LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

   

Idoli

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-popli tal-qedem kienu mehdijin bl-idoli jew bix-xbihat tal-allat li fihom kienu jemmnu. Fil-kulturi kollha nsibu l-mitoloġiji tal-idoli; bihom kienu jifhmu jfissru s-setghat, il-kwalitajiet u l-funzjonijiet tal-allat li fihom kienu jemmnu. Iżrael, il-poplu tal-Bibbja, kien imdawwar minn kull naħa minn dawn il-popli tal-idoli. Huma biss u weħidhom kienu jagħrfu u jqimu lil Alla l-veru li ħalaq is-sema u l-art. Dan hu Alla li ma jidhirx. L-Iżraelin kienu jemmnu fih mhux għax kienu jarawh, iżda għax kien irrivelat lilhom. Madankollu kienu dejjem jitħajru mill-popli ġirien tagħhom biex ikollhom bħalhom ix-xbihat tal-idoli li setgħu jarawhom b’għajnejhom. L-istorja tal-Bibbja tixhdilna li l-idolatrija kienet l-akbar dnub tagħhom, id-dnub ta’ dawk li kienu jibdlu lil Jaħwèh, Alla ta’ Iżrael, mal-allat mejta u foloz tal-popli ġirien tagħhom. Iżrael bħala poplu tnissel minn antenati li kienu jqimu l-idoli; minnhom ħareġ Abraham, missierhom (Ġoż 24,2; Ġud 5,6). Għalkemm għarfu ’l Alla wieħed u veru, baqgħu dejjem miġbudin lejn l-idoli (Ġen 35,2-4; Ġoż 24,l4-23). Saħansitra wara li ħarġu mill-Eġittu u fi triqthom lejn l-art imwiegħda waqgħu fl-idolatrija (Eż 32,2-4). Bix-xbieha tal-għoġol tad-deheb aktarx fehmu jfissru ’l Alla fil-qawwa tiegħu. Madankollu lanqas dan ma ried il-Mulej Alla (Ħos 8,5). Hekk baqgħu sejrin tul l-istorja kollha (Mħ 2,11-15; 1 Slat 12,28; 2 Slat 17,7-12; eċċ.). Għalhekk il-missjoni ewlenija tal-profeti kienet li jwissu bla heda lill-poplu biex ma jibdilx lil Jaħweh, Alla l-veru, ma’ idoli foloż (1 Slat 18,21ss; Ġer 25,6; 32,28.34-35; Eżek 14,lss; Ħos 13,2; eċċ.). L- Iżraelin kienu jintilfu wisq wara x-xbihat tal-idoli; dawn kienu jaljenawhom minn Alla l-veru, u huma kienu jaslu biex jibdluh magħhom u jqimu lilhom flok iqimu lilu. Mhux ta’ b’xejn li t- tieni kmandament jinsisti bil-qawwa fuq il-qima li l-bniedem għandu jagħti lil Alla l-veru, għax ma hemm ebda Alla ieħor ħliefu, u jipprojbixxi x-xbihat minquxa tal-idoli u l-qima tagħhom (Eż 20,4-6; Dt 5,7-10; ara Dt 4,15-23). Din il-projbizzjoni stretta u assoluta kienet meħtieġa għall-Iżraelin ta’ dak iż-żmien li, minħabba l-kulturi tal-popli ġirien tagħhom, kienu għadhom maħkuma minn mentalità materjali. Kienu jemmnu f’Jaħwèh, Alla tar-rivelazzjoni, imma din il-viżjoni ta’ Alla sopranaturali u traxxendentali kienet tqila wisq għal moħħhom. Għalhekk waqgħu biex tħajru mill-idoli tal-ġnus jew fasslu xbihat li jidhru ta’ Alla li ma jidhirx. Imma Alla tar-rivelazzjoni ma jistax jitfisser bi xbihat, għax l-ebda xbieha ma tista’ tfisser x’inhu. Alla tagħna, li għamel il-ħolqien, hu wisq ’il fuq mill-ħlejjaq kollha biex jista’ jixxebbah ma’ xi wħud minnhom.

Fit-Testment il-Ġdid l-idolatrija ma tingħatax importanza kbira. L-insara tal-ewwel żmien fil-biċċa l-kbira minnhom kienu ġew min-naħa tal-pagani; wara li għarfu li Alla l-veru wieħed hu, li ħalaq is-sema u l-art, kienu ċaħdu għall-allat foloz li kellhom qabel (Atti 17, 23ss; 1 Tess 1,9). Madankollu, l-Appostli ġie li kienu jwissuhom biex ma jerġgħux lura lejn l-idoli jew ma jerġgħux jitħajru minnhom (1 Kor 10,14; 2 Kor 6,16; 1 Ġw 5, 21). Għall-insara Alla hu rrivelat f’Ibnu Ġesù Kristu (Ġw 1,18). Fih deher u jidher Alla li ma jidhirx. “Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1,15). Aħna żġur ma għandniex bżonn ikollna xi speċi ta’ xbieha ta’ Alla, għax Alla nnifsu tana x-xbieha tiegħu f’Ibnu.