LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Isem

Minn Dun Pawl Sciberras

Fil-Bibbja l-ismijiet ta’ persuni u oġġetti u mqar ta’ postijiet juru mhux biss l-identità tagħhom, iżda wkoll il-missjoni jew l-iskop tal-eżistenza tagħhom. “Adam” hu l-bniedem (Ġen 1,26; Ġob 14,1); imbagħad, l-etimoloġija popolari fissret ismu b’relazzjoni ma’ adamàh, “l-art”, li minnha ttieħed. “Eva”, mill-għerq Ħawà (ħaj, ħajja), għax hi “omm il-ħajjin kollha” (Ġen 3,20), “Abraham”, “missier ħafna ġnus” (Ġen 17,5), “Iżakk”, Jizħàk “jidħak” (Ġen 17,15; 18, 11-15). U Ġwanni, Joħanàn, “Jaħweh ħanin”, Ġesù, Jexuà‘, “Jaħwèh salvazzjoni”, “għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1,21), eċċ. Min jagħti l-isem ikun ifisser li hu s-sid u l-propjetarju, li għandu s-setgħa fuq il-persuna jew l-oġġett. Hekk Alla jagħti l-ismijiet lill-ħlejjaq tiegħu (Ġen 1,3-10) jew isejħilhom b’isimhom (Is 40,26) u jordna lil Adam li jagħti ismijiet lill-ħlejjaq l-oħra biex ifisser li hu fuqhom ilkoll (Ġen 2,20). Il-missier ukoll jagħti l-isem lil uliedu (Lq 1,13; 2,63; Mt 1,21). Flok il-kunjom il-Lhud kienu jġibu ma’ isimhom isem il-missier - Ġesù bin Ġużeppi, Xmun bin Ġona. L-espressjoni “iġġib l-isem ta’ xi ħadd” tfisser tkun tiegħu (Ġer 14,9). “Issejjaħ isem il-Mulej” (Ġen 4,26; Is 12,4), jiġifieri tagħraf il-Mulej, tqimu u titolbu.

L-isem ta’ Alla kien Jaħwèh, dak li ġie rrivelat minnu stess lil Mosè (Eż 3,13-16). “Jien li jien” jew “Jiena Hu” - Eħjèh mill-għerq ħawèh (ħajàh). Alla hu dak li hu fih innifsu, dak li jgħix u li hu fih innifsu u minnu nnifsu; hu waħdu l-Ħaj u li jagħti l-ħajja. B’dan l-isem ta’ Alla tagħhom il-Lhud kienu jifhmu juru d-differenza bejn Alla l-veru u l-ħaj u l-allat foloz u mejta tal-pagani ġirien tagħhom. Għalihom kien ifisser ukoll li Alla tagħhom, għax hu ħaj, kien preżenti fosthom u magħhom, biex jgħinhom u jsalvahom. Kellhom ukoll ismijiet oħra jew titli ta’ Alla: El-Xaddàj, “Alla li jista’ kollox” (Ġen 17,1; Eż 6,2); El-għeljòn “Alla l-Għoli” (Ġen 14,18; Num 24,16); Adonàj “Sid, Sidi” (Salm 123,l- 2; 130,2.3.6; Ġud 16,16); Eloħìm jew El “Alla” (Ġen 1,1; eċċ.). Imma dawn kienu wkoll ismijiet ta’ allat oħra tal-pagani. Il-Lhud inqdew bihom ukoll għal Alla l-veru tagħhom biex ifissru li hu waħdu hu tassew is-Sid, l-Għoli u Dak li jista’ kollox.

L-isem ta’ Alla - Jaħwèh - hu sinonimu għal Alla nnifsu. It-tempju hu l-post fejn hemm isem il-Mulej (Dt 12,5), il-post li jġib ismu (Ġer 7,10.14). “L-isem” biss ifisser il-Mulej (Lev 24,10. 16)). Għalhekk, it-Tieni Kmandament: “La ssemmix l-isem tal-Mulej Alla tiegħek fix-xejn” (Eż 20,7). II-Lhud tal-aħħar żmien, b’sens ta’ qima lejn l-isem ta’ Alla, flok Jaħwèh kienu jgħidu Adonàj (“Sidi”). Għalhekk it-traduzzjoni Griega (LXX) għandha l-kelma Kyrios sew għal Jaħwèh u sew għal Adonàj. Bil-Malti nżommu “Mulej” għal Jaħwèh u “Sid” għal Adonàj. Ir-rivelazzjoni tat-Testment il-Qadim fuq Alla għaddiet u baqgħet sħiħa fit-Testment il-Ġdid. Ġesù tkellem fuq Alla bħala “Sid is-sema u l-art”. Imma żiedlu t-titlu ta’ Missier, li tiegħu hu nnifsu hu l-Iben (Mt 11,25-27; Lq 10,21-22). Stqarr li fid-dinja għarraf ismu lill-bnedmin, jiġifieri, għarrafhom min hu (Ġw 17,6).

Imbagħad it-Testment il-Ġdid jagħti lill-isem ta’ Ġesù l-importanza li t-Testment il-Qadim jagħti lill-isem ta’ Alla. Fl-isem ta’ Ġesù d-dixxipli jfejqu l-morda, ikeċċu x-xjaten u jagħmlu l-mirakli (Mk 9,38; Mt 7,22; Atti 3,64, eċċ.). F’ismu biss il-bnedmin jistgħu jkunu salvi; hu biss “Ġesu”, is-salvazzjoni (Atti 4,12). L-isem ta’ Ġesù hu fuq kull isem ieħor għax hu l-Mulej - Kyrios u f’ismu kulħadd jinżel għarrkubbtejh (Fil 2,9-11). U, kif fit-Testment il-Qadim u l-aktar fost il-Lhud tal-aħħar żmien, l-Isem kien sinonimu għal Jaħwèh, hekk kien l-isem ta’ Ġesù għall-insara ta’ l-ewwel żmien; l-Isem għalihom kien ifisser Ġesù (Atti 5,41; 3 Ġw 7). Hekk ukoll l-espressjoni “issejjaħ isem il-Mulej” mit-Testment il-Qadim għat-Testment il-Ġdid b’riferenza għall-Mulej Ġesù (Rum 9,11-13). L-insara tal-ewwel żmien kienu dawk “li kienu jsejħu isem il-Mulej” (Atti 9,14.21; 1 Kor 1,2), jiġifieri, kienu jagħrfu lil Ġesu bħala l-Mulej. Għalhekk il-ħajja tan-nisrani hi ħajja fl-isem ta’ Ġesu, fl-għaqda miegħu bil-fidi tagħhom fih u bil-magħmudija f’ismu (Atti 8,16; 19,5; 22,16; 1 Kor 6,11). L-insara jiltaqgħu flimkien f’ġemgħa waħda f’ismu (Mt 9,37), iroddu ħajr lil Alla f’isem il-Mulej Ġesù (Ef 5,20; Kol 3,17) u kull ma jgħidu jew jagħmlu, jagħmluh f’ismu (Kol 3,17). Hekk ukoll meta jitolbu lill-Missier, dan għandhom jagħmluh f’isem Ibnu, jiġifieri, fl-għaqda miegħu (Ġw 14,13-16; 15,16; 16,23-24).