|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Infern
Minn Dun Pawl Sciberras
B’din il-kelma (mil-Latin infčrnus jew ěnferus) nittraduċu l-kelma Lhudija Xeňl (fil-Grieg, Ħŕdes). Fl-immaginazzjoni tal-Lhud ta’ żmien il-Bibbja x-Xeňl kien il-post fejn kienu jmorru l-mejtin jew ‘id-dell’ tagħhom wara mewthom. Kien post taħt jew f’qiegħ l-art (Dt 32,22; Ġob 26,5-6), post il-mewt u d-dlam (Ġob 38,17; 10,21-22). Hu “l-qabar” ta’ kulħadd, “il-ħofra” (Salm 30,10; 88,4-7.11-13). Ix-Xeňl hu l-mewt; l-espressjoni “tinżel fix-Xeňl, f’Qiegħ l-Art jew oħrajn bħalha (Salm 86,13; 88,7; eċċ.). Ħafna drabi tfisser biss “tmut”. Jew it-talba tas-salmista biex il-Mulej jeħilsu minn “id ix-Xeňl, jiġifieri, “mis-setgħa tal-imwiet” (Salm 88,49; 86,l3) hi talba biex jeħilsu mill-mewt u jħallih jgħix.
Fix-Xeňl kulħadd ikollu jmur għax kulħadd għandu jmut (Is 14,9-15; Ġob 3,11-21). It-tajbin u l-ħżiena jmorru f’Qiegħ l-Art. Imma għall-ħżiena x-Xeňl hu l-post tal-kastig. Dan hu ħsieb li jiżviluppa aktar tard fil-kitbiet apokrifi tal-Ġudajiżmu mit-tielet seklu QK ’l quddiem (1Enok 18,11-16; 108,3-7.15; 2 Esd 7,36-38). Għall-ħżiena hu l-post tan-nar, tal-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Din il-figura hi aktar dik tal-‘Geħčnna” (bil-Lhudi, ge-ħinnňm) “il-wied ta’ Hinnom” li hu fuq in-naħa tal-Punent u n-Nofsinhar ta’ Ġerusalemm. Fi żmien is-slaten, meta x’uħud mill-poplu waqgħu fl-idolatrija, kienu jaħarqu ’l uliedhom b’sagrifiċċji lill-allat foloz (2 Kron 28,3; Ġer 7,31; 32,35). Minn dan ir-rit makabru u tal-biża’ jiżviluppa l-ħsieb tal-kastig tal-ħżiena bħala forġa tan-nar li ma jintefa qatt. Għalhekk, il-kelma ‘geħčnna’ nittraduċuha wkoll bil-kelma ‘infern’.
F’dan is-sens metaforiku fl-Evanġelji l-kastig tal-ħżiena jissejjaħ “in-nar tal-Geħčnna” jew “in-nar tal-infern” (Mt 5,22.29-30,23-33; Mk 9,45; Lq 12,5). F’dawn it-testi, Geħenna tfisser dejjem il-post jew l-istat tal-kastig għal dawk li jagħmlu l-ħażen. Hu mfisser ukoll b’espressjonijiet oħra tal-biża’: “il-ħuġġieġa tan-nar” (Mt 13,42.50), “in-nar li ma jintefiex” (Mk 9,43), u “n-nar ta’ dejjem” (Mt 25,41). “Hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien” (Mt 8,12; Lq 13,28; eċċ.) “Jaħbatlek aħjar tidħol b’id waħda fil-ħajja milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern (fil-geħenna) fin-nar li ma jintefiex... fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex” (Mk 9,43-48 par; ara Is 66,74). Hekk ukoll fil-parabbola tal-Għani u Lażżru jingħad li l-għani, wara mewtu mar “fi tbatijiet ħorox f’art l-imwiet”, u l-fqir Lażżru, wara mewtu wkoll ittieħed mill-anġli “fi ħdan Abraham” (Lq 26,22-24).
Inkunu qed ngħidu wisq jekk dawn l-espressjonijiet nifhmuhom fis-sens letterali tagħhom kif jinħassu. Imma żgur huma figuri wisq qawwija biex ifissru l-fatt veru tal-kastig li hemm lest għall-ħżiena jew tal-premju għat-tajbin. Ġesů nqeda b’espressjonijiet u figuri ta’ kliem qawwi, kif kienu jafuh il-Lhud ta’ żmienu, biex ifisser kemm hu tal-biża’ l-kastig. “Jinħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem” (2 Kor 5,10; Rum 14,10). Hemm premju għat-tajbin u kastig għall-ħżiena. Il-premju tat-tajbin aħna nsejħulu “Ġenna”, mill-figura tal- Għeden, il-Ġnien jew “il-Ġenna tal-art” (Ġen 2,8-17; Apok 2,7; 22,2). U l-kastig tal-ħżiena nsejħulu ‘Infern’ mill-figura tax-Xeňl (Ħŕdes) u tal-Geħenna bl-aspetti kollha tagħhom.
L-awtur tal-Apokalissi jqiegħed quddiemna dawn iż-żewg kwadri imfissrin bi kliem metaforiku u tradizzjonali tal-Bibbja. L-infern: “Imbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar - din l-għadira tan-nar hija t-tieni mewt. Hekk ukoll min ma nstabx imniżżel fil-ktieb tal-ħajja kien mixħut fil-belliegħa tan-nar” (Apok 20,14). Il-Ġenna: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; hu jgħammar magħhom u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeg ta’ qabel” (Apok 21,3-4).
San Pawl hu aktar ċar u realistiku: “Alla għad jagħmel is-sewwa, u jrodd it-tbatija lil dawk li qegħdin iġagħluhom isofru: u għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru ... Dawn (il-ħżiena) għad jitħallsu bil-piena tat-telfien ta’ dejjem, ’il bogħod minn wiċċ Alla u mis-sebħ tal-qawwa tiegħu” (2 Tess 1,6-9). Dan hu l-Infern!