Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

     

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ April 2017

 

It-Tama Nisranija – 20. “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20):

il-wegħda li timla bit-tama

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Dawn l-aħħar kelmiet tal-Vanġelu ta’ Mattew ifakkruna fit-tħabbira profetika li nsibu fil-bidu: “U jsemmuh Għimmanu-El, li bi lsienna jfisser Alla magħna” (Mt 1:23; ara Is 7:14). Alla hu magħna, il-jiem kollha, sal-aħħar taż-żmien. Ġesù jimxi magħna, kuljum, sal-aħħar taż-żmien. Il-Vanġelu kollu hu miġbur bejn dawn iż-żewġ kwotazzjonijiet, kelmiet li jwasslulna l-misteru ta’ Alla li ismu, l-identità tiegħu hi li jkun magħna: mhuwiex Alla iżolat, hu Alla-ma’, b’mod partikulari magħna, jiġifieri mal-bnedmin. Alla tagħna mhuwiex Alla assenti, maħtuf minn xi sema mbiegħed ħafna; imma hu Alla “appassjonat” għall-bniedem, li jħobbu bi ħlewwa tant kbira li mhux kapaċi jinfired minnu. Aħna l-bnedmin kapaċi nfarrku r-rabtiet u l-pontijiet. Imma hu le. Jekk qalbna tixraf, tiegħu tibqa’ dejjem tarmi s-sħana. Alla tagħna dejjem jimxi magħna, anki jekk b’xorti ħażina aħna ninsewh. Fuq dik il-linja li tifred in-nuqqas ta’ twemmin mill-fidi, hi deċiżiva l-kixfa li aħna maħbuba u msieħba mill-Missier tagħna, li hu qatt ma jitlaqna għal riħna.

 

Il-ħajja tagħna hi pellegrinaġġ, mixja. Imqar dawk li huma mqanqla minn tama sempliċement umana, jintebħu li x-xefaq qed jiġbidhom lejh, li qed iħajjarhom jesploraw dinjiet li għadhom ma jafuhomx. Ir-ruħ tagħna hi ruħ pellegrina. Il-Bibbja mimlija stejjer ta’ pellegrini u vjaġġaturi. Is-sejħa ta’ Abraham tiftaħ b’dan il-kmand: “Qum u itlaq minn artek” (Ġen 12:1). U l-patrijarka ħalla dik ir-rokna tad-dinja li kien jafha tajjeb u li kienet benniena taċ-ċiviltà ta’ żmienu. Kollox kien jipponta kontra s-sens ta’ dak il-vjaġġ. Imma Abraham qabad u telaq. Ma nistgħux insiru rġiel u nisa maturi jekk ma nħossux ix-xefaq jiġbidna lejh: dak il-limitu bejn sema u art li jsejjaħ lejh poplu ta’ nies mexjin.

 

Fil-mixja tiegħu fid-dinja, il-bniedem mhu qatt waħdu. Fuq kollox, in-Nisrani ma jħossu qatt abbandunat, għax Ġesù jiżgurana mhux biss li ħa jkun qed jistenniena fi tmiem il-vjaġġ twil tagħna, imma li ħa jimxi magħna f’kull jum ta’ ħajjitna.

 

Kemm sa jdum Alla jieħu ħsieb tal-bniedem? Sa meta l-Mulej Ġesù, li jimxi magħna, sa meta sa jibqa’ jieħu ħsiebna? It-tweġiba tal-Vanġelu ma tħallix lok għal dubju: sal-aħħar taż-żmien! Jgħaddu s-smewwiet, tgħaddi l-art, jitħassru t-tamiet umani, imma l-Kelma ta’ Alla hi ogħla minn kollox u ma tgħaddix. U hu jkun Alla magħna, Alla Ġesù li jimxi magħna. Ma jkunx hemm jum minn ħajjitna li fih ma nibqgħux il-ħsieb fuq moħħ u qalb Alla. Imma xi ħadd jista’ jgħidli: “Imma int x’qed tgħid?”. Qed ngħid: mhux sa jkun hemm jum minn ħajjitna fejn ma nibqgħux fil-ħsieb u l-qalb ta’ Alla. Hu ħsiebu fina, u jimxi magħna. U għaliex jagħmel dan? Sempliċement għax iħobbna. Fhimtuh dan? Iħobbna! U Alla żgur sa jipprovdi għal dak kollu li neħtieġu, mhux sa jitlaqna waħidna fi żmien il-prova u d-dalma. Din iċ-ċertezza trid tbejjet fil-qalb tagħna biex ma tintefa qatt. Hemm min isejħilha “Providenza”. Jiġifieri l-qrubija ta’ Alla, l-imħabba ta’ Alla, il-mixi ta’ Alla magħna jissejjaħ ukoll il-“Providenza ta’ Alla”: hu jipprovdi għal ħajjitna.

 

Mhux ta’ b’xejn li qalb is-simboli Nsara tat-tama hemm wieħed li lili jogħġobni wisq: ­l-ankra. Din tesprimi l-fatt li t-tama tagħna mhix vojta; ma rridux inħawduha mas-sentiment li jinbidel ta’ min irid itejjeb il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja b’mod xejn realistiku, għax jistrieħ biss fuq is-saħħa tar-rieda tiegħu nnifsu. Fil-fatt, it-tama Nisranija ssib għeruqha mhux fil-ġibda tal-futur, imma fiċ-ċertezza ta’ dak li Alla wiegħed u wettaq f’Ġesù Kristu. Jekk hu ggarantielna li mhux sa jitlaqna qatt, jekk il-bidu ta’ kull vokazzjoni hu “Ejja warajja”, li biha hu jiżgurana li sa jibqa’ miexi dejjem quddiemna, allura għaliex nibżgħu? B’din il-wegħda, l-Insara jistgħu jmorru kullimkien. Anki jekk naqsmu partijiet tad-dinja li sfaw midruba, fejn l-affarijiet mhumiex sejrin sew, aħna nkunu fost dawk li mqar hemm jibqgħu jittamaw. Jgħid is-Salm: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi” (Salm 23:4). Hu sewwasew fejn joktor id-dlam li hemm bżonn inżommu mixgħul id-dawl. Lura għall-ankra. Il-fidi tagħna hi l-ankra fis-sema. Aħna għandna ħajjitna ankrata fis-sema. Xi rridu nagħmlu? Niggranfaw mal-ħabel: dan dejjem hemm. U nibqgħu mexjin għax aħna żguri li l-ħajja tagħna għandha bħal ankra fis-sema, fuq dak ix-xatt fejn se naslu.

 

Daż-żgur, li kellna nafdaw biss fuq is-saħħa tagħna, kien ikollna raġuni inħossuna delużi u mirbuħa, għax id-dinja spiss twebbes rasha quddiem il-liġijiet tal-imħabba. Ħafna drabi tippreferi l-liġijiet tal-egoiżmu. Imma jekk tibqa’ ħajja fina ċ-ċertezza li Alla ma jitlaqniex waħidna, li Alla jħobb bi ħlewwa liema bħalha lilna u lil din id-dinja, allura dritt tinbidel il-perspettiva. Homo viator, spe erectus”, kienu jgħidu l-antiki. Matul il-mixja, il-wegħda ta’ Ġesù “Jiena magħkom” iżżommna fuq riġlejna, weqfin, bit-tama, nafdaw li Alla kollu tjieba diġà qed jaħdem biex iwettaq dak li umanament jidher impossibbli, għax l-ankra qiegħda fuq ix-xtajta tal-Ġenna.

 

Il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla hu poplu fuq riġlejh – “homo viator” – u jinsab miexi, imma fuq riġlejh, “erectus”, u miexi fit-tama. U kull fejn imur, jaf li l-imħabba ta’ Alla waslet hemm qablu: m’hemm l-ebda parti tad-dinja li tista’ taħrab mir-rebħa ta’ Kristu Rxoxt. U liema hi r-rebħa ta’ Kristu Rxoxt? Ir-rebħa tal-imħabba. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard