IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza
San Pietru
L-Erbgħa
27 ta’ Settembru
2017
It-Tama
Nisranija – 34. L-għedewwa tat-tama
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Bħalissa
aħna qed nitkellmu fuq it-tama; imma llum nixtieq nirrifletti magħkom
fuq l-għedewwa tat-tama.
Għax it-tama għandha l-għedewwa tagħha: bħal kull
ħaġa tajba f’din id-dinja, għandha l-għedewwa tagħha.
U ġieni
f’moħħi l-mit antik tal-vażett ta’ Pandora: meta jinfetaħ
dan il-vażett minnu joħorġu tant diżgrazzji
għall-istorja tad-dinja. Imma ftit jiftakruha l-aħħar parti
tal-istorja, li tiftaħ bħal xaqq ta’ dawl: wara li jkun
ħareġ il-ħażen kollu minn ħalq il-vażett, don
ċkejken bħal donnu jerġa’ jgħolli rasu quddiem dak il-ħażen
kollu li xtered. Pandora, il-mara li kellha f’idejha l-vażett, tarah
l-aħħar ħaġa: il-Griegi jsejħulu
elpìs, jiġifieri tama.
Dan il-mit
jirrakkontalna għaliex għall-bniedem it-tama hi daqshekk importanti.
Mhux minnu li “sakemm hemm il-ħajja, hemm it-tama”, kif jingħad. Jekk
xejn, il-kuntrarju: hi t-tama li żżomm il-ħajja fuq saqajha, li
tipproteġiha, li tħarisha u li tkabbarha. Li kieku l-bnedmin ma
rawmux fihom it-tama, li kieku ma ħallewx din il-virtù tweżinhom,
qatt ma kienu joħorġu mill-għerien, u ma kienu jħallu
l-ebda marka fl-istorja tad-dinja. Din hi l-aktar ħaġa divina li
tista’ teżisti fil-qalb tal-bniedem.
Poeta
Franċiż
– Charles Péguy
–
ħallielna
paġni mill-isbaħ fuq it-tama (ara Il-portiku
tal-misteru tat-tieni virtù). B’mod poetiku hu jgħidilna li Alla ma
jistagħġibx daqshekk bil-fidi tal-bnedmin, u lanqas bl-imħabba
tagħhom; imma dak li tassew jimlieh bl-għoġba u jqanqallu qalbu
hi t-tama tal-bnedmin: “Li dawn l-ulied imsejkna”, jikteb, “qed jaraw kif
sejrin l-affarijiet u jemmnu li għada filgħodu sa jkunu aħjar”.
Ix-xbieha tal-poeta tfakkarna fl-uċuħ ta’ tant bnedmin li
għaddew minn din id-dinja – bdiewa, ħaddiema foqra, immigranti
jfittxu futur aħjar – li ssieltu bil-qawwa minkejja l-imrar
tal-preżent iebes, miżgħud b’tant provi, imma misjuqa
mill-fiduċja li wliedhom kien sa jkollhom ħajja iżjed ġusta
u iżjed serena. Issieltu għal uliedhom, issieltu fit-tama.
It-tama hi l-ispinta fil-qalb ta’ min jitlaq u jħalli d-dar, l-art, xi kultant anki
l-familjari u l-qraba – qed jiġuni f’moħħi l-immigranti –, biex
ifittex ħajja aħjar, li tixraq iżjed lilu u lill-għeżież
tiegħu. U hi wkoll spinta fil-qalb
ta’ min jilqa’: ix-xewqa li jiltaqgħu, li jagħrfu lil xulxin, li
jiddjalogaw… It-tama hi l-ispinta biex “naqsmu
fil-vjaġġ”, għax il-vjaġġ isir minn tnejn
flimkien: dawk li jaslu fl-art tagħna, u aħna li nersqu lejn qalbhom,
biex nifhmuhom, biex nifhmu l-kultura tagħhom, l-ilsien tagħhom. Hu
vjaġġ bejn tnejn, imma mingħajr tama dak il-vjaġġ ma
nistgħux nagħmluh. It-tama hi l-ispinta biex naqsmu l-vjaġġ
tal-ħajja, kif tfakkarna l-Kampanja tal-Caritas li qed ninawguraw illum.
Ħuti, ejjew ma nibżgħux naqsmu l-vjaġġ flimkien! Ejjew
ma nibżgħux! Ma nibżgħux naqsmu t-tama!
It-tama mhijiex
virtù għal min għandu l-istonku mimli. Huwa għalhekk li, minn
dejjem, il-foqra huma l-ewwel li
jġorru fihom it-tama. U f’dan is-sens nistgħu ngħidu li
l-foqra, anki t-tallaba, huma l-protagonisti tal-Istorja. Biex daħal
fid-dinja, Alla ġie bżonn tagħhom: ta’ Ġużeppi u ta’
Marija, tar-ragħajja ta’ Betlehem. Fil-lejl tal-ewwel Milied kien hemm
dinja rieqda, komda b’ħafna ċertezzi li kienet kisbet. Imma
ċ-ċkejkna kienu qed iħejju fis-satra r-rivoluzzjoni tat-tjieba.
Kienu foqra għalkollox, xi ħadd forsi kien iżomm xi ftit
fil-wiċċ tas-sopravivenza, imma kienu għonja bl-aktar ġid
prezzjuż li jeżisti fid-dinja, jiġifieri r-rieda li jġibu
bidla.
Xi drabi, li
l-ħajja tkun tatek kollox hija sfortuna. Aħsbu ftit
f’żagħżugħ li qatt m’għallmuh il-virtù tal-istennija u
tas-sabar, li ma kellu għalfejn jagħraq għall-ebda raġuni,
li ħarat it-triq u ta’ għoxrin sena “diġà jaf kif timxi
d-dinja”; dan ġie ddestinat għall-agħar kundanna: dik li ma
jixtieq xejn iżjed. Hi din, l-agħar kundanna. Jagħlaq il-bieb
tiegħu għax-xewqat, għall-ħolm. Jidher
żagħżugħ, imma fil-verità diġà xirfet ix-xitwa fuq
qalbu. Huma ż-żgħażagħ tax-xitwa.
Li jkollok qalb
vojta hi l-agħar xkiel għat-tama. Hu riskju li ħadd ma jista’
jgħid li hu eskluż minnu; għax li niġu ttentati kontra
t-tama jista’ jiġrilna anki aħna u mexjin it-triq tal-ħajja
Nisranija. L-irħieb tal-qedem kienu kkundannaw wieħed mill-agħar
għedewwa tal-ħeġġa. Kienu jgħidu hekk: dak id-“demonju
ta’ nofsinhar” li ħajja sħiħa ta’ tħabrik iċediha,
proprju waqt li x-xemx tkun qed tisreġ bil-qawwa fil-għoli. Din
it-tentazzjoni taħsadna meta l-inqas inkunu nistennewha: il-jiem isiru
monotoni u ta’ dwejjaq, l-ebda valur ma jibqa’ jidher li jimmerita
t-taħbit tagħna. Dan l-atteġġjament jissejjaħ telqa li tħassar il-ħajja minn
ġewwa sakemm tħalliha bħal qoxra vojta.
Meta jiġri
dan, in-Nisrani jaf li dik il-kundizzjoni jrid jiġġildilha, u qatt ma
jħalliha tirkeb fuq dahru. Alla ħalaqna għall-ferħ u
għall-kuntentizza, u mhux biex noqogħdu ninħlew fi
ħsibijiet malinkoniċi. Għalhekk hu importanti li nieħdu
ħsieb tal-qalb tagħna, neħduha kontra t-tentazzjonijiet tad-dwejjaq,
li żgur mhumiex ġejjin minn Alla. U hemm fejn is-saħħa tagħna
tidher fjakka u l-battalja kontra l-ansjetà partikularment iebsa, nistgħu
dejjem nirrikorru għall-isem ta’ Ġesù. Nistgħu ntennu dik
it-talba sempliċi, li tagħha nsibu ħjiel anki fil-Vanġelu u
li saret il-fus ta’ tant tradizzjonijiet spiritwali Nsara: “Mulej Ġesù
Kristu, Bin Alla l-ħaj, ħenn għalija midneb!”. X’talba
sabiħa! “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj, ħenn
għalija midneb!”. Din hi talba tat-tama, għax jien indur lejh li
jista’ jiftaħ beraħ il-bibien u jsewwi l-problema u jgħinni
nħares lejn ix-xefaq, ix-xefaq tat-tama.
Ħuti,
m’aħniex waħidna fit-taqbida tagħna kontra l-qtigħ il-qalb.
Jekk Ġesù rebaħ id-dinja, hu jista’ wkoll jirbaħ fina dak kollu
li jeħodha kontra t-tajjeb. Jekk Alla hu magħna, ħadd ma jista’
jisirqilna dik il-virtù li assolutament neħtieġu biex ngħixu.
Ħadd ma jista’ jisirqilna t-tama. Ejjew nibqgħu mexjin!
APPELL
WARA L-KATEKEŻI
Bi pjaċir qed
nilqa’ r-rappreżentanti tal-Caritas, li ġew hawn biex jagħtu
bidu uffiċjali għall-kampanja “Naqsmu l-vjaġġ flimkien” –
isem sabiħ dan li tajtu lill-kampanja tagħkom: naqsmu
l-vjaġġ flimkien –, li ridt li nagħmluh f’din l-udjenza.
Nagħti merħba lill-immigranti, li qed ifittxu l-ażil u
r-rifuġjati li, flimkien mal-ħaddiema tal-Caritas Taljana u ta’
organizzazzjonijiet Kattoliċi oħra, huma sinjal ta’ Knisja li qed
tfittex li tkun miftuħa, inklużiva, akkoljenti. Grazzi lilkom kollha
tas-servizz bla heda tagħkom. Intom diġà ċapċaptu, imma
lilhom jixirqilhom tassew applaws kbir, minn kulħadd!
Bit-tħabrik
tagħkom ta’ kuljum, intom tfakkruna li Kristu nnifsu qed jitlobna
nilqgħu lil ħutna immigranti u refuġjati b’dirgħajna,
b’dirgħajna miftuħa beraħ. Nilqgħu proprju hekk,
b’dirgħajna miftuħa beraħ. Meta d-dirgħajn huma
miftuħa beraħ, huma lesti għal tgħanniqa sinċiera,
għal tgħanniqa kollha mħabba, tgħanniqa li tħaddan
kollox, xi ftit bħal dan il-kolonnat fil-Pjazza, li jirrappreżenta
lill-Knisja omm li tħaddan lil kulħadd u taqsam magħhom l-istess
vjaġġ wieħed.
Nagħti
merħba wkoll lir-rappreżentanti ta’ tant organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili impenjati fl-għajnuna lill-immigranti u
r-rifuġjati li, flimkien mal-Caritas, taw l-għajnuna tagħhom
fil-ġbir tal-firem għal liġi ġdid tal-immigrazzjoni li tkun
iżjed rilevanti għall-kuntest attwali. Nagħtikom ilkoll
merħba.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard