżisti fost il-Lhud ta’ dak iż-żmien. Iżda Ġesù bit-tagħlim tiegħu wassalha għall-perfezzjoni, neżżagħha mill-ispirtu tal-Fariżej, li kienu jagħmlu l-karità għal għajnejn in-nies, u libbisha bl-ispirtu qaddis tal-intenzjoni retta, li min jagħmel il-karità għandu jagħmilha għall-ġid ta’ min ikun fil-bżonn u għall-glorja ta’ Alla l-Missier (Mt 5,16; 6,1-4).

Id-dixxipli tal-Evanġelju ma jagħtux il-karità bil-ħsieb li jkollhom xi ħlas tagħha mingħand dawk li jgħinu, iżda jemmnu li l-ħlas tagħha jagħtihielhom il-Mulej (Lq 6,30-35; 14,14). Ħafna drabi Ġesù rrikmanda l-għoti tal-karità (Mt 19,21; Lq 11,41; 12,33; 18,22). U lid-dixxipli tiegħu jagħmlilhom kuraġġ bil-ħsieb li dak kollu li jagħmlu ma’ ħuthom fil-bżonn ikunu jagħmluh miegħu stess (Mt 25,31-46). Hekk il-karità nisranija ma tkunx biss filantropija, iżda tkun virtù reliġjuża u sopranaturali. L-insara tal-ewwel żmien, immexxijin mill-Appostli, fehmu sewwa dan it-tagħlim ta’ Ġesù. Dawk tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm kienu jbigħu kull ma kellhom u jqassmu kollox lill-foqra (Atti 2,45; 4,34-36).

L-insara tal-komunitajiet l-oħra, fuq it-tagħlim ta’ San Pawl, kienu jagħtu sewwa minn ġidhom għall-bżonnijiet ta’ ħuthom fil- bżonn; fuq dan għandna x-xhieda tal-ħafna tagħlim tiegħu fl-ittri tiegħu (1 Kor 16,9-4; 2 Kor 8-9; eċċ.). Dan hu “ministeru ta’ għajnuna”.