BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 13 ta’ Frar 2013

 

Għeżież ħuti,

 

Kif tafu – u nirringrazzjakom għas-simpatija tagħkom! – jiena ddeċidejt li nirriżenja mill-ministeru li l-Mulej fdali f’idejja fid-19 ta’ April 2005.  Dan għamiltu b’libertà sħiħa għall-ġid tal-Knisja, wara li tlabt fit-tul u eżaminajt il-kuxjenza tiegħi quddiem Alla, konxju biżżejjed mill-piż ta’ għemil bħal dan, imma daqshekk ieħor konxju li m’għadnix iżjed f’qagħda li nista’ nkompli nwettaq il-Ministeru Petrin b’dik l-enerġija li dan jitlob.  Tqawwini u ddawwalni ċ-ċertezza li l-Knisja hi ta’ Kristu, u Hu qatt ma jħalliha nieqsa mid-dawl u l-għożża tiegħu.  Irrodd ħajr lil kulħadd għall-imħabba u għat-talb li bihom seħibtuni.  Grazzi!  F’dawn il-jiem, li għalija ma kienu xejn faċli, stajt inħoss kważi fiżikament il-qawwa tat-talb, li l-imħabba tal-Knisja, it-talb tagħkom, iġibuli.  Komplu itolbu għalija, għall-Knisja, għall-Papa futur.  Il-Mulej imexxina hu.

* * *

It-tentazzjonijiet ta’ Ġesù u l-konverżjoni għas-Saltna tas-Smewwiet

 

Għeżież ħuti,

Il-lum, l-Erbgħa tar-Rmied, nibdew iż-Żmien liturġiku tar-Randan, erbgħin jum li jħejjuna għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għid Imqaddes; hu żmien ta’ impenn partikulari fil-mixja spiritwali tagħna.  In-numru erbgħin jidher kemm-il darba fl-Iskrittura Mqaddsa.  B’mod partikulari, kif nafu, dan ifakkar fl-erbgħin sena li l-poplu ta’ Israel għadda jiġġerra pellegrin fid-deżert: perjodu twil ta’ formazzjoni biex seta’ jsir il-poplu ta’ Alla, imma wkoll perjodu twil li fih kienet dejjem preżenti t-tentazzjoni li ma jibqax fidil għall-patt mal-Mulej.  Kienu wkoll erbgħin il-jiem tal-mixja tal-Profeta Elija sa ma wasal fuq il-Muntanja ta’ Alla, il-Ħoreb; kif ta’ erbgħin jum ukoll kien il-perjodu li Ġesù għadda fid-deżert qabel ma beda l-ħajja pubblika tiegħu u fejn safa ttentat mix-Xitan.  F’din il-Katekeżi tal-lum nixtieq nieqaf sewwa sew fuq dan il-mument tal-ħajja tal-Mulej fuq din l-art, li sa naqraw fil-Vanġelu tal-Ħadd li ġej.

 

Qabel xejn, id-deżert, fejn Ġesù jmur waħdu, hu l-post tas-skiet, tal-faqar, fejn il-bniedem hu mċaħħad mill-appoġġ materjali u jsib ruħu quddiem il-mistoqsijiet fundamentali ta’ l-eżistenza, hu mġiegħel biex imur għall-essenzjal u propju għalhekk isir iktar faċli għalih li jiltaqa’ ma’ Alla.  Imma d-deżert hu wkoll post il-mewt, għax fejn m’hemmx ilma, lanqas hemm ħajja, u hu l-post tas-solitudni, fejn il-bniedem iħoss it-tentazzjoni b’mod iktar intens.  Ġesù jmur fid-deżert, u hemm iġarrab it-tentazzjoni li jħalli t-triq li wrieh il-Missier biex jimxi f’toroq oħra iżjed ħfief u tad-dinja (ara Lq 4:1-13).  Hekk Hu jerfa’ fuqu t-tentazzjonijiet tagħna, iġorr miegħU l-miżerja tagħna, biex jirbaħ il-ħażen u jiftħilna t-triq lejn Alla, it-triq tal-konverżjoni.  Meta nirriflettu fuq it-tentazzjonijiet li għalihom ikollu joqgħod Ġesù fid-deżert, inkunu nilqgħu l-istedina magħmula lil kull wieħed u waħda minna biex inwieġbu għal mistoqsija fundamentali: F’ħajti x’inhu dak li jiswa tassew?  Fl-ewwel tentazzjoni, ix-Xitan lil Ġesù jipproponilu biex jibdel ġebla f’ħobż ħalli jaqta’ l-ġuħ li kellu.  Ġesù jirribatti billi jgħid li l-bniedem jgħix bil-ħobż ukoll, imma mhux bil-ħobż biss: mingħajr tweġiba għall-ġuħ tal-verità, għall-ġuħ ta’ Alla, il-bniedem ma jistax isalva (ara vv. 3-4).  Fit-tieni tentazzjoni, ix-Xitan jipproponi lil Ġesù t-triq tal-poter: jieħdu fl-għoli u joffrilu s-setgħa fuq id-dinja; imma m’hijiex din it-triq ta’ Alla: Ġesù jaf tajjeb li m’hix il-qawwa tad-dinja li ssalva lid-dinja, imma l-qawwa tas-salib, ta’ l-umiltà, ta’ l-imħabba (ara vv. 5-8).  Fit-tielet tentazzjoni, ix-Xitan jipproponi lil Ġesù li jintefa’ mill-quċċata tat-Tempju ta’ Ġerusalemm għal isfel u jħalli lil Alla jsalvah billi jibgħatlu l-anġli tiegħu, allura li jagħmel xi ħaġa sensazzjonali biex jipprova lil Alla nnifsu; imma t-tweġiba hi li Alla m’hux xi oġġett li noqogħdu nagħmlulu l-kundizzjonijiet aħna: hu s-Sid ta’ kollox (ara vv. 9-12).  Liema hi l-qalba tat-tliet tentazzjonijiet li jġarrab Ġesù?  Hi l-proposta biex jistrumentalizza lil Alla, biex jużah għall-interessi tiegħu nnifsu, għall-vanaglorja u għas-suċċess.  Mela, fis-sustanza, hi t-tentazzjoni li npoġġu lilna nfusna flok Alla, inwarrbuh mill-eżistenza tagħna u nġibuh jidher superfluwu.  Għalhekk kull wieħed u waħda minna għandu jsaqsi lilu nnifsu: X’post għandu Alla f’ħajti?  Hu s-Sid jew jien?

 

Il-mixja li kull Nisrani għandu jterraq dejjem mill-ġdid hi li nirbħu t-tentazzjoni li nġibu lil Alla joqgħod għalina u għall-interessi tagħna jew li npoġġuh f’rokna, u nikkonvertu għall-ordni t-tajjeb tal-prijoritajiet, billi nagħtu lil Alla l-ewwel post.  “Nikkonvertu”, stedina li sa nisimgħu iktar minn darba fir-Randan, tfisser li nimxu wara Ġesù b’mod li l-Vanġelu tiegħu jsir id-dawl konkret li jmexxi lil ħajjitna; ifisser li nħallu lil Alla jibdilna, nieqfu milli naħsbu li aħna l-uniċi bennejja ta’ l-eżistenza tagħna; ifisser li nagħrfu li aħna ħlejjaq, li niddipendu minn Alla, minn imħabbtu, u hu biss jekk “nitilfu” ħajjitna fiH li nistgħu niksbuha.  Dan jitlob minna li l-għażliet tagħna nagħmluhom fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.  Il-lum m’għadux possibbli li nkunu Nsara sempliċement bħala konsegwenza tal-fatt li qed ngħixu f’soċjetà li għandha għeruq Insara: anki min jitwieled f’familja Nisranija u jirċievi edukazzjoni reliġjuża għandu, kuljum, iġedded l-għażla tiegħu li jkun Nisrani, jiġifieri jagħti l-ewwel post lil Alla, quddiem it-tentazzjonijiet li tipproponilu kontinwament kultura sekularizzata, quddiem il-ġudizzju kritiku ta’ bosta min-nies ta’ żmienu.

 

Fil-fatt, il-provi li s-soċjetà tal-lum tqiegħed quddiem in-Nisrani huma ħafna, u jmissu l-ħajja personali u soċjali.  M’hux faċli li nibqgħu fidili lejn iż-Żwieġ Nisrani, li nipprattikaw il-ħniena fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, li nħallu spazju għat-talb u għas-skiet interjuri; m’hux faċli li pubblikament neħduha kontra għażliet li ħafna oħrajn iqisu bħala ovvji, bħalma huma l-abort f’każ ta’ tqala mhux mixtieqa, l-ewtanasja f’każ ta’ mard gravi, jew l-għażla ta’ l-embriji biex jiġi evitat mard li jintiret.  It-tentazzjoni li nwarrbu għall-ġenb il-fidi tagħna hi dejjem preżenti, u għalhekk il-koverżjoni ssir tweġiba lil Alla li jeħtieġ tiġi kkonfermata iktar minn darba fil-ħajja.

 

Huma ta’ eżempju u stimolu għalina l-konverżjonijiet il-kbar bħal dik ta’ San Pawl fit-triq lejn Damasku, jew ta’ Santu Wistin, imma anki fl-epoka tagħna ta’ eklissi tas-sens tas-sagru, il-grazzja ta’ Alla qed taħdem u twettaq ħwejjeġ kbar fil-ħajja ta’ tant persuni.  Il-Mulej ma jixba’ qatt iħabbat fuq il-bieb tal-bniedem f’kuntesti soċjali u kulturali li donnhom jidhru miblugħa mis-sekularizzazzjoni, bħalma ġara lir-Russu Ortodoss Pavel Florenskij.  Wara edukazzjoni għal kollox anjostika, tant li kien iħoss ġo fih ostilità vera u propja lejn it-tagħlim reliġjuż li kien irċieva l-iskola, ix-xjenzat Florenskij jispiċċa biex jesklama: “Le, ma tistax tgħix mingħajr Alla!”, u bidel ħajtu għal kollox, tant li sar saċerdot.

 

Tiġini wkoll f’moħħi l-figura ta’ Etty Hillesum, żagħżugħa Olandiża ta’ oriġni Lhudi li mbagħad mietet f’Auschwitz.  Għall-bidu mbiegħda minn Alla, tiskoprih meta tħares fil-fond ta’ qalbha stess, u tikteb: “Hemm bir tassew fond ġewwa fija.  U Alla qiegħed f’dak il-bir.  Kultant jirnexxieli nilħqu, imma wisq iżjed drabi hemm jgħattuh il-ġebel u r-ramel: hekk Alla hu midfun.  Hu meħtieġ li jinkixef mill-ġdid” (Djajru, 97).  Fil-ħajja mqallba u mħawda tagħha, terġa’ ssib lil Alla sewwa sew fil-qalba tat-traġedja l-kbira tas-seklu dsatax, ix-Shoah.  Din iż-żagħżugħa dgħajfa u deluża, ittrasfigurata mill-fidi, tinbidel f’mara mimlija mħabba u paċi ġewwenija, li sa waslet biex tistqarr: “Ngħix il-ħin kollu f’intimità ma’ Alla”.  Din il-kapaċità li tmur kontra l-qerq ideoloġiku ta’ żmienha biex tagħżel it-tiftix tal-verità u tinfetaħ għall-iskoperta tal-fidi, tagħti xhieda għaliha mara ta’ żmienna, l-Amerikana Dorothy Day.  Fl-awtobijografija tagħha, tistqarr fil-beraħ li waqgħet fit-tentazzjoni li ssolvi kollox bil-politika, billi taċċetta l-proposta Marxista: “Ridt ningħaqad mad-dimostranti, immur il-ħabs, nikteb, ninfluwenza lill-oħrajn u nħalli l-ħolma tiegħi lid-dinja.  Kemm ambizzjoni u kemm tiftix tiegħi nnifsi kien hemm f’dan kollu!”.  Il-mixja lejn il-fidi f’ambjent hekk issekularizzat kienet partikularment diffiċli, imma l-Grazzja xorta waħda taħdem, kif tkompli tgħid hi stess: “Hi ħaġa ċerta li jien bdejt inħoss iżjed spiss il-bżonn li mmur il-knisja, biex ninżel għarkubbtejja, biex inbaxxi rasi fit-talb.  Kien stint għami, biex ngħidu hekk, għax ma kontx konxja li qed nitlob.  Imma kont immur, kont nidħol fl-atmosfera tat-talb…”.  Alla mexxieha lejn dħul konxju fil-Knisja, f’ħajja mogħtija għall-dawk imċaħħda minn kull ġid.

 

Fi żmienna, m’humiex ftit il-konverżjonijiet li fihom naraw ir-ritorn ta’ min, wara edukazzjoni Nisranija aktarx superfiċjali, tbiegħed għal snin twal mill-fidi u mbagħad jiskopri mill-ġdid lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu.  Fil-ktieb ta’ l-Apokalissi naqraw: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (3:20).  Il-bniedem interjuri li hemm fina jrid iħejji ruħu għaż-żjara li jagħmillu Alla, u propju għalhekk m’għandux iħalli jirbħuh l-illużjonijiet, dak li jidher minn barra, il-ħwejjeġ materjali.

 

F’dan iż-Żmien tar-Randan, f’din is-Sena tal-Fidi, inġeddu l-impenn tagħna fil-mixja tal-konverżjoni, biex nirbħu t-tendenza li ningħalqu fina nfusna u biex, minflok, nagħmlu spazju lil Alla, naraw ir-realtà ta’ kuljum bl-għajnejn tiegħu.  L-għażla bejn li ningħalqu fl-egoiżmu tagħna u li ninfetħu għall-imħabba ta’ Alla u ta’ l-oħrajn, nistgħu ngħidu li tikkorrispondi ma’ l-għażla fit-tentazzjonijiet ta’ Ġesù: għażla, allura, bejn il-poter tal-bniedem u l-imħabba tas-Salib, bejn fidwa mil-lenti tal-ġid materjali biss u fidwa bħala opra ta’ Alla, li tiegħu hu l-primat ta’ l-eżistenza.  Li nikkonvertu ma jfissirx li ningħalqu għat-tiftix tas-suċċess tagħna, tal-prestiġju tagħna, tal-pożizzjoni tagħna, imma li kull ġurnata nħabirku, fil-ħwejjeġ iż-żgħar, biex il-verità, il-fidi f’Alla u l-imħabba jsiru l-aktar ħaġa importanti.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard