Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

     

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Settembru 2017

 

It-Tama Nisranija – 34. L-għedewwa tat-tama

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Bħalissa aħna qed nitkellmu fuq it-tama; imma llum nixtieq nirrifletti magħkom fuq l-għedewwa tat-tama. Għax it-tama għandha l-għedewwa tagħha: bħal kull ħaġa tajba f’din id-dinja, għandha l-għedewwa tagħha.

 

U ġieni f’moħħi l-mit antik tal-vażett ta’ Pandora: meta jinfetaħ dan il-vażett minnu joħorġu tant diżgrazzji għall-istorja tad-dinja. Imma ftit jiftakruha l-aħħar parti tal-istorja, li tiftaħ bħal xaqq ta’ dawl: wara li jkun ħareġ il-ħażen kollu minn ħalq il-vażett, don ċkejken bħal donnu jerġa’ jgħolli rasu quddiem dak il-ħażen kollu li xtered. Pandora, il-mara li kellha f’idejha l-vażett, tarah l-aħħar ħaġa: il-Griegi jsejħulu elpìs, jiġifieri tama.

 

Dan il-mit jirrakkontalna għaliex għall-bniedem it-tama hi daqshekk importanti. Mhux minnu li “sakemm hemm il-ħajja, hemm it-tama”, kif jingħad. Jekk xejn, il-kuntrarju: hi t-tama li żżomm il-ħajja fuq saqajha, li tipproteġiha, li tħarisha u li tkabbarha. Li kieku l-bnedmin ma rawmux fihom it-tama, li kieku ma ħallewx din il-virtù tweżinhom, qatt ma kienu joħorġu mill-għerien, u ma kienu jħallu l-ebda marka fl-istorja tad-dinja. Din hi l-aktar ħaġa divina li tista’ teżisti fil-qalb tal-bniedem.

 

Poeta Franċiż – Charles Péguy ħallielna paġni mill-isbaħ fuq it-tama (ara Il-portiku tal-misteru tat-tieni virtù). B’mod poetiku hu jgħidilna li Alla ma jistagħġibx daqshekk bil-fidi tal-bnedmin, u lanqas bl-imħabba tagħhom; imma dak li tassew jimlieh bl-għoġba u jqanqallu qalbu hi t-tama tal-bnedmin: “Li dawn l-ulied imsejkna”, jikteb, “qed jaraw kif sejrin l-affarijiet u jemmnu li għada filgħodu sa jkunu aħjar”. Ix-xbieha tal-poeta tfakkarna fl-uċuħ ta’ tant bnedmin li għaddew minn din id-dinja – bdiewa, ħaddiema foqra, immigranti jfittxu futur aħjar – li ssieltu bil-qawwa minkejja l-imrar tal-preżent iebes, miżgħud b’tant provi, imma misjuqa mill-fiduċja li wliedhom kien sa jkollhom ħajja iżjed ġusta u iżjed serena. Issieltu għal uliedhom, issieltu fit-tama.

 

It-tama hi l-ispinta fil-qalb ta’ min jitlaq u jħalli d-dar, l-art, xi kultant anki l-familjari u l-qraba – qed jiġuni f’moħħi l-immigranti –, biex ifittex ħajja aħjar, li tixraq iżjed lilu u lill-għeżież tiegħu. U hi wkoll spinta fil-qalb ta’ min jilqa’: ix-xewqa li jiltaqgħu, li jagħrfu lil xulxin, li jiddjalogaw… It-tama hi l-ispinta biex “naqsmu fil-vjaġġ”, għax il-vjaġġ isir minn tnejn flimkien: dawk li jaslu fl-art tagħna, u aħna li nersqu lejn qalbhom, biex nifhmuhom, biex nifhmu l-kultura tagħhom, l-ilsien tagħhom. Hu vjaġġ bejn tnejn, imma mingħajr tama dak il-vjaġġ ma nistgħux nagħmluh. It-tama hi l-ispinta biex naqsmu l-vjaġġ tal-ħajja, kif tfakkarna l-Kampanja tal-Caritas li qed ninawguraw illum. Ħuti, ejjew ma nibżgħux naqsmu l-vjaġġ flimkien! Ejjew ma nibżgħux! Ma nibżgħux naqsmu t-tama!

 

It-tama mhijiex virtù għal min għandu l-istonku mimli. Huwa għalhekk li, minn dejjem, il-foqra huma l-ewwel li jġorru fihom it-tama. U f’dan is-sens nistgħu ngħidu li l-foqra, anki t-tallaba, huma l-protagonisti tal-Istorja. Biex daħal fid-dinja, Alla ġie bżonn tagħhom: ta’ Ġużeppi u ta’ Marija, tar-ragħajja ta’ Betlehem. Fil-lejl tal-ewwel Milied kien hemm dinja rieqda, komda b’ħafna ċertezzi li kienet kisbet. Imma ċ-ċkejkna kienu qed iħejju fis-satra r-rivoluzzjoni tat-tjieba. Kienu foqra għalkollox, xi ħadd forsi kien iżomm xi ftit fil-wiċċ tas-sopravivenza, imma kienu għonja bl-aktar ġid prezzjuż li jeżisti fid-dinja, jiġifieri r-rieda li jġibu bidla.

 

Xi drabi, li l-ħajja tkun tatek kollox hija sfortuna. Aħsbu ftit f’żagħżugħ li qatt m’għallmuh il-virtù tal-istennija u tas-sabar, li ma kellu għalfejn jagħraq għall-ebda raġuni, li ħarat it-triq u ta’ għoxrin sena “diġà jaf kif timxi d-dinja”; dan ġie ddestinat għall-agħar kundanna: dik li ma jixtieq xejn iżjed. Hi din, l-agħar kundanna. Jagħlaq il-bieb tiegħu għax-xewqat, għall-ħolm. Jidher żagħżugħ, imma fil-verità diġà xirfet ix-xitwa fuq qalbu. Huma ż-żgħażagħ tax-xitwa.

 

Li jkollok qalb vojta hi l-agħar xkiel għat-tama. Hu riskju li ħadd ma jista’ jgħid li hu eskluż minnu; għax li niġu ttentati kontra t-tama jista’ jiġrilna anki aħna u mexjin it-triq tal-ħajja Nisranija. L-irħieb tal-qedem kienu kkundannaw wieħed mill-agħar għedewwa tal-ħeġġa. Kienu jgħidu hekk: dak id-“demonju ta’ nofsinhar” li ħajja sħiħa ta’ tħabrik iċediha, proprju waqt li x-xemx tkun qed tisreġ bil-qawwa fil-għoli. Din it-tentazzjoni taħsadna meta l-inqas inkunu nistennewha: il-jiem isiru monotoni u ta’ dwejjaq, l-ebda valur ma jibqa’ jidher li jimmerita t-taħbit tagħna. Dan l-atteġġjament jissejjaħ telqa li tħassar il-ħajja minn ġewwa sakemm tħalliha bħal qoxra vojta.

 

Meta jiġri dan, in-Nisrani jaf li dik il-kundizzjoni jrid jiġġildilha, u qatt ma jħalliha tirkeb fuq dahru. Alla ħalaqna għall-ferħ u għall-kuntentizza, u mhux biex noqogħdu ninħlew fi ħsibijiet malinkoniċi. Għalhekk hu importanti li nieħdu ħsieb tal-qalb tagħna, neħduha kontra t-tentazzjonijiet tad-dwejjaq, li żgur mhumiex ġejjin minn Alla. U hemm fejn is-saħħa tagħna tidher fjakka u l-battalja kontra l-ansjetà partikularment iebsa, nistgħu dejjem nirrikorru għall-isem ta’ Ġesù. Nistgħu ntennu dik it-talba sempliċi, li tagħha nsibu ħjiel anki fil-Vanġelu u li saret il-fus ta’ tant tradizzjonijiet spiritwali Nsara: “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj, ħenn għalija midneb!”. X’talba sabiħa! “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj, ħenn għalija midneb!”. Din hi talba tat-tama, għax jien indur lejh li jista’ jiftaħ beraħ il-bibien u jsewwi l-problema u jgħinni nħares lejn ix-xefaq, ix-xefaq tat-tama.

 

Ħuti, m’aħniex waħidna fit-taqbida tagħna kontra l-qtigħ il-qalb. Jekk Ġesù rebaħ id-dinja, hu jista’ wkoll jirbaħ fina dak kollu li jeħodha kontra t-tajjeb. Jekk Alla hu magħna, ħadd ma jista’ jisirqilna dik il-virtù li assolutament neħtieġu biex ngħixu. Ħadd ma jista’ jisirqilna t-tama. Ejjew nibqgħu mexjin!

 


 

APPELL WARA L-KATEKEŻI

 

Bi pjaċir qed nilqa’ r-rappreżentanti tal-Caritas, li ġew hawn biex jagħtu bidu uffiċjali għall-kampanja “Naqsmu l-vjaġġ flimkien” – isem sabiħ dan li tajtu lill-kampanja tagħkom: naqsmu l-vjaġġ flimkien –, li ridt li nagħmluh f’din l-udjenza. Nagħti merħba lill-immigranti, li qed ifittxu l-ażil u r-rifuġjati li, flimkien mal-ħaddiema tal-Caritas Taljana u ta’ organizzazzjonijiet Kattoliċi oħra, huma sinjal ta’ Knisja li qed tfittex li tkun miftuħa, inklużiva, akkoljenti. Grazzi lilkom kollha tas-servizz bla heda tagħkom. Intom diġà ċapċaptu, imma lilhom jixirqilhom tassew applaws kbir, minn kulħadd!

 

Bit-tħabrik tagħkom ta’ kuljum, intom tfakkruna li Kristu nnifsu qed jitlobna nilqgħu lil ħutna immigranti u refuġjati b’dirgħajna, b’dirgħajna miftuħa beraħ. Nilqgħu proprju hekk, b’dirgħajna miftuħa beraħ. Meta d-dirgħajn huma miftuħa beraħ, huma lesti għal tgħanniqa sinċiera, għal tgħanniqa kollha mħabba, tgħanniqa li tħaddan kollox, xi ftit bħal dan il-kolonnat fil-Pjazza, li jirrappreżenta lill-Knisja omm li tħaddan lil kulħadd u taqsam magħhom l-istess vjaġġ wieħed.

 

Nagħti merħba wkoll lir-rappreżentanti ta’ tant organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili impenjati fl-għajnuna lill-immigranti u r-rifuġjati li, flimkien mal-Caritas, taw l-għajnuna tagħhom fil-ġbir tal-firem għal liġi ġdid tal-immigrazzjoni li tkun iżjed rilevanti għall-kuntest attwali. Nagħtikom ilkoll merħba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard