LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Fidwa

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Bil-kelma fidwa nifhmu l-ħelsien ta’ persuni jew oġġetti miżmumin minn ħaddieħor għall-prezz li jitħallas għalihom. Dan hu wkoll il-kunċett bibliku sew fit-Testment il-Qadim u sew fit-Testment il-Ġdid. Fit-Testment il-Qadim il-kelma tifdi/fidwa nsibuha b’riferenza għall-primoġenitu, l-ewwel wild, li kellu jkun issagrifikat lill-Mulej, imma li seta’ jinfeda bil-ħlas ta’ prezz ieħor (Eż 34,20; 13,13; Num 18,15).

Jissejjaħ ukoll fidwa il-ħelsien ta’ Iżrael mill-jasar tal-Eġittu ( Dt 7,8; 13,6; eċċ.). Għalhekk il-Mulej hu l-Feddej ta’ Iżrael (Is 41,14; 49,26; 60,16; 63,16; Salm 138,7-8). Il-feddej (bil-Lhudi, goèl) f’Iżrael kien dak il-membru tal-familja li kellu d-dritt u d-dmir jaqbeż għall-familja tiegħu jew għal xi ħadd mill-membri tagħha (Lev 25,23-28). F’każ ta’ jasar kellu jindaħal biex jifdih bil-ħlas ta’ prezz; hekk ukoll fil-każ ta’ djun u ta’ raba’ jew ġid ieħor maqbud. Hekk ukoll, imma f’sens metaforiku, Alla jissejjaħ il-Feddej ta’ Iżrael għax fdieh mill-jasar tal-Fargħun tal-Eġittu. Imma, biex feda ’l Iżrael, Alla ma ħallas l-ebda prezz; ma kellux għalfejn, għax fdieh bl-“id qawwija tiegħu’’ (Dt 7,8; 13,6; Mik 6,4). Bnadi oħra jingħad li Alla feda u ħeles ’il Iżrael mill-jasar biex dan ikun il-poplu tiegħu; meta Alla fdieh mill-jasar “kisbu għalih (Dt 4,20; 7,6; ara 1 Pt 2,9). Fis-Salm 130,8 jingħad li Alla “jifdi lil Iżrael minn ħtijietu kollha.”

Dan il-kunċett tal-fidwa mid-dnub idaħħalna fis-sens tal-fidwa tat-Testment il-Ġdid.

Ir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid tgħarrafna li Ġesù Kristu ġie fid-dinja “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20,28 par.). Din il-kelma ta’ Ġesu tfakkarna f’dak li jgħid il-profeta fuq “il-Qaddej tal-Mulej’’, li offra ruħu għall-mewt biex neħħa l-ħtijiet tal-kotra u ndaħal għall-midinbin (Is 53,6.12). Dan ifisser li Ġesù fdiena minn ħtijietna, mill-jasar tad-dnub.

Fit-Testment il-Ġdid il-fidwa hi l-maħfra tad-dnubiet bid-demm ta’ Ġesù Kristu (Ef 1,7; Kol 1,14). Fdiena b’demmu. Dan hu l-prezz (bil-Grieg, lýtron) tal-fidwa.  Hekk jingħad ħafna drabi li Ġesù xerred demmu għall-maħfra tad-dnubiet (Mt 26,28; Mk 14,24). Ġejna mifdija mill-ħażen tagħna bid-demm għażiż ta’ Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa (1 Pt 1,18-19; Ef 1,7; Kol 1,14). Ġesu fdiena minn dnubietna, iżda l-fidwa sħiħa tagħna għad trid isseħħ fl-aħħar taż-żmien. Aħna issa mifdija, imma nħarsu ’l quddiem lejn il-fidwa sħiħa” li għad isseħħ f’“jum il-fidwa” (Ef 1,14; 4,30).  Fit-Testment il-Ġdid it-titlu ta’ Feddej (Redentur) ma jingħatax la lil Alla l-Missier u lanqas lil Ġesù Kristu. Jingħad ħafna drabi li Ġesu fdiena b’demmu (Gal 3,13; 4,5; Apok 5,9; eċċ.). Imma hu Alla li “xtrana bid-demm ta’ Ibnu u kisibna għalih biex inkunu l-poplu tiegħu (1 Kor 6,19-20; 1 Pt 1,18-19; 2,9). Il-vokabularju tal-fidwa (lýtron, lýtrosis) hu relattivament rari fit-Testment il-Ġdid. Madankollu t-titlu ta’ Feddej għal Ġesù Kristu sar mill-aktar komuni kemm fil-Kristoloġija u kemm fost il-poplu nisrani.