LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Fedellà

Minn Dun Pawl Sciberras

 

1. Il-fedeltà hi attribut propju ta’ Alla u virtù sabiħa tagħna l-bnedmin. Bil-Lhudi ʼémet, mill-għerq ʼamàn, “żamm sod”, “żamm sħiħ”. Għalhekk , meta ngħidu li Alla hu “fidil”, nifhmu li hu “ta’ kelmtu”, li “jżomm kelmtu” (1 Ġw 1,9; 1 Kor 1,9). U meta ngħidu li l-bniedem għandu jkun fidil ma’ Alla, nifhmu ngħidu li hu għandu jżomm sħiħ fil-wegħdiet li għamillu u fil-ħarsien tal-liġi tiegħu (Apok 2,10).

 

2. Ħafna drabi l-fedeltà ta Alla hi mfaħħra fil-Bibbja. Alla għamel il-wegħdiet lill-poplu tiegħu. Billi hu ta’ kelmtu, ma jistax jerġa lura minnhom, lanqas jekk il-poplu jonqsu mill-fedeltà, kif għamel kemm-il darba. L-infedeltà tal-bniedem ma ġġibx fix-xejn il-wegħda ta’ Alla. Dan kien l-argument ta’ San Pawl biex juri li, minkejja l-ingratitudni ta’ Iżrael, il-wegħdiet ta’ Alla lil Abraham, xorta waħda seħħew fi Kristu, li bih qajjem ʼl Iżrael il-ġdid (Rum 9-11). Fi Kristu seħħew il-wegħdiet kollha ta’ Alla (2 Kor 1,20).

Alla jżomm sħiħ fil-kelma tiegħu, għax hu ħanin u twajjeb. Għalhekk mal-kelma ʼémet ħafna drabi nsibu wkoll il-kelma ħésed, “tjieba”, “tjubija”, “mħabba bla qjies”; u ż-żewġ kelmiet insibuhom flimkien: ħésed weémet, “tjieba u fedeltà”; żewġ attributi li juruna xi jfisser Alla għalina. “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedelta” (Eż 34,6; ukoll Salm 25,10; 103,4; eċċ.). Fit-tjieba kbira tiegħu Alla jagħder ʼl uliedu fin-nuqqas ta’ fedeltà tagħhom lejh, u hu nnifsu ma jonqosx mill-fedeltà tiegħu lejhom; hu ma jistax jonqos minn kelmtu (2 Tim 2,13; Salm 78; 38-39).

 

3. Imma Alla jrid u jistenna l-fedeltà min-naħa tal-poplu tiegħu wkoll (Ġoż 24,14). Madankollu l-istorja ta’ Iżrael turi li dan il-poplu ma kienx fidil ma Alla;ma żammx kelmtu miegħu u ma ħarisx il-patt tiegħu (Salm 78,8-10.36-37; 106,6; Is 42,24; eċċ). Kemm-il darba kienu jwiegħdu u jerġgħu jwiegħdu li jkunu fidili lejh; iżda kull darba kienu jerġgħu jonqsu minn kelmthom. Huma xhieda ħajja tad-dgħufija tal-bniedem. “Qarrieq hu kull bniedem” (Salm 116,11; Rum 3,4; Prov 20,6). Lanqas hu stess ma jista’ jafda fih innifsu. Madankollu fl-għaqda tiegħu ma’ Ġesù Kristu l-bniedem jissaħħaħ fil-fehma u r-rieda tajba (1 Kor 1,8-9).

Il-fedelta hi wkoll sinonima tal-verità (bil-Grieg, alétheia, bil-Latin tal-Vulgata, veritas; ara Ġw 1,18).