IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 26 ta’ April
2017
It-Tama Nisranija – 20. “Jiena magħkom
dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20):
il-wegħda li timla bit-tama
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
“Jiena
magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).
Dawn l-aħħar kelmiet tal-Vanġelu ta’ Mattew ifakkruna
fit-tħabbira profetika li nsibu fil-bidu: “U jsemmuh Għimmanu-El, li
bi lsienna jfisser Alla magħna”
(Mt 1:23; ara Is 7:14). Alla hu magħna, il-jiem kollha,
sal-aħħar taż-żmien. Ġesù jimxi magħna, kuljum,
sal-aħħar taż-żmien. Il-Vanġelu kollu hu miġbur
bejn dawn iż-żewġ kwotazzjonijiet, kelmiet li jwasslulna
l-misteru ta’ Alla li ismu, l-identità tiegħu hi li jkun magħna: mhuwiex Alla iżolat, hu Alla-ma’, b’mod
partikulari magħna,
jiġifieri mal-bnedmin. Alla tagħna mhuwiex Alla assenti, maħtuf
minn xi sema mbiegħed ħafna; imma hu Alla “appassjonat”
għall-bniedem, li jħobbu bi ħlewwa tant kbira li mhux
kapaċi jinfired minnu. Aħna l-bnedmin kapaċi nfarrku r-rabtiet u
l-pontijiet. Imma hu le. Jekk qalbna tixraf, tiegħu tibqa’ dejjem tarmi
s-sħana. Alla tagħna dejjem jimxi magħna, anki jekk b’xorti
ħażina aħna ninsewh. Fuq dik il-linja li tifred in-nuqqas ta’
twemmin mill-fidi, hi deċiżiva l-kixfa li aħna maħbuba u
msieħba mill-Missier tagħna, li hu qatt ma jitlaqna għal
riħna.
Il-ħajja tagħna hi pellegrinaġġ, mixja. Imqar dawk li huma mqanqla minn
tama sempliċement umana, jintebħu li x-xefaq qed jiġbidhom lejh,
li qed iħajjarhom jesploraw dinjiet li għadhom ma jafuhomx.
Ir-ruħ tagħna hi ruħ
pellegrina. Il-Bibbja mimlija stejjer ta’ pellegrini u
vjaġġaturi. Is-sejħa ta’ Abraham tiftaħ b’dan il-kmand:
“Qum u itlaq minn artek” (Ġen 12:1). U l-patrijarka ħalla dik
ir-rokna tad-dinja li kien jafha tajjeb u li kienet benniena
taċ-ċiviltà ta’ żmienu. Kollox kien jipponta kontra s-sens ta’
dak il-vjaġġ. Imma Abraham qabad u telaq. Ma nistgħux insiru
rġiel u nisa maturi jekk ma nħossux ix-xefaq jiġbidna lejh: dak
il-limitu bejn sema u art li jsejjaħ lejh poplu ta’ nies mexjin.
Fil-mixja
tiegħu fid-dinja, il-bniedem mhu qatt waħdu. Fuq kollox, in-Nisrani ma jħossu qatt
abbandunat, għax Ġesù jiżgurana mhux biss li ħa jkun qed jistenniena
fi tmiem il-vjaġġ twil tagħna, imma li ħa jimxi magħna
f’kull jum ta’ ħajjitna.
Kemm sa jdum Alla jieħu ħsieb tal-bniedem?
Sa meta l-Mulej Ġesù, li jimxi magħna, sa meta sa jibqa’ jieħu
ħsiebna? It-tweġiba tal-Vanġelu ma tħallix lok għal
dubju: sal-aħħar
taż-żmien! Jgħaddu s-smewwiet, tgħaddi l-art,
jitħassru t-tamiet umani, imma l-Kelma ta’ Alla hi ogħla minn kollox
u ma tgħaddix. U hu jkun Alla magħna, Alla Ġesù li jimxi
magħna. Ma jkunx hemm jum minn ħajjitna li fih ma nibqgħux
il-ħsieb fuq moħħ u qalb Alla. Imma xi ħadd jista’ jgħidli:
“Imma int x’qed tgħid?”. Qed ngħid: mhux sa jkun hemm jum minn
ħajjitna fejn ma nibqgħux fil-ħsieb u l-qalb ta’ Alla. Hu
ħsiebu fina, u jimxi magħna. U għaliex jagħmel dan?
Sempliċement għax iħobbna. Fhimtuh dan? Iħobbna! U Alla
żgur sa jipprovdi għal dak kollu li neħtieġu, mhux sa
jitlaqna waħidna fi żmien il-prova u d-dalma. Din
iċ-ċertezza trid tbejjet fil-qalb tagħna biex ma tintefa qatt.
Hemm min isejħilha “Providenza”. Jiġifieri l-qrubija ta’ Alla,
l-imħabba ta’ Alla, il-mixi ta’ Alla magħna jissejjaħ ukoll
il-“Providenza ta’ Alla”: hu jipprovdi għal ħajjitna.
Mhux ta’ b’xejn li qalb is-simboli Nsara
tat-tama hemm wieħed li lili jogħġobni wisq: l-ankra. Din tesprimi l-fatt li t-tama
tagħna mhix vojta; ma rridux inħawduha mas-sentiment li jinbidel ta’
min irid itejjeb il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja b’mod xejn realistiku,
għax jistrieħ biss fuq is-saħħa tar-rieda tiegħu
nnifsu. Fil-fatt, it-tama Nisranija ssib għeruqha mhux fil-ġibda
tal-futur, imma fiċ-ċertezza
ta’ dak li Alla wiegħed u wettaq f’Ġesù Kristu. Jekk hu
ggarantielna li mhux sa jitlaqna qatt, jekk il-bidu ta’ kull vokazzjoni hu
“Ejja warajja”, li biha hu jiżgurana li sa jibqa’ miexi dejjem quddiemna,
allura għaliex nibżgħu? B’din il-wegħda, l-Insara
jistgħu jmorru kullimkien. Anki jekk naqsmu partijiet tad-dinja li sfaw
midruba, fejn l-affarijiet mhumiex sejrin sew, aħna nkunu fost dawk li
mqar hemm jibqgħu jittamaw. Jgħid is-Salm: “Imqar jekk nimxi f’wied
mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi” (Salm
23:4). Hu sewwasew fejn joktor id-dlam li hemm bżonn inżommu
mixgħul id-dawl. Lura għall-ankra. Il-fidi tagħna hi l-ankra
fis-sema. Aħna għandna ħajjitna ankrata fis-sema. Xi rridu
nagħmlu? Niggranfaw mal-ħabel: dan dejjem hemm. U nibqgħu mexjin
għax aħna żguri li l-ħajja tagħna għandha
bħal ankra fis-sema, fuq dak ix-xatt fejn se naslu.
Daż-żgur, li kellna nafdaw biss fuq
is-saħħa tagħna, kien ikollna raġuni inħossuna
delużi u mirbuħa, għax id-dinja spiss twebbes rasha quddiem
il-liġijiet tal-imħabba. Ħafna drabi tippreferi l-liġijiet
tal-egoiżmu. Imma jekk tibqa’ ħajja fina ċ-ċertezza li Alla
ma jitlaqniex waħidna, li Alla jħobb bi ħlewwa liema bħalha
lilna u lil din id-dinja, allura dritt tinbidel il-perspettiva.
“Homo viator, spe erectus”,
kienu
jgħidu l-antiki. Matul il-mixja, il-wegħda ta’ Ġesù “Jiena
magħkom” iżżommna fuq riġlejna, weqfin, bit-tama, nafdaw li
Alla kollu tjieba diġà qed jaħdem biex iwettaq dak li umanament
jidher impossibbli, għax l-ankra qiegħda fuq ix-xtajta
tal-Ġenna.
Il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla hu poplu fuq
riġlejh
– “homo viator” – u
jinsab miexi, imma fuq riġlejh,
“erectus”,
u miexi fit-tama. U kull fejn imur, jaf li
l-imħabba ta’ Alla waslet hemm qablu: m’hemm l-ebda parti tad-dinja li
tista’ taħrab mir-rebħa ta’ Kristu Rxoxt. U liema hi r-rebħa ta’
Kristu Rxoxt? Ir-rebħa tal-imħabba. Grazzi.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard