L-ITTRA ENĊIKLIKA RERUM NOVARUM

tal-Papa Ljun XIII

15 ta' Mejju 1891

 

DAĦLA

1. Xewqa ħerqana ta’ ħwejjeġ ġodda ilha issa żmien twil li bdiet iġġib tqanqil kbir fil-popli. Kien għalhekk naturali li din il-ħerqa kellha tgħaddi mill-ordni politiku għall-ordni l-ieħor li jibxħu, dak ekonomiku u soċjali. Fil-fatt, saru progressi ta’ l-għaġeb fis-snajja’ u fil-metodi ġodda ta’ l-industrija; saret bidla kbira fir-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u s-sidien; l-għana nġabar f’idejn il-ftit u l-faqar żdied u xtered ħafna; il-klassijiet tal-ħaddiema saru iżjed koxjenti mill-qawwa tagħhom u l-qagħda tagħhom kibret u ssaħħet iżjed. Dan kollu, flimkien mat-tħassir tad-drawwiet, qanqal taqbida kbira.  Din it-taqbida hi ta’ gravità hekk kbira illi timla lir-ruħ ta’ kulħadd b’mistennija tal-biża’, ittaqqal l-imħuħ ta’ l-għorrief, il-kungressi tan-nies li jifhmu, il-ġemgħat popolari, id-deliberazzjoni tal-legislaturi, il-kunsilli tal-prinċpijiet. M’hemmx kwistjoni oħra li qed tinteressa iżjed lid-dinja. Għalhekk, Aħwa miqjuma, bħalma drabi oħra, kull meta ħtieġ, Aħna ktibnielkom, għall-ġid tal-Knisja u ta’ kulħadd, dwar is-Setgħat Pubbliċi, il-Libertà umana, il-Bini nisrani ta’ l-Istat u fuq ħwejjeġ oħra bhal dawn li dehrilna ħaġa xierqa nitħaddtu fuq il-kwistjoni tan-nies tax-xogħol. Aħna diġà semmejna xi ħaġa dwar dan, u aktar minn darba, meta kellna l-okkażjoni nagħmluh. Iżda d-dmir Appostoliku li Aħna mgħobbija bih iġegħelna nitħaddtu fuq dan l-argument f’din l-ittra miktuba apposta fuqu u b’mod li nifluh sewwa biex kulħadd isir jaf, u ħadd ma jitqarraq, dwar il-prinċipji li fuqhom din il-kwistjoni għandha ssib is-soluzzjoni tagħha skond il-ħaqq u l-ekwità. Din hija kwistjoni diffiċli u perikoluża. Hija diffiċli għaliex m’hux għalkemm tgħid fejn jibdew id-drittijiet u d-dmirijiet fir-relazzjonijiet bejn sidien u nies tax-xogħol, bejn kapital u xogħol. Hija perikoluża għaliex hawn nies li, b’ħażen, ħsiebhom huwa li jagħwu; dawn ifittxu li jgħawwġu l-argumenti u jħawwdu l-problema biex ixewwxu l-folol u jġibu d-diżordni.

 

2. Hu x’inhu huwa ċar, u fuq hekk jaqbel kulħadd, illi huwa għalkollox meħtieġ li, mingħajr dewmien iżjed u bi provvedimenti xierqa, nagħtu l-għajnuna lill-ħaddiema li, fil-kotra tagħhom, twaddbu inġustament f’kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ ħajja mill-agħar. Ġara tabilħaqq illi, wara li fis-seklu li għadda ġew soppressi l-korporazzjonijiet ta’ l-arti u s-snajja’ u ma twaqqaf xejn minflokhom, u waqt li l-istituzzjonijiet u l-liġijiet tbiegħdu mil-ispirtu nisrani, bil-ftit il-ftit iċ-ċirkustanzi waqqgħu l-ħaddiem, li kien safa waħdu u bla ħarsien, f’idejn sidien bla qalb umana u vittma tal-kilba għal-kompetizzjoni. Ħarrxet is-sitwazzjoni l-użura bla rażan li, għalkemm kienet-il darba kkundannata mill-Knisja, baqgħet sejra l-istess taħt forom oħra minn spekulaturi rgħiba. Ma’ dan kollu trid iżżid il-monopolju tal-produzzjoni u tal-kummerċ li ġie f’idejn il-ftit, tant illi għadd żgħir ħafna ta’ nies għonja qiegħdu fuq il-kotra bla qies tal-ħaddiema madmad ftit inqas minn jasar.

 

 

L-EWWEL TAQSIMA

IS-SOĊJALIŻMU, RIMEDJU FALZ

 

Is-soluzjoni soċjalista mhux aċċettabli għal ħaddiema

3. Biex isewwu din id-diżordni s-Soċjalisti jqajjmu l-mibegħda għas-sinjur u jippretendu illi għandha tispiċċa l-proprjetà u li ssir mill-proprjetajiet kollha proprjetà komuni waħda li tkun amministrata mill-Istat jew mill-Muniċipju. Huma jaħsbu illi b’din il-bidla fil-proprjetà, li minn personali ssir komuni, u bit-tqassim xorta tal-flus u tal-profitti, isolvu mill-għeruq il-problema kollha. Imma din it-triq mhux talli ma twassalx biex issolvi l-kwistjoni iżda tagħmel ħsara wkoll lill-ħaddiema. Barra minn hekk hija f’ħafna sensi inġusta għaliex tmur kontra d-drittijiet leġittimi tal-proprjetarji, tagħti lill-Istat kompetenzi u dmirijiet li m’humiex tiegħu, u tħawwad l-ordni soċjali kollu.

 

4. Tabilħaqq m’huwiex diffiċli li tifhem illi l-iskop tax-xogħol, l-iskop immedjat illi l-bniedem tas-snajja’ jagħti lilu nnifsu, huwa l-proprjetà privata. Jekk huwa juża saħħtu u senegħtu għal xi ħadd ieħor dan jagħmlu biex jaqla’ dak li jeħtieġlu għall-ħajja; b’hekk huwa jikseb il-jedd mhux biss li jaqla’ l-ħlas iżda wkoll biex jagħmel bih dak li jrid. Jekk għalhekk, bl-ekonomija li jagħmel, huwa jirnexxilu jfaddal xi ħaġa u, biex ikun aktar fiż-żgur, jinvestiha f’xi biċċa art, din il-biċċa art m’hijiex, fl-aħħar mil-aħħar, ħlief dak li l-ħaddiem ikun qala’, għalkemm taħt għamla oħra, u tibqa’ għalhekk proprjetà tiegħu xejn iżjed u xejn inqas mill-istess qligħ ta’ ħidmietu. U din, appuntu, hija, kif jaf kulħadd, il-proprjetà privata, kemm dik mobbli u kemm dik immobbli. Meta s-Soċjalisti jfittxu li jgħaddu kull proprjetà partikulari f’idejn kulħadd u jagħmluha ta’ kulħadd ikunu qed iċaħħdu lill-ħaddiema mill-libertà li jinvestu kif irid dak li jkun qala’ u jtellfuħ id-dritt u t-tama illi jkabbar l-ġid tiegħu u ta’daru, li jtejjeb il-qagħda tiegħu, u jirrendu, għalhekk, aktar infeliċi l-kondizzjonijiet ta’ ħajtu.

 

5. Dak li hu agħar hu illi r-rimedju illi jipproponu s-Soċjalisti huwa inġustizzja ċara għaliex il-proprjetà privata hija dritt li tagħti n-natura stess. F’dan kollu hemm differenza kbira bejn il-bniedem u l-bhima. Il-bhima ma huma taħt il-kura tiggvernax lilha nfisha. Imexxuha u jiggvernawha żewġ istinti li, min-naħa, iżommu ħidmiethom ħajja u, min-naħa l-oħra, jiddeterminaw u jillimitaw kull moviment li tagħmel. Iż-żewġ istinti huma dak tal-konservazzjoni tagħha nfisha u dak tal-konservazzjoni ta’ nisilha. Biex tilħaq dawn iż-żewġ skopijiet għall-bhima huwa biżżejjed li tuża l-mezzi li ssib madwarha; lanqas tista’ tagħmel aħjar u iżjed għaliex dak li jqanqalha huma s-sensi u dak li jaqa’ taħt is-sensi. Għalkollox differenti hija n-natura tal-bniedem. Huwa għandu l-milja tal-ħajja sensittiva – ħajja li għandu hu wkoll, għallinqas daqs il-bhima – u li tagħtih il-possibbiltà li jagħmel użu mill-ġid tan-natura materjali. Iżda n-natura materjali li hemm fil-bniedem, anke jekk hi fih fil-milja kollha tagħha, mhux talli ma timliex in-natura umana iżda hija inferjuri għaliha u magħmula biex tkun suġġetta għaliha u taqdiha.  Dak li hu l-privileġġ kbir tal-bniedem u dak li jagħmlu tassew bniedem u jiddistingwih essenzjalment mill-bhima hija l-intelliġenza jew ir-raġuni. U appuntu għaliex il-bniedem għandu r-raġuni huwa għandu jkollu fuq il-ġid ta’ l-art xi ħaġa iżjed milli s-sempliċi użu tiegħu kif għandhom il-bhejjem l-oħra. U għalhekk huwa jixraqlu wkoll id-dritt tal-proprjetà stabbli; mhux biss fuq il-ħwejjeġ li jikkunsmaw irwieħhom meta tużahom iżda wkoll fuq dawk li jibqgħu wara li tagħmel użu minnhom.

 

Il-proprjetà privata hi dritt naturali

6. Dan jista’ jidher iżjed ċar jekk wieħed jistudja aktar fil-fond in-natura umana. Minħabba l-libertà li jgawdi u t-tagħrif bla tarf li hu jikseb u li jħaddan mhux biss il-preżent iżda wkoll il-futur, il-bniedem, mqiegħed taħt il-liġi eterna u l-providenza universali ta’Alla, huwa providenza għalih innifsu. Imiss lilu jagħżel il-mezzi li hu jaħseb li jkunu tajbin biex iħares ħajtu kemm għall-waqt li jgħaddi u kemm għall-ġejjieni. Dan ifisser illi barra mis-setgħa li għandu fuq il-frott ta’ l-art huwa għandu wkoll is-setgħa fuq l-art innifisha. Huwa minn fuq l-art illi l-bniedem jikseb dak li hu neċessarju għall-bżonnijiet tal-futur tiegħu. Il-bniedem, infatti, għandu bżonnijiet li jinqalgħu l-ħin kollu. Bżonnijiet li tissodisfa llum jerġgħu jqumu għada. In-natura, għalhekk, tat żgur lill-bniedem id-dritt għal ġid stabbli u li ma jispiċċax, proporzjonat għall-għajnuna li jeħtieġ mingħajr waqfien. Dan il-ġid tista’ tagħtih biss l-art bl-għelejjel kotrana tagħha. Lanqas tista’ tgħid li hemm xi raġuni li titlob li jidħol l-Istat biex igħin hu. Għaliex il-bniedem ġie qabel l-Istat. Għalhekk in-natura tatu d-dritt li jaħseb għall-għajxien tiegħu qabel ma ffurmat ruħha s-soċjetà ċivili.

 

7. Il-fatt li Alla ta l-art lill-ġens tal-bnedmin biex jaħdimha u jinqeda biha ma jmur bl-ebda mod kontra d-dritt tal-proprjetà privata. Dan id-don ta’Alla lill-ġens tal-bnedmin sar lil kulħadd iżda mhux biex kulħadd, bla għażla ta’ xejn, jagħmel minnu li jrid. Alla ma ta lil ebda bniedem wieħed xi parti mill-art iżda ħalla t-tqassim tagħha f’idejn l-intelliġenza ħawtiela tal-bnedmin u l-leġislazzjoni speċjali li kellhom jagħtu lilhom infushom il-popli. L-art, wara kollox, titqassam iva bejn il-bnedmin wieħed wieħed, iżda tibqa’ għas-servizz u l-ġid ta’ kulħadd għaliex ħadd fid-dinja ma jista’ jibqa’ mingħajr l-għejxien minnha. Dawk li m’għandhomx proprjetà tagħhom jgħixu b’xogħolhom. Għalhekk wieħed jista’ jgħid fis-sewwa illi l-mezz universali għall-għajxien huwa x-xogħol li l-bniedem jagħmel biex jaħdem biċċa art tiegħu jew biex jeżerċita xi sengħa. Il-ħlas f’kull każ jiġi mill-għelejjel ta’ l-art jew b’dak li jingħata għal li trodd l-art. Din hija prova oħra illi l-proprjetà privata hija skond dak li trid in-natura. L-art tagħti lill-bnedmin dak li hu meħtieġ għall-għajxien u l-perfezzjonament tiegħu basta l-bniedem jikkultivaha u jieħu ħsiebha bil-ħeġġa. B’dan il-mod, jekk il-bniedem iħabbel moħħu u jħaddem saħħet ġismu huwa jkun qiegħed ibiddel qawwietu f’għelejjel u jnaqqax il-personalità tiegħu fihom. B’hekk ikun qed isir ħaġa waħda magħhom u jagħmilhom biċċa minnu. Bil-ħaqq kollu għalhekk ikunu jistgħu jissejħu proprjetà tiegħu u hu jkun jista’ jesiġi r-rispett ta’ l-oħrajn għaliha.

 

Il-proprjetà privata sanzjonata minn liġijiet umani u divini

 

8. Tant huma evidenti r-raġunijiet li semmejna illi wieħed ma jasalx biex jifhem kif seta’ jkun hemm xi whud li jiċħduhom. Dawn sa qajjmu utopiji antiki biex jiċħdu lill-bniedem il-proprjetà. Jammettu illi l-bniedem jista’ juża’ l-art u l-frott ta’ l-għelieqi iżda jiċħdulu l-proprjetà ta’ l-art li fuqha bena u ta’ l-għelieqi li huwa kkultiva. Ma jindunawx dawn illi b’dan il-mod u bir-raġunament tagħhom jaslu biex jisirqu lill-bniedem l-effetti ta’ ħidmietu. Għaliex l-art, mħaddma minn id il-bniedem u senegħtu, ma tibqax dak li kienet: kienet xagħrija u ssir tagħti l-għelejjel; kienet ħawlija u ssir trodd bix-xaba’. Dan it-titjib isir ħaġa waħda ma’ l-art u l-biċċa l-kbira tiegħu ma tingħażilx iżjed minnha. X’ġustizzja tkun dik illi l-bniedem li ma jaħdimx l-art jieħu l-frott tagħha minn idejn dak li jkun ħadimha? Kif l-effett huwa wild il-kawża hekk il-frott huwa ta’ dak li ħadem. Il-ġens tal-bnedmin, għalhekk, bir-raġun kollu ma jagħtix kas ta’ dawk li jiċħdulu d-dritt tal-proprjetà u, b’ħarstu fil-liġi tan-natura li tagħtih dan id-dritt, jara fiha l-bażi tat-tqassim tal-ġid. U waqt li għaraf illi l-proprjetà privata taqbel għalkollox man-natura tal-bnedmin, ikkonfermaha solennement fil-prattika tas-sekli kollha. Il-liġijiet ċivili li, meta jkunu ġusti, huma mibnija fuq l-istess liġi naturali u jiċħdu mill-istess liġi naturali  (Ref. S. Th. I-I, q. 95, a. 4) l-awtorità u l-qawwa kollha tagħhom, iwettqu dan id-dritt u jħarsuh bil-forża pubblika. Il-liġi divina tissiġilla dan id-dritt u twiddeb illi lanqas biss nixtiequ ħwejjeġ ħaddieħor: La tixtieqx il-mara ta’ għajrek; la tixxennaqx għal dar għajrek; għar-raba’ tiegħu, għall-gendus tiegħu, għall-ħmar tiegħu u xejn milli għandu.[1]

 

Il-libertà tal-bniedem

9. Dan id-dritt individwali jikber fil-valur jekk inħarsu lejh f’dak li għandu x’jaqsam mas-soċjetà domestika. Il-bniedem huwa ħieles li jagħżel l-istat tiegħu: huwa jista’, kif jidhirlu hu, jagħżel li jimxi wara l-kunsill evanġeliku tal-verġinità jew jintrabat biż-żwieġ. Id-dritt għaż-żwieġ huwa naturali u sa mill-bidu. L-ebda liġi ma tista’ b’xi mod tillimita l-iskop li għalih Alla tah meta qal “Nisslu u oktru”.[2] Hekk għandha l-familja, jew is-soċjetà domestika, soċjetà żgħira iżda vera li bdiet qabel is-soċjetà ċivili u loġikament b’jeddijiet u dmirijiet indipendenti mill-Istat. Dak li għidna, għalhekk, għal dak li jolqot id-dritt tal-proprjetà li għandu l-individwu japplika ruħu għall-bniedem bħala kap ta’ familja; anzi dan id-dritt huwa fih tant iżjed qawwi daqskemm hija akbar u isħaħ il-personalità tiegħu fis-soċjetà domestika.

 

Familja u Stat

10.  B’liġi invjolabbli tan-natura jmiss lill-missier li jaħseb għall-manteniment ta’ uliedu: hija n-natura stess li tqanqlu biex jara f’uliedu x-xbieha tiegħu u bħal espansjoni u kontinwazzjoni tal-persuna tiegħu. Għalhekk huwa jitqanqal biex jipprovdilhom b’mod illi fil-kors diffiċli ta’ ħajjithom huma jkunu jistgħu onestament jagħmlu tajjeb għal ħtiġiethom: ħaġa li tista’ ssir biss bl-akkwist ta’ ġid li jrodd u li hu jkun jista’ jħallihom b’wirt. Hekk, bħas-soċjetà ċivili, il-familja wkoll, kif diġa sħaqna, hija soċjetà vera mmexxija minn setgħa għaliha nfisha kif hi dik tal-missier. Fil-limiti determinati mill-iskop tagħha l-familja għandha għalhekk id-drittijiet almenu ugwali għal dawk tas-soċjetà ċivili biex tkun tista’ tagħżel u tuża’ l-mezzi meħtieġa għall-konservazzjoni tagħha u żżomm l-indipendenza leġittima li għandha. Għidna drittijiet almenu ugwali għaliex is-soċjetà domestika hija loġikament u storikament soċjetà li ġiet qabel is-soċjetà ċivili u, għalhekk, id-drittijiet u d-dmirijiet tagħha wkoll jiġu qabel u huma aktar naturali minn dawk tas-soċjetà ċivili. U jekk il-bniedem, u jekk il-familja, meta jixxierku u jissieħbu mas-soċjetà ċivili, kellhom isibu fl-Istat mhux l-għajnuna iżda x-xkiel, mhux il-ħarsien iżda t-tnaqqis tad-drittijiet tagħhom, ikun aħjar li jaħarbu minnu milli li jixxierku miegħu.

 

L-Istat u l-indħil tiegħu fil-familja

 

11.  Jiżbalja bil-kbir u jagħmel ħafna deni min irid li l-Istat jindaħal kif irid hu fis-santwarju tal-familja. Kollu minnu illi jkun sewwa li min għandu s-setgħa pubblika jidħol biex jgħin lil xi familja li tkun f’xi diffikultà u ma tkunx tista’ waħedha toħroġ minnha. Dan huwa xieraq għaliex kull familja tagħmel sehem mill-ġisem tas-soċjetà. Hekk ukoll ikollu għalfejn jidħol l-Istat biex jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu f’każ l jinqala’ l-għawġ fir-reazzjoni tal-membri ta’ xi familji ma’ xulxin. Dan ma jkunx ħtif ta’ jeddijiet taċ-ċittadini imma biss ħarsien u assikurazzjoni tagħhom skond il-ħaqq. Imma sa hawn għandu jasal l-Istat u jieqaf. Jekk imur iżjed ′l hemm minn hekk ikun qiegħed imur kontra n-natura. L-Istat ma jistax li jġib fix-xejn is-setgħa tal-missier u lanqas jixrobha. Din is-setgħa tal-kap tal-familja taf il-wild tagħha mill-istess għajn tal-ħajja tal-bniedem. L-ulied huma xi ħaġa tal-missier, bħal espansjoni, biex ngħidu hekk, tal-personalità tiegħu. Jekk irridu nitkellmu għalkollox bir-reqqa huma ma jsirux sehem mis-soċjetà ċivili minnhom infushom iżda permezz tal-familja li fiha twieldu. Huma proprju għal din ir-raġuni illi “l-ulied huma min-natura xi ħaġa tal-missier ... huma taħt il-kura tal-ġenituri tagħhom qabel ma jkollhom l-użu tar-raġuni”.[3] Meta s-Soċjalisti jwarrbu l-providenza tal-ġenituri u jqiegħdu minflokha dik ta’ l-Istat ikunu qegħdin imorru kontra l-ġustizzja naturali u jħollu r-rabta tal-familji.

 

Is-soluzzjoni soċjalistà hija ta’ ħsara lill-stess soċjetà

 

12.  Huwa għalhekk ċar ħafna illi, kieku ma kienx hekk kif qed ngħidu, mhux biss tkun qed issir inġustizzja iżda jinqala’ wkoll taħwid u tħarbit kbir taċ-ċittadini li jixħethom f’jasar iebes li ma jintħamilx. Tkun qed tinfetaħ it-triq għall-mibegħda, għall-għira, għat-tilwim. L-għejun stess ta’ l-għana jibdew jinxfu għaliex lil kulħadd tibda tonqoslu n-niggieża li jħabbel rasu u jħabrek biex jaħdem iżjed. Il-ħolma ta’ l-ugwaljanza ma tkunx fil-fatt ħlief kondizzjoni universali ta’ tagħkis u ta’ miżerja. Dawn ir-raġunijiet kollha jagħtu d-dritt li wieħed jasal biex jikkonkludi illi dak li jipproponu s-Soċjalisti, jiġifieri li kollox ikun ta’ kulħadd u ħadd ma jkollu xi ħaġa tiegħu, ma jistax ikun aċċettat għaliex jagħmel id-deni lil dawk stess li jrid jagħmlilhom il-ġid. Huwa jmur kontra l-jeddijiet naturali ta’ kull bniedem, jibdel il-funzjoni ta’ l-Istat u jħassar il-paċi komuni. Jibqa’ għalhekk żgur illi jekk wieħed irid itejjeb il-qagħda tal-klassijiet tal-ħaddiema wieħed irid iqiegħed bħala sies sod u qawwi l-jedd għall-proprjetà privata. Wara li għidna dan kollu ser nesponu issa kif nistgħu nsibu rimedju għalih.

 

 

IT-TIENI TAQSIMA

IL-VERU RIMEDJU:

L-GĦAQDA TAL-ASSOĊAZZJONIJIET

 

A)  L-Opra tal-Knisja

 

13.  Huwa b’fiduċja kbira u b’jedd sħiħ tagħna li ser nittrattaw dan is-suġġett għaliex din hija kwistjoni li ma jistax ikollha soluzzjoni li tibqa’ jekk ma nirrikorrux għar-reliġjon u għall-Knisja. U billi l-ħsieb tar-reliġjon u t-tqassim tal-mezzi li għandha fis-setgħa tagħha l-Knisja huma fdati prinċipalment lilha, naħsbu li nkunu qegħdin nonqsu minn dmirna jekk nibqgħu siekta. Ċertament, is-soluzzjoni ta’ din il-problema kbira titlob l-għajnuna u l-koperazzjoni effikaċi ta’ oħrajn ukoll, rridu ngħidu ta’ dawk li jiggvernaw, tas-sidien, ta’ l-għonja u wkoll ta’ l-istess ħaddiema li huma direttament interessati. Iżda ngħidu wkoll mingħajr tlaqliq illi fejn titwarrab il-ħidma tal-Knisja l-isforzi kollha jsiru għal xejn. Infatti l-Knisja hija dik li tieħu mill-Evanġelju t-tagħlim adattat biex issolvi l-għawġ jew għallinqas tnaqqsu. Bit-tagħlim tagħha hija jirnexxilha ddawwal l-imħuħ u tmexxi l-ħajja u d-drawwiet ta’ kulħadd. B’għadd kbir ta’ istituzzjonijiet ta’ ġid hija ttejjeb l-istess kundizzjonijiet tal-ħaddiema; hija tixtieq bil-ħerqa illi l-kunsilli u l-forzi tal-klassijiet soċjali kollha jingħaqdu u jaħdmu flimkien biex jipprovdu l-aħjar li jista’ jkun fl-interessi tal-ħaddiema. Hija temmen illi, safejn jixraq, il-liġijiet u l-awtorità ta’ l-Istat għandhom iwasslu għal dan l-iskop.

 

1 – Il-Ħtieġa ta’ inugwaljanzi soċjali u tax-xogħol iebes

14.  Inqiegħdu għalhekk qabel xejn fis-sod dan il-prinċipju: illi rridu nitqannu b’din il-kundizzjoni ta’ l-umanità: illi huwa impossibli tneħħi mid-dinja d-disparitajiet. Is-Soċjalisti dak li jfittxu jagħmlu iżda kull tentattiv kontra n-natura jsir kollu għal xejn. Għaliex fost il-bnedmin, min-natura tagħhom stess, hemm ħafna x’jagħżel wieħed mill-ieħor. Mhux kulħadd għandu intelliġenza l-istess, ħeġġa l-istess, qawwa l-istess. U minn dawn id-differenzi inevitabbli tinbet il-ħtieġa ta’ differenza fil-kundizzjoniet soċjali. Dan jaqbel kemm għal xi wħud in partikulari kemm lis-soċjetà ċivili. Għaliex il-ħajja soċjali għandha bżonn ta’ attitudijiet differenti u ta’ dmirijiet differenti. U dak li jimbotta l-iżjed lill-bnedmin biex jaqdu dawn id-dmirijiet differenti hija d-disparità ta’ l-istat tagħhom. U dwar ix-xogħol ngħidu illi l-bniedem fl-istat innifsu ta’ l-innoċenza ma baqax idu f’idu. Iżda waqt li dak li għamel f’dan l-istat ta’ innoċenza kien jagħmlu għax irid, biex jirrikrea ruħu fl-ispirtu, wara d-dnub beda jagħmlu bi ħtieġa, biex ipatti għal dnubu u mhux bla taħbit u dwejjaq, hekk kif kien qallu Alla: “Misħuta l-art minħabba fik. B’xogħol iebes tiekol minnha l-jiem kollha ta’ ħajtek. [4] Hekk ukoll in-niket m’hu ser jonqos qatt fuq l-art għaliex il-konsegwenzi mistħoqqa tad-dnub kienu ħorox, iebsin u diffiċli biex iġġarrabhom u, jrid jew ma jridx, ser jibqgħu miegħu sal-qabar. Għalhekk il-wirt tal-bniedem hu li jbati u jissaporti. Isir x’isir, m’hemm ebda forza jew sengħa li tista’ tneħħi t-tbatija mid-dinja. Dawk li jgħidu li jistgħu jagħmluh u jwiegħdu lill-poplu umli u fqir ħajja mingħajr tbatija u niket u kollha paċi u tgawdija, jilluduh u jkaxkruh minn triq li twassal għal tbatija akbar minn dik preżenti. Huwa aħjar li wieħed iħares lejn ir-realtà umana kif inhi u fl-istess ħin ifittex ir-rimedju għall-għawġ band’oħra.

 

  2 – Il-Ħtieġa ta’ qbil

15.  F’din il-kwistjoni l-akbar żball huwa li wieħed jissoponi li klassi soċjali waħda hija min-natura għadu ta’ l-oħra bħallikieku l-għonja u l-ħaddiema n-natura għamlithom biex jiġġieldu mingħajr serħan kontra xulxin. Ħaġa, din, li hi kontra r-raġuni u l-verità. Hekk kif fil-ġisem tal-bniedem kull biċċa minnu taħdem flimkien ma’ oħra u l-membri kollha tiegħu flimkien jagħmlu dik il-ħaġa waħda armonjuża li tissejjaħ simetrija, hekk in-natura riedet illi fis-soċjetà ċivili ż-żewġ klassijiet jaqblu ma’ xulxin u jwieżnu lil xulxin. Il-waħda teħtieġ b’mod assolut ′l oħra. La l-kapital ma’ jista’ jgħix mingħajr ix-xogħol u lanqas ix-xogħol ma’ jista’ jgħix mingħajr il-kapital. Il-konkordja tat-tnejn flimkien tagħmel is-sbuħija u l-ordni ta’ kollox waqt li fejn hemm il-ġlied li ma jiqafx bejniethom ma jkunx hemm ħlief konfużjoni u qilla bla rażan.

3 - Ir-Relazzjonijiet bejn il-klassijiet soċjali

a)  ġustizzja

 

16.  Biex iġib il-paċi flok il-firda, anzi biex jeqred il-firda mill-għeruq, il-Kristjaneżmu għandu fih qawwa ta’ l-għaġeb. U qabel xejn huwa t-tagħlim nisrani kollu, li l-Knisja tinterpreta u tħares, li għandu qawwa kbira biex iressaq lejn xulxin l-għani u l-ħaddiem billi jfakkar lil wieħed u lill-ieħor fid-dmirijiet li għandhom lejn xulxin, ibda minn dawk li titlob il-ġustizzja. Dmirijiet ta’ ġustizzja min-naħa tal-ħaddiema u tal-mastranzi huma: li jagħtu l-ħidma tagħhom b’mod sħiħ u b’lealtà skond il-kuntratt tax-xogħol li jkunu liberament għamlu; li ma jagħmlux ħsara fi ħwejjeġ is-sid u li ma joffenduhx; li waqt li jħarsu jeddijiethom ma jagħmlux atti ta’ vjolenza u lanqas ibiddlu ġlieda ġusta’ f’tixwix; li ma jitħalltux ma’ nies qarrieqa li jwiegħdu ħwejjeġ kbar li ma jagħtux riżultati ħlief ta’ telf kbir u ta’ għali għal xejn. Id-dmirijiet tal-kapitalisti u s-sidien huma: li ma jagħmlux mill-ħaddiema tagħhom ilsiera; li jirrispettaw id-dinjità tal-persuna umana mogħnija minn karattru nisrani. F’għajnejn ir-raġuni u l-fidi x-xogħol ma jċekkinx lill-bniedem, anzi jgħollih u jqiegħdu f’qagħda li jkun jista’ jgħix onestament b’ħidmietu. Dak li tassew ma jixraqx lill-bniedem huwa li tabbuża minnu qisu xi oġġett li tista’ tisfruttah biex taqla’ minn fuqu jew li tistmah daqskemm ikunu jiswew in-nervituri u s-saħħa ta’ ġismu. Daqshekk ieħor huwa dmir tas-sidien li jqisu r-reliġjon u l-ġid tar-ruħ u d-dmirijiet reliġjużi tiegħu. Huwa għalhekk obbligu tagħhom li jagħtu lill-ħaddiema żmien u opportunitajiet biex jaqdu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom, li ma jesponuhomx għat-tentazzjonijiet tal-korruzzjoni jew għall-perikli ta’ l-iskandlu; ma jbegħduhomx mill-ispirtu tal-familja u mill-ġibda tajba għat-tfaddil; li ma jimponux xogħol sproporzjonat għal saħħithom jew li ma jaqbilx ma’ l-età u mas-sess.

 

17.  Dmir ewlieni tagħhom imbagħad huwa li jagħtu lill-ħaddiema ħlas xieraq. Dan il-ħlas tasal għalih wara li tqis ħafna konsiderazzjonijiet. Iżda f’linja ġenerali l-kapitalisti u s-sidien iridu jiftakru li la l-liġijiet ta’ Alla u lanqas il-liġijiet tal-bnedmin ma jippermettu li wieħed ijassar għall-qligħ lin-nies fil-bżonn u ′l magħkusin u li taqla’ fuq il-miżerja tal-proxxmu. Li tisraq lill-ħaddiem mill-ħlas li ħaqqu huwa mbagħad ħtija tant kbira li tgħajjat vendetta quddiem Alla. “Ara, il-ħlas tal-ħaddiem ... li int żammejthulu bil-qerq qiegħed igħajjat, u l-għajat wasal f’widnejn il-Mulej ta’ eżerċiti. [5] U, fl-aħħar, huwa dmir ta’ l-għonja li ma jagħmlux ħsara lill-ftit tfaddil illi jista’ jagħmel il-ħaddiem, la bil-vjolenza, la bil-qerq, la b’użuri fil-moħbi jew fid-deher. Dan id-dmir huwa akbar meta jkun iżjed dgħajjef il-ħaddiem u jkun inqas imħares u, għalhekk, meta ħwejġu jkunu aktar ta’ min jibża’ għalihom.  L-osservanza ta’ dawn l-obbligi m’hijiex waħedha biżżejjed biex tneħħi għalkollox il-kawżi tal-konflitti u ttaffi l-ħruxija tagħhom?

 

b)  karità

18.  Tista’ tkun. Iżda l-Knisja, mmexxija mit-tagħlim u l-eżempju ta’ Kristu, timmira iżjed ′l fuq, timmira, jiġifieri, li safejn tista’, tqarrab lejn xulxin iż-żwieġ klassijiet u tħabbibhom. Ma jistax ikun li wieħed jifhem il-ħwejjeġ taż-żmien ta’ din il-ħajja u jiżinhom jekk ir-ruħ ma togħliex biex taħseb f’ħajja oħra, dik li la kellha bidu u lanqas ser ikollha tmiem. Mingħajr din il-ħajja eterna kull tagħrif fuq il-ġid morali jispiċċa u l-ħolqien kollu jisfa’ misteru inspjegabbli. Għalhekk dak illi n-natura nfisha tiddettalna fil-Kristjaneżmu huwa domma li fuqu jistrieħ bħal fuq sies ewlieni l-bini kollu tar-reliġjon, jiġifieri li l-ħajja tassew tal-bniedem hija dik li għad trid tiġi. Alla ma ħalaqniex għal dan il-ġid fraġli li jgħaddi iżda għall-ġid tas-sema u etern. U l-art Alla tahielna bħala post ta’ eżilju u mhux bħala art twelidna. Li jkollok ħafna għana u ħafna ġid ieħor ta’ l-art jew li ma jkollokx, dan m’għandu ebda importanza għall-hena ta’ dejjem. Dak li għandu l-akbar importanza huwa jekk tagħmilx użu tajjeb jew ħażin minn dan il-ġid. It-tbatija u l-inkwiet li bihom tintiseġ il-ħajja ta’ din l-art, Ġesù Kristu, li fdiena b’fidwa bil-kotra, ma neħħihomx iżda bidilhom fi ħwejjeġ li jħeġġuna għall-virtù u jiksbulna l-mertu. Tant hu hekk li l-ebda wild ta’ Adam ma jista’ jikseb is-sema jekk ma jimxix fuq il-passi mdemmija tiegħu. Jekk inbatu miegħu, nsaltnu miegħu ukoll.[6] Ġesù Kristu, meta tgħabba għax ried hu bit-tbatija u bil-hemm, taffa b’mod ta’ l-għaġeb il-qrusa tas-sofferenza u mhux bl-eżempju tiegħu biss. Huwa ħaffef it-tbatija bil-grazzja tiegħu ukoll u bit-tama tal-premju mwiegħed: “id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem.[7] Dawk għalhekk li f’dan is-seklu xortihom għenithom huma mwissija illi l-għana ma jeħlisx min-niket u mhux talli ma jgħinx għall-hena li għad iseħħ iżda wkoll ifixklu;[8] illi l-għonja għandhom għalfejn jitriegħdu meta jiftakru fit-theddid straordinarjament aħrax li jagħmel Ġesù Kristu,[9] li għad jasal il-jum meta jkunu jridu jagħtu kont bl-akbar reqqa tal-ġid li għandhom quddiem Alla mħallef.

 

c) L-utilità vera tal-għana

19.  Għal dak li jolqot l-użu ta’ l-għana hija mportanti ħafna u mill-aħjar id-duttrina li l-filosofija kien diġà kellha xi ħjiel tagħha iżda li l-Knisja għallmitha b’perfezzjoni, id-duttrina li ma tistax tibqa’ biss ħsieb iżda trid titħaddem ukoll fil-prattika u tissawwar mal-ħajja. Il-fundament ta’ din id-duttrina qiegħed fid-distinzjoni li tagħmel bejn il-pussess leġittimu tal-ġid u l-użu leġittimu tiegħu. Il-proprjetà privata tal-ġid hija, kif rajna, dritt naturali tal-bniedem; l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa, l-aktar fil-ħajja tas-soċjetà, mhux biss leċitu iżda wkoll neċessarju. Huwa leċitu, anzi neċessarju, jgħid San Tumas, għall-ħajja umana li l-bniedem ikollu l-proprjetà tal-ġid.[10] Imma jekk wieħed jistaqsu liema għandu jkun l-użu ta’ dan il-ġid, il-Knisja, b’fomm id-Duttur qaddis, m’għandha ebda dubbju biex twieġeb illi, dwar dan, il-bniedem m’għandux ikollu l-ġid estern bħala tiegħu iżda bħala ġid komuni li huwa jaqsam faċilment ma’ l-oħrajn meta jkunu fil-bżonn. Għalhekk l-Appostlu jgħid: Amar lill-għonja ta’ din id-dinja li jagħtu bil-qalb u jiftħu idejhom.[11] Ħadd żgur m’hu obbligat igħin lill-oħrajn b’dak li hu meħtieġ għalih u għall-familja tiegħu, anzi lanqas b’dak li li jiħtieġlu biex iżomm ruħu talli hu, għaliex ħadd m’għandu jgħix b’mod li ma jixraqlux.[12] Iżda meta wieħed ikun ħaseb għal dak li hu meħtieġ u għal dak li hu konvenjenti, jkun fid-dmir illi jgħin lil min hu fil-bżonn b’dak li jibqagħlu. Agħti karità minn dak li hemm ġewwa u li jibqa’.[13] Huwa minnu li, barra mill-każ ta’ neċessità strema, dawn id-dmirijiet m’humiex dmirijiet ta’ ġustizzja iżda ta’ karità nisranija. L-osservanza ta’ dan id-dmir ma tistax tintalab b’mod ġuridiku. Iżda ′l fuq mill-liġijiet u l-ġudizzju tal-bnedmin hemm il-liġi u l-ġudizzju ta’ Kristu li jisħaq b’ħafna modi fuq il-ħtieġa li wieħed jagħti b’ġenerożità. Huwa jgħallem illi “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu[14] illi “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu għamiltuh miegħi”.[15] Biex niġbru kollox: kull min Alla fil-Providenza tiegħu tah kotra akbar ta’ ġid kemm estern u korporali kemm spiritwali, dan tahulu biex ikun jista’ jinqeda bih għall-perfezzjoni tiegħu nnifsu u fl-istess ħin biex ikun qaddej tal-Providenza divina għall-vantaġġ ta’ l-oħrajn: min għandu, għalhekk, l-intelliġenza jqis li ma jiskotx; min għandu bix-xaba’ jqis li ma jixxaħħaħx meta jiġi biex jagħmel ħniena; min għandu xi sengħa biex igħix iqis li jaqsam mal-proxxmu tiegħu l-użu u l-utilità tagħha.[16]

 

d)  benefiċċji tal-faqar

20.  Lill-fqar, mbagħad, il-Knisja tgħallem illi la l-faqar u lanqas il-bżonn li jkollok bilfors tgħix mix-xogħol ma jħammar wiċċ ħadd bil-mistħija. Ġesù Kristu wettaq din il-verità bl-eżempju tiegħu. Hu li kien għani ftaqar;[17] hu li kien l-iben ta’ Alla u Hu nnifsu Alla ried li jidher bħala bin il-mastrudaxxa; anzi ma stmerrx jgħaddi l-biċċa kbira ta’ ħajtu jaħdem: Dan m’huwiex il-mastrudaxxa, bin Marija?[18] Waqt li aħna nammiraw id-divinità ta’ dan l-eżempju aħna nifhmu faċilment illi d-dinjità vera u l-kobor tal-bniedem huma kollha kemm huma morali, jiġifieri mibnija fuq il-virtù; li l-virtù hija wirt komuni, tista’ tinkiseb min-nies kbar u miż-żgħar, mill-għonja u mill-ħaddiema; illi l-opri tajba biss, jagħmilhom min jagħmilhom, jiksbu l-premju ta’ l-hena ta’ dejjem. Ngħidu iżjed: Alla jidher li għandu mħabba speċjali għall-imnikktin għaliex Ġesù Kristu jsejjaħ lill-fqar hienja;[19] jistieden b’imħabba lil dawk kollha li huma magħfusin mill-piż tat-tbatija biex imorru għandu u jfarraġhom;[20] huwa jħaddan lid-dgħajfin u l-ippersegwitati b’karità speċjali ħafna. Dawn il-veritajiet huma effikaċi ħafna biex ibaxxu s-suppervja ta’ dawk li xortihom tajba u jispirawlhom il-ġenerożità; ineħħu l-umiljazzjoni ta’ dawk li jgħixu fil-miżerja u jispirawlhom il-modestja. B’hekk id-distanzi li ġġib is-suppervja jiqsaru u ma jkunx diffiċli iżjed li ż-żewġ klassijiet jieħdu b’id xulxin u jaslu għal ftehim ta’ ħbieb.

 

e)  Fraternità Kristjana

21.  Iżda huma jkunu jridu jobdu liġi evanġelika oħra u għalhekk ma jistgħux ikunu sodisfatti b’sempliċi ħbiberija. Huma jkunu jridu jagħtu lil xulxin it-tħaddina ta’ l-imħabba ta’ l-aħwa. Dan ikunu lesti jagħmluh għaliex huma jsiru jifhmu u jħossu li l-bnedmin kollha ġejjin minn Alla li hu l-Missier ta’ kulħadd; li l-bnedmin għandhom lkoll lil Alla bħala skop aħħari tagħhom u Hu biss jista’ jhenni bis-sħiħ u jhenni għalkollox kemm lill-bnedmin kemm lill-anġli; li l-bnedmin kollha huma mifdijin minn Ġesù Kristu u msejjħin biex ikunu wlied Alla b’mod illi mhux biss bejniethom iżda wkoll flimkien ma’ Ġesù Kristu, l-ewlieni fost l-aħwa, huma marbutin b’rabta ta’ fraternità qaddisa. Għalhekk il-klassijiet kollha jsiru jifhmu li l-ġid tan-natura u tal-grazzja huma wirt komuni tal-ġens tal-bnedmin u li ħadd minnhom, għajr dawk li ma jkunx jistħoqqilhom, ma hu mċaħħad mill-wirt tal-ġid tas-sema għaliex jekk kollha huma wlied kollha huma werrieta ta’ Alla u sħab fil-wirt ma’ Ġesù Kristu.[21]  Dan hu l-ideal tal-jeddijiet u tad-dmirijiet li hemm fl-Evanġelju. M’huwiex tassew minnu illi kieku l-Evanġelju kellu jsaltan fid-dinja l-għawġ kollu jispiċċa malajr u d-dinja kollha jkollha l-paċi?

4 – Mezzi pożittivi

 

a)  it-tixrid tad-duttrina Kristjana

22.  Iżda l-Knisja ma tikkuntentax ruħha bili tindika biss r-rimedju: hija nfisha tapplikah ukoll b’id ta’ omm li hi. Hija tagħti ruħha b’ħerqa biex teduka ′l bnedmin u tiffurmahom f’dawn il-prinċipji, u tfittex li l-ilmijiet ħajja ta’ tagħlimha jinfirxu kotrana kullimkien u, permezz ta’ l-isqfijiet u tal-kleru, jaslu biex isaqqu l-art kollha. Fl-istess ħin hija tfittex ukoll li tidħol fir-ruħ tal-bnedmin u tqanqal redithom biex iħallu r-rieda ta’ Alla tmexxihom. F’din il-ħaġa, li hi mportanti ħafna u li minnha jiddependi kull vantaġġ li jista’ jkun hemm, hija l-azzjoni tal-Knisja biss li tista’ tkun effikaċi. Għaliex hija tinqeda b’mezzi li tahomlha għal dan l-iskop Ġesù Kristu stess u li għandhom fihom il-qawwa ta’ Alla b’mod li huma biss jistgħu jippenetraw fl-istess fibri tal-qlub u jqanqlu ′l bnedmin biex jobdu għall-leħen tad-dmir, irażżnu l-passjonijiet, iħobbu ′l Alla u ′l għajrhom fl-ogħla tifsira ta’ l-imħabba singolari mnissla fihom u jegħlbu b’kuraġġ kull tfixkil li jxekkel it-triq tat-tjieba.

b)  it-tiġdid tas-soċjetà

Biżżejjed fuq hekk insemmu ftit l-eżempji ta’ l-imgħoddi. Niftakru f’fatti u ħwejjeġ li fuqhom m’hemm l-ebda dubbju, jiġifieri fatti u ħwejjeġ li, bil-ħidma tal-Kristjaneżmu, biddlu minn fuq s’isfel is-soċjetà; bidla, din, li kienet tassew progress għall-ġens tal-bnedmin. Anzi kienet qawmien mill-mewt għall-ħajja morali u perfezzjonament li qatt ma kien deher bħalu fiż-żmien ta’ qabel u lanqas hemm tama li jkun hemm ieħor li jisbqu għalli ġej. Bidla li, fl-aħħar mill-aħħar, fissret li Ġesù Kristu hu l-bidu u t-tmiem ta’ dan il-ġid fejjiedi li ġej minnu u jerġa’ għal għandu. Wara li bid-dawl ta’ l-Evanġelju id-dinja għarfet il-misteru tal-Verb magħmul bniedem u tal-fidwa tal-bnedmin, il-ħajja ta’ Ġesù Kristu, Alla u bniedem, daħlet fid-demm tas-soċjetà ċivili u, bil-fidi, bit-tagħlim u l-liġijiet tiegħu, twaħħdet magħha. Għalhekk, jekk hemm xi rimedju għall-għawġ tad-dinja, dan ir-rimedju ma jista’ jkun ħlief dak li d-dinja terġa’ lura għall-ħajja u d-drawwiet insara. Huwa prinċipju solenni illi biex tifforma soċjetà li qed tiġġarraf trid treġġagħha lura għall-prinċipji li tawha l-eżistenza u l-ħajja. Il-perfezzjoni ta’ kull soċjetà qiegħda fil-qawwa li tqanqalha lejn l-iskop tagħha hekk kif dak li jagħti bidu għall-ħajja u l-ħidma soċjali huwa dak stess li jagħti bidu lis-soċjetà nfisha. Li titbiegħed mill-ewwel skop huwa, għalhekk, korruzzjoni; li terġa’ lura għalih huwa salvazzjoni. U dan hu minnu mhux biss għas-soċjetà ċivili kollha iżda ukoll għall-klassi tal-ħaddiema li hi l-biċċa kbira tagħha.

c) Il-karità tal-Knisja

23. Ħadd m’għandu jaħseb illi l-Knisja tfittex biss is-saħħa tar-ruħ u tħalli fil-ġenb dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja ta’ l-art u li tgħaddi. Hija trid u tfittex illi, l-aktar, il-ħaddiema jeħilsu mill-istat infeliċi li huma fih u jtejjbu l-kundizzjonijiet tagħhom. U dan qabel xejn hi tagħmlu indirettament billi ssejjaħ il-bnedmin għat-tjubija u trawwimhom fiha. Id-drawwiet insara, meta jkunu u jibqgħu tali, jikkontribwixxu minnhom infushom għall-istess prosperità ta’ ħajja fuq din l-art; huma jiġbdu l-Barka ta’ Alla, prinċipju u għajn ta’ kull ġid; irażżnu r-regħba u l-għatx tal-pjaċiri, saħtiet tassew li jfaqqru l-bniedem f’nofs ix-xaba’ nnifsu minn kull ħaġa.[22] Id-drawwiet insara jxebbgħu l-ħajja bla ħela, ipattu għan-nuqqas ta’ flus bit-tifdil, ibiegħdu mill-vizzji li mhux biss jirvinaw il-ġid u l-patrimonji żgħar iżda wkoll il-kbar.

24. Imma l-Knisja tagħmel iżjed minn hekk. Il-Knisja tikkonkorri direttament għall-ġid tal-ħaddiema billi toħloq u ġġib ′l quddiem dak kollu li jista’ jtejjeb il-qagħda tagħhom. U f’dan hija tant ħadmet u rnexxiet illi ġibdet l-ammirazzjoni u t-tifħir ta’ l-istess għedewwa tagħha. F’qalb l-ewwel insara l-imħabba u l-karità ta’ l-aħwa kienu daqshekk qawwija illi l-aktar għonja kienu spiss ħafna jinżgħu minn dak li kellhom biex jgħinu lill-oħrajn; b’hekk ħadd ma kien nieqes fosthom.[23] Lid-djakni, ordni istitwit espressament għalhekk, l-Appostli fdawlhom l-uffiċċju ta’ l-eżerċizzju tal-benefiċenza ta’ kuljum. U San Pawl Appostlu, għalkemm mgħobbi bil-ħsieb tal-knejjes kollha, ma kienx jaħsibha darbtejn li jagħmel vjaġġi tqal biex iwassal b’idejh stess lill-insara fqar l-offerti miġbura minnu. U Tertulljanu jsejjaħ dawn l-offerti depożiti tal-ħniena li l-fidili kienu jagħmlu minn rajhom f’kull laqgħa li kien ikollhom. Kien isejjħilhom hekk għaliex kienu offerti intiżi biex jgħinu għad-difna tal-fqar, l-orfni fqar, kemm subien u kemm bniet, ix-xjuħ u dawk li kienu raw l-għarqa.[24] U minn dawn l-offerti nbena patrimonju tan-nies fqar li b’hekk inħelsu anki mill-mistħija li jkollhom jittalbu għall-għajnuna. Il-Knisja, tabilħaqq, Omm komuni tal-fqar u ta’ l-għonja, ispirat u qanqlet l-eroiżmu tal-karità u ħolqot xirkiet reliġjużi u istituti oħra ta’ ġid li ma ħallew kważi ebda għamla ta’ miżerja mingħajr għajnuna u faraġ. Ħafna lum, bħalma għamlu darba l-ġentili, imaqdru l-Knisja għal din il-karità kbira wkoll. U ħasbu li jkun aħjar li tagħmel minflokha l-benefiċenza pubblika. Iżda ma hemm ebda ħidma tal-bniedem li tista’ tixxupplixxi għall-karità nisranija li tagħti ruħha għall-ġid ta’ l-oħrajn. U l-karità ma tistax tkun ħlief virtù tal-Knisja għaliex hija virtù li toħroġ mill-qalb l-iżjed qaddisa ta’ Ġesù Kristu. U jkun qed jitbiegħed minn Ġesù Kristu min jitbiegħed mill-Knisja.

 

B) Il-ħidma tal-Istat

25. Min-naħa l-oħra ma hemmx dubju li għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tax-xogħol jenħtieġu wkoll il-mezzi umani. Dawk kollha li huma interessati fiha, kull wieħed kif imissu, għandhom jagħmlu l-parti tagħhom. Dan fuq l-eżempju ta’ dak l-ordni providenzjali li jiggverna d-dinja. Kulħadd jinduna li kull riżultat tajjeb ġej mill-kooperazzjoni armonjuża tal-kawżi kollha li minnhom dak ir-riżultat jiddependi. Naraw għalhekk liema għandu jkun is-sehem ta’ l-Istat. Aħna nitkellmu dwar l-Istat mhux hekk kif huwa mibni jew kif qed jiffunzjona f’din jew f’dik in-nazzjon, iżda dwar l-Istat fil-kunċett veru tiegħu, hekk kif wieħed jista’ jaħsbu skond il-prinċipji tar-raġuni meta taħdem sewwa, f’armonija perfetta mat-tagħlim kattoliku, kif aħna stess urejnieh fl-Enċiklika dwar il-bini nisrani ta’ l-Istati (Enċ. Immortale Dei).

1 – Id-dritt ta’ intervent tal-Istat

26. Dawk li jiggvernaw iridu għalhekk, qabel xejn, jagħtu sehemhom b’mod ġenerali permezz tal-liġijiet u ta’ l-istituzzjonijiet politiċi fil-kumpless kollu tagħhom u billi jmexxu u jamministraw l-Istat hekk illi mit-tmexxija u l-amministrazzjoni tagħhom isseħħ b’mod naturali l-prosperità privata u pubblika. Dan hu tabilħaqq id-dmir ta’ kull min irid imexxi bil-għaqal is-soċjetà ċivili u ta’ dawk li jmexxu l-popli. Il-prosperità tan-nazzjonijiet isseħħ l-iżjed mid-drawwiet tajba, mill-istabbilità u l-għaqal tal-familja, mill-osservanza tar-reliġjon u tal-ġustizzja, mit-tqassim tajjeb tal-piżijiet pubbliċi u mill-impożizzjoni moderata tagħhom, mill-progress tal-industriji u tal-kummerċ, mill-izvilupp kotran ta’ l-agrikoltura u minn għadd ta’ ħwejjeġ oħra bħal dawn li aktar ma jimxu ‘l quddiem aktar jagħmlu ′l-popli hienja. Ukoll kieku kellu jgħaddi biss minn din it-triq, l-Istat ikun jista’ jagħmel ħafna ġid kemm lill-ħaddiema kemm lill-klassijiet l-oħra. U dan ikun qed jagħmlu b’jedd sħiħ tiegħu u mingħajr ma jqajjem suspetti li qed jindaħal iżżejjed. Għaliex huwa sewwasew fid-dmir u l-kompetenza ta’ l-Istat li jipprovdi għall-ġid komuni. U aktar ma jkunu l-vantaġġi li jiġu mill-ħsieb ta’ l-Istat għall-ġid ta’ kulħadd u akbar ma jkun l-għadd ta’ dawn il-vantaġġi, daqstant ieħor ikun inqas meħtieġ li jitfittxu triqat oħra għall-għajnuna tal-ħaddiema.

 

a)  ġħal ġid komuni 

 

27. Iżda hemm ħaġ’oħra x’wieħed iqis u li tmiss mill-qrib il-kwistjoni tal-ħaddiema, dik jiġifieri illi l-Istat huwa unità armonjuża li tħaddan l-istess kemm il-klassijiet l-għonja u kemm iż-żgħar. Il-ħaddiema, xejn iżjed u xejn inqas mill-għonja, huma ċittadini bi dritt naturali, membri tassew u ħajja li jagħmlu, permezz tal-familji, il-ġisem soċjali; biex ma ngħidux ukoll li huma l-membri fl-akbar għadd tiegħu. Issa, billi huwa assurd li tipprovdi għal parti waħda taċ-ċittadini u tittraskura l-oħra, huwa dmir strett ta’ l-Istat li jieħu ħsieb kif imiss tal-ġid tal-ħaddiema. Jekk dan ma jagħmlux ikun qiegħed jonqos mill-ġustizzja li titlob lil kulħadd jieħu li ħaqqu. Għalhekk San Tumas iwissi bl-għerf kollu: kif is-sehem u l-ħaġa sħiħa jagħmlu tista’ tgħid ħaġa waħda, hekk dak li hu tal-ħaġa sħiħa huwa tista’ tgħid tas-sehem kollu.[25]

 Għalhekk fost il-ħafna dmirijiet kbar tal-mexxejja tal-gvern li huma ħerqana li jagħmlu l-ġid pubbliku, fl-ewwel post hemm dak li huma għandhom jaħsbu f’kull ordni ta’ ċittadini u li josservaw b’imparzjalità invjolabbli l-ġustizzja distributtiva.

b)  ġħal ġid tal-ħaddiema

Għalkemm iċ-ċittadini għandhom kollha, mingħajr eċċessjoni, jikkooperaw għal ġid komuni li mbagħad, naturalment, jerġa’ lura f’ġid lil kull wieħed minnhom, b’danakollu l-kooperazzjoni ma tista’ qatt tkun la ugwali u lanqas l-istess. Jitbiddlu kemm jitbiddlu l-għamliet ta’gvern, jibqa’ dejjem x’jagħżel nies minn oħra. Mingħajr id-differenzi ma jistax ikun hemm xirka tal-bnedmin u lanqas tista’ tikkonċepiha. Irid ikun hemm dejjem ministri pubbliċi, leġislaturi, mħallfin, fi ftit kliem bnedmin tali li jmexxu n-nazzjon fil-paċi u jħarsuha fil-gwerra. Ma jistgħux in-nies tas-snajja’ jikkooperaw għall-ġid komuni bl-istess mod u bl-istess dmirijiet; b’danakollu huma wkoll jagħtu sehemhom bis-servizzi siewja tagħhom. Ċertament, il-ġid soċjali jsir l-iżjed bl-osservanza tat-tjieba u tal-virtù għaliex dan il-ġid iseħħ tassew meta jilħaq il-perfezzjonament taċ-ċittadini in kwantu huma bnedmin. B’danakollu, f’kull soċjetà li hi ordinata u mqassma tajjeb il-ġid korporali għandu jkun biżżejjed kotran. L-użu ta’ dan il-ġid temporali huwa meħtieġ għall-istess għemejjel tajba.[26] Issa, il-ħidma u s-sengħa tal-ħaddiema huma għalkollox meħtieġa u effikaċi biex jagħtuna dan il-ġid korporali kemm jekk din il-ħidma u din is-sengħa japplikaw ruħhom fl-agrikoltura kemm jekk jitħaddmu fil-ħwienet tax-xogħol u fil-fabbriki. Tant huma mportanti illi nistgħu ngħidu bil-verità kollha illi x-xogħol tal-ħaddiem huwa dak li jikkostitwixxi r-rikkezza nazzjonali. Huwa għalhekk ġust ili l-gvern jinteressa ruħu mill-bniedem tax-xogħol u jagħmel b’mod illi l-ħaddiem ikollu s-sehem li jixraqju mill-għana li hu stess, il-ħaddiem, jipproduċi u illi jkollu għalhekk ikel, lbies u għamla ta’ ħajja u għajxien aħjar. Isir għalhekk il-possibbli kollu biex jittejjbu l-kondizzjonijiet tal-ħaddiem. U dan għandu jsir fiċ-ċertezza li dan it-titjib mhux talli ma jagħmel deni lil ħadd iżda wkoll jagħmel il-ġid lil kulħadd. Huwa tabilħaqq interess komuni li ma jibqgħux fil-miżerja dawk li bis-saħħa tagħhom jiġu vantaġġi tant kbar lil kulħadd.

 

2 – Normi u limiti tad-dritt għal intervent 

28.  M’huwiex sewwa, kif għidna, illi l-Istat jibla’ liċ-ċittadin u ′l-familja. Huwa sewwa, għall-kuntrarju, illi kemm iċ-ċittadin kemm il-familja jitħallew jaħdmu, kemm jista’ jkun, b’mod indipendenti, dejjem fir-rispett tal-ġid komuni u tad-drittijiet ta’ l-oħrajn. B’danakollu dawk li jiggvernaw huma fid-dmir li jħarsu s-soċjetà u kull parti minnha. Għandhom iħarsu s-soċjetà għaliex il-ħarsien tagħha ngħata min-natura lill-ogħla setgħa u ngħatalha b’tali mod illi l-ġid pubbliku huwa għaliha mhux biss l-ogħla liġi iżda wkoll ir-raġuni ta’ l-eżistenza ta’ l-awtorità pubblika. Huma għandhom iħarsu kull parti mis-soċjetà għaliex, kif fuq hekk jaqblu l-filosofija u l-Evanġelju, is-setgħa tal-gvern ma ngħatatx għall-vantaġġ tagħhom li jiggvernaw iżda għall-vantaġġ ta’ dawk li fuqhom huma jiggvernaw. U billi l-poter politiku ġej minn Alla u hu bħal parteċipazzjoni tas-sovranità divina, dan il-poter irid ikun amministrat hekk kif hija eżerċitata s-sovranità ta’ Alla illi jipprovdi bħala Missier mhux biss għall-univers iżda wkoll b’inqas għall-kreaturi partikolari tiegħu. Għalhekk kull fejn u kull meta ssir jew tithedded xi ħsara li ma tistax b’xi mod tirripara ruħha jew tkun evitata, l-intervent ikun neċessarju.

29. Huwa fl-interess tal-ġid pubbliku u privat illi jitħarsu l-ordni u l-kwiet pubbliku: illi l-familja tkun ordinata skond il-liġi ta’ Alla u l-prinċipji naturali illi tkun rispettata u mħarsa r-reliġjon; illi l-ħajja morali pubblika u privata titkattar; illi titħares għalkollox il-ġustizzja; illi klassi ta’ ċittadini ma tjassarx oħra; illi ċ-ċittadini jitilgħu qawwija u sħaħ u dejjem imħejjija biex iġibu ′l quddiem u, fejn jenħtieġ, jiddefendu art twelidhom. Għalhekk, jekk minħabba xi rewwixta jew minħabba xi strajk tal-ħaddiema jkun hemm il-biża’ ta’ diżordni pubbliku; jekk fost il-ħaddiema jixxekklu sostanzjalment ir-relazzjonijiet tal-familja, jekk ir-reliġjon ma tkunx rispettata fil-ħaddiem għaliex jiċċaħħadlu ż-żmien li jkun biżżejjed biex jaqdi d-dmirijiet reliġjużi tiegħu; jekk minħabba t-taħlit tas-sessi tiġġarraf l-integrità morali fil-fabbriki u l-ħwienet tax-xogħol; jekk is-sidien ijassru l-personalità tal-ħaddiem b’piżijiet inġusti jew jumiljaw b’kuntratti tax-xogħol li jmorru kontra d-dinjità tagħhom; jekk b’xogħol żejjed jew li ma jaqbilx mas-sess u l-età issir ħsara lis-saħħa tal-ħaddiema; f’dawn il-każi kollha jkun meħtieġ, fil-limiti ġusti, li tintuża l-qawwa u l-awtorità tal-liġijiet. Il-limiti ġusti huma determinati mill-istess kawża li tkun talbet l-intervent ta’ l-Istat. Dan ifisser li l-liġijiet m’għandhomx imorru ′l hemm minn dak li jitlob ir-rimedju tal-problema jew li tesiġi t-tneħħija tal-periklu li jkun hemm.  Il-jeddijiet għandhom jitħarsu kif jixraq f’dawk kollha li jkollhom dawn id-drittijiet u s-setgħa pubblika għandha tiżgura ili kulħadd jieħu dak li ħaqqu billi ma tħallix lil min jiksirhom jew billi tiggastigah meta jonqos minnhom. Għalhekk meta jitħarsu r-raġunijiet ta’ l-individwi privati jenħtieġ li jittieħed ħsieb speċjali tad-dgħajjef u tal-fqir. Il-klassi ta’ l-għonja, qawwija fiha nfisha, tenħtieġ inqas id-difiża tas-setgħa pubblika; il-poplu li jgħix fil-faqar, li m’għandux fuqiex idur, għandu bżonn li jsib l-għajnuna l-iżjed fil-ħarsien ta’ l-Istat. L-Istat għandu jaħseb fil-ħaddiema qabel kulħadd biex jgħinhom u jipprovdilhom għaliex huma jingħaddu ma’ dawk li huma l-iżjed dgħajfa u fil-ħtieġa ta’ għajnuna.

3 – Każijiet partikolari ta’ intervent

a)  difiża tal-propjetà privata

30. Hawn, iżda, jaqbel li nsemmu ċerti dettalji ta’ importanza akbar. U l-aktar importanti huma dawn: illi huwa dmir ta’ dawk li jiggvernaw illi jiżguraw b’liġijiet għaqlija l-proprjetà privata. Illum speċjalment, quddiem ir-regħba li qed tinfirex bla rażan, jeħtieġ li n-nies tat-triq u bla tagħlim jitrażżnu kif imiss. Għaliex jekk hu veru li l-ġustizzja titlob li jittejbu l-kondizzjonijiet tagħhom, min-naħa l-oħra la l-ħaqq u lanqas l-ġid komuni ma jippermettu li ssir ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor jew li, ma nafx taħt liema lewn ta’ ugwaljanza, wieħed ikun jista’ jitfa’ idejh fuq ħwejjeġ l-oħrajn. Ċertament, il-kotra tal-ħaddiema jixtiequ jtejbu l-kondizzjoni tagħhom bla ma jonqsu lil ħadd; b’danakollu mhux ftit minnhom huma imbevuti minn prinċipji foloz u moħħhom fi ħwejjeġ ġodda li jfittxu jqajmu l-irvellijiet u jsaħħnu lil sħabhom għall-vjolenza. Hawn, għalhekk, għandha tindaħal l-awtorità ta’ l-istat biex trażżan ix-xewwiexa, tħares il-ħaddiema tajbin mill-periklu ta’ l-għawġ u tħares ukoll is-sidien leġittimi mill-periklu li jitmissulhom ħwejjiġhom.

 

b)  difiża tax-xogħol

1)  kontra l-istrajk

31. Ix-xogħol twil u tqil u l-paga meqjusa baxxa u mhux skond il-ħaqq jagħtu spiss lill-ħaddiema raġuni biex jagħmlu strajk. Jeħtieġ li l-istat isib rimedju għal dan l-għawġ għaliex dawn l-istrajkijiet mhux biss jagħmlu ħsara lis-sidien u lill-ħaddiema nfishom iżda wkoll lill-kummerċ u lill-interessi komuni. Minħabba l-vjolenza u d-dimostrazzjonijiet qawwija li jġibu l-istrajkijiet dawn iġibu magħhom ir-riskju li jispiċċa l-ordni pubbliku u l-kwiet. Ir-rimedju aktar effikaċi u li jagħmel il-ġid huwa li wieħed ifittex jilqa’ għall-għawġ bl-awtorità tal-liġijiet u ma tħallihx ifaqqa’ billi tneħħi f’ħinhom il-kawżi li minnhom wieħed jista’ jaħseb li ser iqum l-inkwiet bejn il-ħaddiema u s-sidien.

2)  kundizzjonijiet tax-xogħol

32. Lill-ħaddiema l-Istat għandu jħarsilhom ukoll ħafna ħwejjeġ, u qabel xejn il-ħwejjeġ tar-ruħ. Il-ħajja fuq l-art, għalkemm tajba u ta’ min jixtieqha, m’hijiex l-iskop li għalih aħna nħlaqna iżda hija biss triq u mezz biex tipperfezzjona l-ħajja ta’ l-ispirtu bl-għarfien tal-verità u l-prattika tat-tajjeb. L-ispirtu huwa dak li għandu minqux fih ix-xbieha u x-xebħ ta’ Alla u li fih tgħammar dik is-superjorità li biha Alla amar lil-bniedem li jaħkem fuq il-kreaturi l-oħra inferjuri għalih u li juża għalih innifsu l-art kollha u l-ibħra. Imlew l-art u aħkmuha: saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta’ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.[27] F’dan il-bnedmin huma kollha xorta u m’hemm ebda differenza bejn għonja u fqar, sidien u qaddejja, slaten u sudditi; għaliex sid wieħed hemm fuq kulħadd.[28] Ħadd ma jista’ jċekken id-dinjità tal-bniedem mingħajr kastig. Alla biss jiddisponi mill-bniedem b’qima kbira. U ħadd ma jista’ jxekkel lill-bniedem fi triqtu lejn il-perfezzjoni li twasslu għall-ħajja ta’ dejjem. Anzi lanqas il-bniedem stess ma jista’ jagħżel li jiċħad għall-trattament li jixraq lid-dinjità umana u jaċċetta l-jasar ta’ l-ispirtu; għaliex hawn ma hijiex biss kwistjoni ta’ jeddijiet li wieħed jista’ jeżerċitahom jew le iżda hija kwistjoni ta’ dmirijiet lejn Alla għalkollox invjolabbli. Minn hawn toħroġ il-ħtieġa tas-serħan tal-Ħdud u l-festi. B’serħan ma nifhmux ngħidu illi wieħed jitgħażżen iżjed fit-tul jew le, jew, li hu agħar, li bħalma jixtiequ ħafna, wieħed joqgħod iħares u ma jagħmel assolutament xejn. Ħaġa, din, li magħha ġġib vizzji u ħala. B’serħan tal-Ħdud u l-festi nifhmu serħan imqaddes mir-reliġjon. Magħqud mar-reliġjon is-serħan inessi ftit lill-bnedmin mix-xogħol u t-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum u jfakkru fil-ġid tas-sema u fil-qima li għandu jagħti lill-maestà divina. Din hija prinċipalment in-natura, dan hu l-iskop tas-serħan tal-Ħdud u l-festi li Alla b’liġi speċjali fit-Testment il-Qadim amar lill-bniedem li josserva meta qallu: “Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu,[29] serħan illi Alla stess għallem b’għemilu meta, fis-seba’ jum, wara li ħalaq il-bniedem, strieħ mill-ħidma tal-ħolqien: waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel.[30]

33. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-ġid temporali u esterjuri huwa qabel xejn dmir (ta’ l’Awtorità) li l-povru ħaddiem jinħeles minn idejn l-ispekulaturi rgħiba li għall-qligħ jabbużaw mingħajr diskrezzjoni kemm mill-bnedmin kemm mill-ħwejjeġ. La hi ħaġa ġusta u lanqas umana illi wieħed jesiġi mill-bniedem xogħol żejjed li jbellaħlu moħħhu u jherrilu ġismu. Il-ħidma tal-bniedem hija limitata bħalma hi limitata n-natura tiegħu. L-eżerċizzju u l-użu jagħmlulu l-ġid basta, iżda, ikollu l-ħin għall-mistrieħ. Ix-xogħol għalhekk m’għandux jittawwal iżjed milli l-forzi tal-bniedem jippermettu. Kemm għandu jkun twil is-serħan jiddependi mill-kwalità tax-xogħol, miċ-ċirkostanzi tal-post u taż-żmien, mill-istess fiżiku tal-ħaddiem. Hekk, b’eżempju, ix-xogħol tal-barrieri tal-ġebel, tal-ħadid, tar-ramm u ta’ materji oħra li qegħdin taħt l-art, għaliex huwa itqal u aktar perikoluż għas-saħħa, jitlob kumpens ta’ sigħat inqas ta’ ħidma. L-istaġuni wkoll iridu jittieħdu f’konsiderazzjoni għaliex m’hux rari l-każ li ċertu xogħol ikun faċilment sapportabbli fi żmien u għalkollox insapportabbli jew tiflaħ għalih bid-diffikultà fi żmien ieħor. Fl-aħħar ukoll, ċertu xogħol proporzjonat għal raġel b’saħħtu ma jkunx sewwa tistennieh minn mara jew minn ifel. Anzi, għal dak li jolqot it-tfal wieħed irid joqgħod attent ħafna li ma jiddaħħlux fil-ħwienet tax-xogħol qabel ma jkunu fiż-żmien meta l-forzi tagħhom, fiżiċi, intellettwali u morali, ikunu żviluppati biżżejjed. Il-forzi tat-tfal qishom ħxejjex qed jinbtu. Biżżejjed moviment żejjed biex iħarbathom u l-edukazzjoni tagħhom issir impossibbli. Hekk ukoll ċertu xogħol ma jaqbilx għan-nisa, maħluqin min-natura tagħhom għax-xogħol id-dar, xogħol, dan, li jħares ħafna l-onestà tas-sess delikat tal-mara u jaqbel ħafna ma’ l-edukazzjoni tat-tfal u l-ġid tal-familja u tad-dar. Bħala regola ġenerali l-ħaddiem għandu jkollu żmien u mistrieħ biżżejjed biex iwieżen lil saħħtu mill-kedd tax-xogħol għaliex dak li jinħela fis-saħħa trid iġibu bil-mistrieħ. F’kull kuntratt li jsir bejn sidien u ħaddiema dejjem hemm il-kondizzjoni, espressa jew mifhuma, għall-mistrieħ kemm tar-ruħ kemm tal-ġisem. Ftehim li jmur kontra din il-kondizzjoni jkun immorali għaliex m’hu permess lil ħadd li jitlob jew li jwiegħed il-ksur tad-dmirijiet li jorbtu l-bniedem ma’ Alla jew miegħu nnifsu.

3)  is-salarju tal-ħaddiema

34. Ser immissu issa punt ta’ importanza kbira li jrid jinftiehem tajjeb jekk ma rridux naqgħu f’żewġ estremi, wieħed kontra l-ieħor. Id-daqs tas-salarju, xi whud jgħidu, jiddeterminah il-kunsens liberu ta’ dawk li jkunu għamlu l-ftehim. Skond dawn, meta s-sid ikun ħallas is-salarju jkun għamel il-parti tiegħu u ma jkunx baqalgħu iżjed x’jagħmel u m’għandu jagħti xejn iżjed lill-ħaddiema. Il-ħaqq jinkiser biss meta s-sid ma jħallas is-salarju sħiħ jew meta l-ħaddiem ma jagħmilx ix-xogħol kollu li ftiehem fuqu. L-Istat jista’ jinterveni biss biex iħares dawn id-drittijiet u mhux għal raġuni oħra. Min irid jiżen tajjeb u jħobb il-ġustizzja ma jistax la jaċċetta hekk, malajr malajr, dan ir-raġunament u lanqas jaċċettah għalkollox. Għaliex dan ir-raġunament ma jħarisx lejn in-naħat kollha tal-kwistjoni. Tonqos ukoll xi konsiderazzjoni importanti ħafna. Ix-xogħol huwa dik l-attività umana li ssir biex tipprovdi għall-ħtiġiet tal-ħajja u, l-aktar għall-konservazzjoni tagħha: bil-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok.[31] Ix-xogħol, għalhekk, għandu żewġ karattri mnaqqxa fih min-natura, dak, jiġifieri, li hu personali, għaliex inerenti mal-persuna li tagħmlu u l-forza attiva li tipproduċih hija inerenti mal-persuna u għalkollox proprja ta’ min jeżerċitha u ngħatatlu għall-vantaġġ tiegħu; hu wkoll neċessarju għaliex il-frott tax-xogħol huwa meħtieġ lill-bniedem biex iħares u jżomm ħajtu; il-ħarsien tal-ħajja huwa dmir li ma tistax twarrab fil-ġenb għaliex hi n-natura stess li tinponih. Issa, anki jekk wieħed iħares biss lejn l-aspett tal-personalità, ma hemmx dubju li l-ħaddiem jista’, jekk irid, jiftiehem fuq ħlas li hu inqas minn dak ġust: għaliex billi hu joffri l-ħidma tiegħu għax irid huwa jista’ wkoll jikkuntenta ruħu bi ħlas li hu inqas minn dak li hu ġust jew ukoll jirrinunzja għalih għalkollox. Ma tistax tgħid l-istess ħaġa meta mal-personalità tax-xogħol tieħu f’konsiderazzjoni wkoll in-neċessità tiegħu: żewġ ħwejjeġ loġikament distinti iżda realment inseparabbli. Tabilħaqq huwa tassew dmir li wieħed iżomm ruħu ħaj u ħadd ma jista’ jonqos minn dan id-dmir mingħajr ma jaqa’ fi ħtija. Minn hawn, bħala konsegwenza, joħroġ id-dritt li wieħed jikseb il-mezzi għall-għajxien li, fil-każ tan-nies fqar, huwa biss il-paga li jaqilgħu bix-xogħol tagħhom. Għalhekk, ukoll jekk il-ħaddiem u s-sid jaslu b’kunsens komuni tagħhom it-tnejn għal ftehim u, b’mod speċifiku, għal kemm għandha tkun il-paga, iżda hemm dejjem f’dan il-ftehim element ta’ ġustizzja naturali li tiġi qabel ir-rieda tal-kontraenti u hija ′l fuq minnha, l-element tal-ġustizzja naturali li jesiġi illi l-kemm tal-paga ma jkunx inqas milli għandu bżonn il-ħaddiem għall-għajxien tiegħu, għajxien, sintendi, bil-għaqal u l-qjies. Fil-każ li l-ħaddiem, għaliex imġiegħel minn neċessità jew għax jibża’ mill-agħar ikollu jaċċetta ftehim aktar iebes, għax hekk ikun impona l-proprjetarju jew dak li jħaddem, dan ikun ifisser li l-ħaddiem ikun sofra vjolenza, ħaġa li l-ġustizzja ma tħallix issir. Wara kollox, f’dawn il-ħwejjeġ u f’oħrajn ukoll, bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ liema għandhom ikunu l-ġranet tax-xogħol, liema għandhom ikunu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex iħarsu ħajjet il-ħaddiem fil-ħwienet tax-xogħol, jew x’għandu jsir biex l-awtoritajiet ma jindaħlulux fejn m’għandhomx, l-aktar f’daqshekk varjetà ta’ ħwejjeġ, post u ħin, ikun jaqbel li dan kollu jitħalla għad-deċiżjoni tax-xirkiet li dwarhom ser nitkellmu aktar ′il quddiem jew li jintużaw mezzi oħra li jirrispettaw skond il-ħaqq l-interessi tal-ħaddiem. L-Istat għandu jillimita ruħu, meta l-każ hekk jitlob, li jagħti appoġġ u ħarsien.

 

c) edukazzjoni għat-tfaddil 

35. Meta l-ħaddiem jirċievi salarju li jkun biżżejjed għall-għajxien tajjeb tiegħu u tal-familja tiegħu, jekk ikun bil-għaqal ikun jista’ jaħseb ukoll biex iġemma’ xi ħaġa. B’hekk jirnexxilu jwarrab xi ħaġa biex jikseb xi proprjetà żgħira tiegħu u jwieġeb għal xewqa li tagħtiha n-natura stess. Tabilħaqq aħna wrejna li l-invjolabbiltà tad-dritt tal-proprjetà hija indispensabbli biex tinstab soluzzjoni prattika u effikaċi tal-kwistjoni tal-ħaddiem. Il-liġijiet għandhom għalhekk jiffavorixxu dan id-dritt u jgħinu biex jikber l-għadd tal-proprjetarji. Minn hawn joħorġu diversi vantaġġi u l-ewwelnett dak ta’ tqassim aħjar tal-ġid nazzjonali. Ir-rivoluzzjoni ġabet qasma fis-soċjetà bħal f’żewġ kasti u ħaffret bejnhom dagħbien kbir. Min-naħa l-waħda hemm fazzjoni qawwija żżejjed għaliex għanja biżżejjed. Din, għaliex għandha f’idejha kull għamla ta’ produzzjoni u ta’ kummerċ, tisfrutta għaliha nfisha l-għejun kollha ta’ l-għana u teżerċita fl-iżvilupp u fl-amministrazzjoni ta’ l-Istat influwenza kbira. Min-naħa l-oħra hemm folla kbira ta’ nies dgħajfa, li tgħix fil-miżerja, li hi marida u miġruħa f’ruħha, lesta dejjem biex tqajjem l-inkwiet. Issa, jekk lil din il-kotra kbira ta’ nies jingħatalha l-inkoraġġiment biex tkun bieżla u ħawtiela bit-tama li tikseb proprjetà stabbli jiġri li l-klassi waħda toqrob lejn l-oħra għaliex il-wesa’ immens li hemm bejn l-għana bix-xaba’ u l-faqar qieragħ jispiċċa. Barra hekk ikun jista’ jinkiseb mill-art frott ħafna aktar kotran. Meta l-bnedmin ikunu jafu li qed jaħdmu art tagħhom iħabirku iżjed għaliha u jħaffu ħidmiethom. Anzi huma jsiru jħobbu l-għalqa li ħadmu b’idejhom stess għaliex jistennew minnha mhux biss l-għajxien iżda wkoll ħajja aħjar għalihom u għall-familja tagħhom.U wieħed jista’ faċilment jifhem kif din il-ħidma ħerqana u mħeffa tagħmel ħafna ġid billi tkattar il-produzzjoni ta’ l-art u l-għana tan-nazzjon. Joħroġ ukoll vantaġġ ieħor minn dan: in-nies jintrabtu iżjed ma’ art twelidhom u ħadd ma jkun irid jibdel art twelidu ma’ pajjiż barrani jekk hi toffrilu għajxien imqar passabbli għal uliedu. Min-naħa l-oħra ta’ min jinnota li dawn il-vantaġġi jiddependu ħafna minn jekk il-proprjetà ma titgħabbiex b’taxxi żejda. Id-dritt tal-proprjetà privata, li ma jiġix minn liġi tal-bniedem imma minn liġi naturali, l-Istat ma jistax iġibu fix-xejn iżda jista’ biss jirregola l-użu tiegħu u jarmonizzah mal-ġid komuni. Tkun inġustizzja u jkun nuqqas ta’ umanità illi l-Istat jesiġi miċ-ċittadini privati taxxi aktar milli jifilħu u milli għandhom iħallsu.

 

C)  Il-ħidma tal-assoċazzjonijiet 

1 – Ħtieġa għal kollaborazzjoni bejn kulħadd

36. Fl-aħħar ta’ min iżid illi s-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-ħaddiema jistgħu jikkontribwixxu għaliha kemm il-kapitalisti kemm il-ħaddiema. Dan jistgħu jagħmluh permezz ta’ istituzzjonijiet li jitwaqqfu apposta biex jgħinu lil min hu fil-ħtieġa u biex iqarrbu u jgħaqqdu ż-żewġ klassijiet. Soċjetajiet ta’ din ix-xorta huma dawk ta’ l-għajnuna ta’ xulxin, il-ħafna assigurazzjoni privata mwaqqfa biex jipprovdu lill-ħaddiem, lill-armla u lill-iltiema tiegħu f’każijiet ta’ diżgrazzja, mard jew inċidenti umani oħra; hemm ukoll l-istituzzjonijiet għall-protezzjoni tat-tfal, subien u bniet, għaż-żagħżagħ u għall-kbar. Fl-ewwel post, iżda, jiġu l-korporazzjonijiet ta’ l-arti u s-snajja’ li jinkludu wkoll fihom l-oħrajn kollha. L-antenati tagħna kienu jaraw ċar ħafna l-vantaġġi ta’ dawn il-korporazzjonijiet. U dan mhux biss għall-ġid tan-nies tas-snajja’ iżda wkoll għall-ġieħ u perfezzjonament tas-snajja’ nfushom, hekk kif jixhdu ħafna monumenti li jfakkruhom. Iżda l-progressi tal-kultura, id-drawwiet ġodda u l-ħtiġiet tal-ħajja li kibru jitolbu li dawn il-korporazzjonijiet jadattaw irwieħhom għall-kondizzjonijiet ta’ llum. Aħna nifirħu meta naraw għaqdiet bħal dawn imwaqqfa kemm jekk ikunu tal-ħaddiema kemm jekk ikunu tal-ħaddiema u tas-sidien flimkien. Iżda huwa ta’ min jixtieq li dawn l-għaqdiet jikbru fl-għadd u fil-ħidma. Aħna tkellimna fuqhom ħafna drabi. Iżda nieħdu pjaċir nerġgħu nitkellmu fuqhom biex nuru kemm tassew jenħtieġu, kemm hu sewwa li jitwaqqfu u kif għandhom ikunu l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tagħhom.

2 – Id-dritt għall-assoċazzjoni hi naturali

37. Billi l-bniedem iħoss li waħdu huwa dgħajjef hu jinġibed biex ifittex igħaqqad il-ħidma tiegħu ma’ ta’ ħaddieħor. L-Iskrittura tgħid: “Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda kbira jkollu taħbithom. Jekk jaqa’ wieħed jista’ jerfgħu sieħbu, imma miskin min hu waħdu għax m’għandux min iqajjmu”.[32] U aktar ′il quddiem: “Ħuk imweġġa’ jsir għalik bħal belt qawwija”.[33] L-istint minn din il-ġibda naturali jqanqlu biex jibni s-soċjetà ċivili u hekk ukoll biex jibda soċjetajiet partikolari oħra ċertament żgħar u mhux perfetti iżda xorta waħda soċjetajiet tassew. Hemm bogħod kbir bejn dawn u dawk is-soċjetajiet minħabba d-differenza kbira ta’ l-iskopijiet immedjati tagħhom. L-iskop tas-soċjetà ċivili huwa universali għaliex jinteressa l-ġid komuni li ċ-ċittadini kollha, min f’proporżjon u min f’ieħor, għandhom id-dritt għalih. Għalhekk din is-soċjetà tissejjaħ pubblika għaliex fiha l-bnedmin iqiegħdu ruħhom f’qagħda li jikkomunikaw ma’ xulxin biex jiffurmaw Stat.[34] Għall-kuntrarju s-soċjetajiet l-oħra, li jitwieldu fi ħdan is-soċjetà pubblika, jissejħu u huma privati għaliex għandhom bħala skop tagħhom xi vantaġġ privat u ta’ l-imseħbin biss. Soċjetà privata hija dik li titwaqqaf biex tmexxi ′l quddiem interessi privati bħalmeta tnejn jew tlieta minn-nies jingħaqdu bil-ħsieb li jagħmlu flimkien xi kummerċ.[35]

38. Issa, għalkemm dawn l-assoċjazzjonijiet privati jeżistu fi ħdan l-Istat u huma parti minnu, b’danakollu, jekk wieħed jitkellem f’linja ġenerali u b’mod assolut, l-Istat ma jistax jipprojbixxi li jitwaqqfu. IL-bniedem, tabilħaqq, jieħu d-dritt li jingħaqad f’soċjetà min-natura u d-drittijiet naturali l-Istat għandu jħarishom u mhux jeqridhom. Meta u jekk jeqred dawn l-assoċjazzjonijiet l-Istat jikkontradiċi lilu nnifsu. L-oriġini ta’ l-għajxien flimkien ċivili, bħal ta’għaqdiet oħra, qiegħda fis-soċjalità naturali ta-bniedem. Jingħataw iżda każi li fihom projbizzjoni bħal din tista’ tkun leġittima u doveruża. Meta għaqdiet partikolari jistabbilixxu bil-miftuħ bħala skop tagħhom xi ħaġa li tmur kontra l-onestà, il-ġustizzja, is-siġurtà ta’ l-għajxien flimkien ċivili, l-Istat bil-jedd kollu jista’ jopponi ruħu għalihom jew billi jipprojbixxi li jitwaqqfu jew billi jxoljihom jekk ikunu diġà saru. B’danakollu huwa meħtieġ li wieħed jaġixxi bi prekawzjoni kbira biex ma jsirx indħil fid-drittijiet taċ-ċittadini u ma jsirx deni taħt il-pretest tal-ġid komuni. Il-liġijiet, tabilħaqq, ma jobbligawx jekk mhux in kwantu jkunu skond ir-raġuni, u għalhekk meta u jekk ikunu jaqblu mal-liġi eterna ta’ Alla.[36]

39. Hawn il-ħsieb tagħna jmur fuq is-sodalitajiet, l-għaqdiet u l-Ordnijiet Reliġjużi li twaqqfu f’ħafna manjeri mill-Awtorità tal-Knisja jew bit-tjieba ta’ l-insara. L-istorja tfakkar u turina tajjeb, sa żminijietna stess, kemm għamlu ġid dawn is-soċjetajiet lil-ġens tal-bnedmin. Soċjetajiet bħal dawn, anke kieku kellna narawhom biss fid-dawl tar-raġuni, huma bi dritt naturali evidentement leġittimi għaliex l-iskop tagħhom huwa onest. In kwantu mbagħad għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon, huma suġġetti biss għall-Awtorità tal-Knisja. L-Istat għalhekk ma jistax jippretendi li għandu xi kompetenza fuqhom u lanqas illi jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tagħhom. Għandu, minflok, id-dmir li jirrispettahom, li jżommhom u wkoll iħarishom. Iżda kemm ġara għalkollox differenti, l-aktar fi żminijietna! F’ħafna postijiet u f’ħafna modi l-Istat kiser id-drittijiet ta’ dawn il-komunitajiet. Qegħduhom taħt il-liġijiet ċivili, ipprivawhom mill-personalità ġuridika u neżżgħuhom mill-ġid li kellhom. Għal dan il-ġid kellha jeddijietha l-Knisja, kellu jeddijietu kull wieħed mill-membri ta’ dawn is-soċjetajiet, kellhom jedd dawk li tawhom dan il-ġid għal xi skop partikolari u dawk ukoll illi kellhom jibbenefikaw minnu għaliex il-ġid ingħata jew tħalla għalihom. Għalhekk ma nistgħux ħlief li niddeploraw dan it-tneżżigħ inġust u li jġib ħafna dannu miegħu. Aktar u aktar meta naraw li qegħdin ikun projbiti soċjetajiet kattoliċi, kwieti u utli ħafna, u naraw ukoll illi dan qed isir fl-istess ħin li jkun ipproklamat, u b’leħen għoli, id-dritt ta’ assoċjazzjoni li qed jingħata, mingħajr restrizzjonijiet, lil nies li bil-miftuħ qed jaħdmu għad-dannu tar-reliġjon u ta’ l-Istat.

40. Huwa żgur li soċjetajiet diversi ħafna, l-aktar soċjetajiet tal-ħaddiema, llum qegħdin joktru bħal qatt qabel. F’konnessjoni ma’ ħafna minn dawn is-soċjetajiet m’hux il-każ hawnhekk li nittrattaw dwar l-oriġini, l-iskop u l-ħidma tagħhom. Hija, iżda, opinjoni komuni, mwettqa din minn ħafna indizji, illi l-biċċa l-kbira minnhom huma mmexxija minn mexxejja moħbija u b’organizzazzjoni li hi l-monopolju ta’ l-industrija. Dawn il-kapijiet iheddu lil min jirrifjuta li jissieħeb magħhom li jħallas qares iċ-ċaħda li jagħmlu. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ħaddiema nsara m’għandhomx ħlief żewġ ħażliet: jew jinkitbu ma’ soċjetajiet perikolużi għar-reliġjon jew jagħmlu għaqdiet tagħhom u b’hekk igħaqqdu l-forzi tagħhom u jeħilsu minn oppressjoni inġusta u intollerabbli. Min ma jridx itarraf l-aqwa ġid tal-bniedem għandu għalfejn jaħsibha darbtejn qabel ma jagħżel it-tieni għażla?

 

3 – Għajnuna lil kungressi Nsara

41. Jistħoqqilhom kull tifħir dawk il-ħafna fost il-Kattoliċi illi għarfu l-esiġenzi taż-żminijiet u jagħmlu kull sforz biex itejbu onestament il-kondizzjonijiet tal-ħaddiema. Huma ħadu f’idejhom il-kawża tal-ħaddiema u qed ifittxu li jsaħħu l-għajxien tajjeb tagħhom u tal-familja tagħhom; li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn sidien u ħaddiema; li jħabirku sabiex kemm is-sidien u kemm il-ħaddiema jżommu quddiem għajnejhom id-dmirijiet li għandhom u l-ħarsien tal-liġijiet evanġeliċi li jbiegħdu r-ruħ minn kull xorta ta’ eċċessi waqt li jżommuha fil-qjies u jħarsu l-armonija bejn persuni u ħwejjeġ daqshekk differenti minn xulxin fis-soċjetà ċivili. Għal dan l-iskop aħna naraw li spiss isiru kungressi li fihom nies kbar jikkomunikaw lil xulxin ideat ta’ fejda, jgħaqqdu l-forzi u jikkonsultaw lil xulxin dwar dawk li jistgħu jkunu l-aħjar rimedji. Oħrajn ifittxu li jgħaqqdu lil diversi klassijiet tal-ħaddiema f’soċjetajiet tajbin għalihom, jgħinuhom b’pariri u mezzi, jipprovdulhom xogħol onest u li jħalli l-flus. L-isqfijiet iżidu ma dan kollu l-inkoraġġiment u l-appoġġ u, taħt id-direzzjoni tagħhom, ħafna saċerdoti reliġjużi u djoċesani jaħdmu b’żelu għall-ġid spiritwali ta’ l-imseħbin. Ma jonqsux kattoliċi għonja li jagħmlu kważi kawża komuni mal-ħaddiema, ma jxeħħux għal-flus biex jgħinu lill-ħaddiema mhux biss jaqla’ b’xogħlu dak li jeħtieġ għall-preżent iżda wkoll biex ikollu fil-ġejjieni serħan fil-kwiet u kif jixraq. Il-vantaġġi li daqshekk sforzi mimlijin ħeġġa kisbu għall-ġid pubbliku huma magħrufa biżżejjed u ma jeħtiġux kliem biex infakkruhom. Minn hawn aħna niksbu tama għall-ġejjieni basta dawn is-soċjetajiet jikbru u jitmexxew b’għerf. L-Istat għandu jħares l-assoċjazzjonijiet leġġittimi taċ-ċittadini, u m’għandux jindaħal f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija u d-dixxiplina interna tagħhom. Għaliex moviment vitali jieħu l-ħajja minn prinċipju li qiegħed fih stess l-impulsi li jiġuh minn barra jistgħu joħonquh.

4 – Awtonomija u dixxiplina tal-assoċazzjonijiet 

42. Din l-organizzazzjoni għaqlija u din id-dixxiplina huma assolutament meħtieġa biex ikun hemm l-unità fl-azzjoni u fl-orjentament. Jekk, għalhekk, iċ-ċittadini għandhom, kif fil-fatt għandhom, id-dritt liberu li jagħmlu s-soċjetajiet tagħhom, huma għandu jkollhom daqstant ieħor id-dritt li jagħżlu dak ir-regolament li jaħsbu li jkun l-aħjar biex is-soċjetajiet jilħqu l-iskopijiet tagħhom. X’għandu jkun dan id-dritt b’dak kollu li jġib miegħu fid-dettall ma naħsbux li nistgħu niddefenduh b’regoli ċerti u preċiżi. Dan għandu jkun determinat skond id-drawwiet u l-karattru ta’ kull poplu, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza u l-prattika, tal-kwalità u l-produttività tax-xogħol, ta’ l-iżvilupp kummerċjali u ta’ ċirkostanzi oħra li wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh u jiżen bil-prudenza. Għal dak li hu essenzjali, wieħed jista’ jistabbilixxi bħala regola ġenerali u kostanti illi l-għaqdiet għandhom jinbnew u jitmexxew b’mod illi jagħtu l-mezzi li jwasslu tassew għall-iskop tagħhom, dak, jiġifieri, illi kull wieħed mill-imseħbin ikun jista’ jikseb l-akbar ġid fiżiku, ekonomiku u morali. Huwa ċar, mbagħad, illi hu tajjeb li wieħed jimmira, bħala skop ewlieni, għall-perfezzjonament reliġjuż u morali. Għal dan il-perfezzjonament għandha timmira l-leġislazzjoni soċjali kollha. Inkella dawn l-għaqdiet jitilfu l-bixra tagħhom u ma jkunu xejn aħjar minn dawk li ma jagħtu ebda kas tar-reliġjon. Wara kollox, x’jiswielu lill-ħaddiem jekk f’dawn is-soċjetajiet isib għajxien materjali tajjeb iżda ruħu tittarraf għaliex ma ssibx l-ikel spiritwali li teħtieġ? X’ikun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?[37] Dan hu, skond it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, l-għelm li jagħżel in-nisrani minn pagan. Dawn kollha huma ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani ... intom fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll.[38] L-ewwel post irid jingħata ′l Alla u għalhekk irid jingħata spazju kbir lit-tagħlim reliġjuż. Kull imsieħeb għandu jkun jaf sewwa x’inhuma dmirijietu lejn Alla u jkun jaf tajjeb dak li għandu jemmen, dak li għandu jittama, dak li għandu jagħmel biex isalva u jitħares sewwa mit-tagħlim qarrieq kurrenti u minn dak kollu li jista’ jiġbed biex iħassar ir-ruħ. Il-ħaddiem għandu jkun imħeġġeġ għall-qima ta’ Alla, għall-għożża tat-tjieba u, b’mod speċjali, għall-osservanza tal-jiem ta’ festa. Għandu jitgħallem ukoll li jqim u jħobb lill-Knisja, omm ta’ kulħadd, hekk kif għandu jitgħallem li joqgħod għall-preċetti tagħha u jersaq għas-sagramenti li huma mezzi divini ta’ ġustifikazzjoni u qdusija.

 

5 – Drittijiet u dmirijiet tal-membri assoċjati

43. Jekk ir-reliġjon titqiegħed bħala is-sies ta’ l-istatuti soċjali, it-triq hija miftuha biex ir-relazzjonijiet bejn l-imseħbin ikunu regolati b’mod li jiżguraw il-kwiet ta’ l-għajxien tagħhom flimkien u l-ġid ekonomiku tagħhom. L-inkarigi għandhom jitqassmu b’mod li jaqbel għall-interessi komuni u b’armonija tali illi d-diversità tagħhom ma tkunx ta’ preġudizzju għall-unità. Huwa għal kollox importanti li dawn l-inkarigi jitqassmu tajjeb u jkunu determinati b’mod ċar biex ħadd mill-imseħbin ma jintlaqat ħażin. Il-flus u l-proprjetà tas-soċjetà għandhom ikunu amministrati bl-onestà u b’mod illi l-għajnuniet jitqassmu skond il-ħtiġiet; u d-drittijiet u d-dmirijiet tas-sidien għandhom jitqabblu mad-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema. Meta mbagħad is-sidien jew il-ħaddiema jħossu li sar nuqqas kontra tagħhom tkun ħaġa ta’ min jixtieqha li sew dawn sew dawk isibu fl-għaqda nies retti u kompetenti li, bis-saħħa ta’ l-istess statuti, ikunu jistgħu jmorru quddiemhom u joqogħdu għal kif jaqtgħuha huma li għandu jsir. Irid ikun hemm ukoll provvediment biex lill-ħaddiema ma jonqoshomx ix-xogħol u jkun hemm fondi disponibbli li jgħinu lil kull wieħed mill-imseħbin mhux biss fil-kriżijiet li jinqalgħu fl-industrija f’daqqa waħda u bla ma ħadd ma jkun jaf kif iżda wkoll f’każijiet ta’ mard, ta’ xjuħija u ta’ diżgrazzja. Jekk kulħadd joqgħod għal statuti bħal dawn ikun biżżejjed biex wieħed jiżgura l-ġid materjali u morali tal-klassijiet iż-żgħar. U s-soċjetajiet kattoliċi jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza mhux żgħira għall-progress ta’ l-istess soċjetà ċivili. Mill-imgħoddi nistgħu bir-raġun naraw minn quddiem il-ġejjieni. Il-ġenerazzjonijiet tal-bnedmin jiġu waħda wara l-oħra iżda l-paġni ta’ l-istorja tagħhom jixxiebhu ħafna. Għaliex il-ġrajjiet huma mmexxija minn dik il-providenza divina li tmexxi l-ġrajja tal-bnedmin u tindirizzahom lejn l-iskop li hi stabbiliet fil-ħolqien tal-familja tal-bnedmin. Fil-bidu tal-Knisja l-fatt li l-biċċa l-kbira ta’ l-insara kienu jgħixu bl-elemożina u x-xogħol kien jitqisilhom diżunur. B’danakollu, għalkemm dgħajfa u fqar, l-insara rnexxielhom jirbħu s-simpatija ta’ l-għonja u l-ħarsien tas-setgħanin. Kienet ħaġa sabiħa tarahom attivi, ħawtiela, paċifiċi, xempju ta’ ġustizzja u eċċezzjonalment mimlija bl-imħabba għall-oħrajn. Quddiem ħajja u eżempju bħal dan ta’ l-insara għeb kull preġudizzju kontra tagħhom, siktu l-ilsna l-ħżiena, il-gideb li kien xtered dwar il-kristjaneżmu bħala superstizzjoni li kienet rabbiet l-għeruq ċeda quddiem il-verità nisranija.

 

6 – Il-kwistjonijiet tal-ħaddiema solvuti mill-assoċazzjonijiet tagħhom

44. Illum-il-ġurnata l-kwistjoni tal-ħaddiema qiegħda fuq fomm kulħadd u s-soluzzjoni tajba jew ħażina tagħha tinteressa ħafna lill-Istat. Il-ħaddiema nsara jirnexxilhom isolvuha jekk jingħaqdu f’assoċjazzjonijiet u, mmexxija tajjeb u bil-għaqal, jgħaddu mill-istess triq li mxew minnha ta’ qabilhom b’ġid kbir għalihom u għas-soċjetà. U għalkemm il-preġudizzju u l-passjonijiet huma daqshekk qawwija fil-bnedmin, b’danakollu, sakemm ir-rieda ma tkunx tħassret tant li tasal ukoll biex titfi s-sens ta’ l-onestà, huma ma jkunux jistgħu ma jħossux sentiment ta’ tjieba lejn il-ħaddiema meta jarawhom ħabrieka, moderati, lesti biex iqiegħdu l-onestà ′l fuq mill-qligħ u l-kuxjenza qabel kull ħaġ’oħra. Minn hawn joħroġ vantaġġ ieħor, dak li tingħata t-tama u l-possibbiltà ta’ ndiema u bidla ta’ ħajja lil dawk il-ħaddiema li naqsitilhom il-fidi. Fil-biċċa l-kbira tal-każi huma jindunaw li kienu ingannati minn tamiet foloz, minn illużjonijiet fiergħa. Huma jħossu li kienu trattati mis-sidien rgħiba b’mod li ma jixraqx lill-bnedmin u meqjus biss daqs dak li jipproduċu b’xogħolhom; illi fis-soċjetajiet fejn isibu ruħhom imxekkla, flok karità u mħabba ta’ l-aħwa jsaltnu biss diskordi interni li jissieħbu ma’ faqar supperv u li jirrifjuta li jemmen. Għajjenin f’ġisimhom u f’ruħhom kemm minnhom jixtiequ jarmu l-madmad ta’ dan il-jasar baxx iżda, jew għar-rispett uman jew għax jibżgħu mill-miżerja, ma jazzardawx jagħmluh? Lil dawn kollha l-assoċjazzjonijiet kattoliċi jistgħu jagħmlulhom ħafna ġid jekk isejħulhom fi ħdanhom u, avolja jeżitaw li jwieġbu, iħaffulhom it-triq u jagħtuhom protezzjoni u għajnuna wara li jiftħu għajnejhom.

 

GĦELUQ

Il-karità, reġina tal-virtujiet soċjali

45. Aħwa Miqjuma, b’dan kollu wrejniekom x’għandu jsir u min huma n-nies li għandhom jaħdmu biex tinstab soluzzjoni għal problema hekk kbira. Kulħad issa għandu jagħmel il-parti li tmiss lilu u ma jitnikkirx għaliex id-dewmien jista’ jirrendi aktar diffiċli l-kura ta’ għawġ diġà gravi ħafna. Il-gvernijiet għandhom jimpenjaw irwieħhom b’liġijiet tajba u provvedimenti għaqlin. Il-kapitalisti u s-sidien għandhom iżommu l-ħin kollu quddiem għajnejhom id-dmirijiet li għandhom. Għandhom jagħmlu wkoll ħilithom, fil-limiti ta’ dak li hu ġust, il-ħaddiema li huma direttament interessati. U billi, kif għidna, ir-rimedju veru u radikali ma jistax jiġi ħlief mir-reliġjon, ipperswadi ruħu kulħadd mill-ħtieġa li jerġa lura għall-ħajja nisranija li, mingħajrha, dak kollu li jkun maħsub li ser jagħti soluzzjoni ma jkollux siwi. Għal dak li jolqot il-Knisja, Hija m’hi ser tehda qatt u ma tegħja bl-ebda mod li tkompli l-ħidma tagħha li tista’ ssir daqshekk effikaċi daqskemm titħalla ħielsa. Minn dan għandhom jikkonvinċu ruħhom l-iżjed dawk li għandhom id-dmir li jaħsbu għall-ġid tal-popli. Il-ministri tal-Knisja għandhom iħabirku bis-saħħa kollha ta’ ruħhom u bil-ġenerożità taz-zelu tagħhom. Mmexxija mill-eżempju tagħkom, Aħwa Miqjuma, huma m’għandhom qatt jegħjew li jisħqu fuq il-prinċipji ta’ l-Evanġelju mal-klassijiet kollha tas-soċjetà u għandhom jagħmlu kull ma jistgħu għall-ġid tal-popli. U, fuq kollox, għandhom jixegħlu fihom stess u jkebbsu u jxerrdu ma’ l-oħrajn, kbar u żgħar, il-karità li hi sidt il-virtujiet kollha u r-reġina tagħhom. Is-salvazzjoni li nixtiequ naraw isseħħ trid tkun, qabel xejn, frott tal-karità li tfur bil-qawwa mill-qlub. Qegħdin nifhmu l-karità nisranija li tiġbor fiha l-Evanġelju kollu u li, għax dejjem lesta li tissagrifika ruħha għall-oħrajn, hija l-aħjar antidotu kontra s-suppervja u l-egoiżmu tad-dinja. Ta’ din il-virtù jagħtina l-fattizzi tagħha San Pawl meta jgħid: “l-imħabba taf tistabar u tħenn ... ma tfittixx dak li hu tagħha ... kollox tagħder ... kollox tissaporti”.[39] Lil kull wieħed minnkom, Aħwa Miqjuma, lill-Kleru u ′l-poplu tagħkom, b’rahan ta’ l-imħabba tagħna fil-Mulej u fit-tama tal-grazzji tas-Sema, b’qalbna kollha nagħtukom il-Barka Appostolika.

 

Mogħti f’Ruma, ħdejn San Pietru, nhar il-15 ta’ Mejju 1891, l-erbatax-il sena tal-Pontifikat tagħna.

LJUN XIII


  

Ħajr lil Ms Sonia Abela għall-għajnuna tagħha fit-typing tad-dokument

 

[1] Dt. 5:21.

[2] Ġen. 1:28.

[3] SAN TUMAS II-II, Quaest. 10, art.12.

[4] Ġen. 3:14.

[5] Ġak. 5:4.

[6] II Tim. 2:12.

[7] II Kor. 4:17.

[8] Mt. 19:23-24.

[9] Lq. 6:24-25.

[10] II-II, Quaest. 66, art.2.

[11] Ibid.

[12] II-II Quaest. 32I, art.6.

[13] Lq. 11:41.

[14] Atti, 20:35.

[15] Mt. 25-40.

[16] SAN GIRGOR IL-KBIR, In Evang. Hom. 9, n.7.

[17] II Kor. 8:9.

[18] Mk. 6:3.

[19] Mt. 5:3.

[20] Mt. 11:28.

[21] Rum. 8:17.

[22] 1Tim. 6:10.

[23] Atti 4:34.

[24] Apol. 2, 39.

[25] II-II Quaest. 61, a.1 ad 2.

[26] SAN TUMAS, De re. Prinċip., 1, c. 17.

[27] Ġen. 1:28.

[28] Rum. 10:12.

[29] Eż. 20:8.

[30] Ġen. 2:2.

[31] Ġen. 3:19.

[32] Ekkleż. 4:9-10.

[33] Prov. 18:19.

[34] San Tumas: Contra impugnantes cultum et religionem, Kap II.

[35] Ibid.

[36] SAN TUMAS: Summ. Theol. I-II, Quaest. 13, a.3.

[37] Mt. 16:26.

[38] Mt. 6:32-33.

[39] Kor. 13:4-7.