IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Awla
Pawlu VI
L-Erbgħa
18 ta’ Jannar
2017
It-Tama
Nisranija – 7. Ġona: it-tama u t-talb
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba.
Fl-Iskrittura
Mqaddsa, fost il-profeti ta’ Israel, tispikka figura xi ftit stramba, profeta
li jipprova jiżgiċċa mis-sejħa tal-Mulej u jirrifjuta li
joqgħod għas-servizz tal-pjan divin tal-fidwa. Dan hu l-profeta
Ġona, li l-istorja tiegħu jirrakkontaha ktejjeb ċkejken ta’
erba’ kapitli biss, għamla ta’ parabbola li fiha tagħlima kbira, dik
tal-ħniena ta’ Alla li taħfer.
Ġona hu
profeta “li joħroġ” u wkoll profeta li jaħrab! Hu profeta li
joħroġ u li Alla jibagħtu “fil-periferija”, f’Ninwe, biex
jikkonverti lin-nies ta’ dik il-belt kbira. Imma Ninwe, għal Israelita
bħal Ġona, kienet tirrappreżenta realtà ta’ theddida,
l-għadu li kien qed jipperikola l-ħajja ta’ Ġerusalemm infisha,
u għalhekk kellha tiġi meqruda, u żgur mhux salvata.
Għalhekk, meta Alla jibgħat lil Ġona jipprietka f’dik il-belt,
il-profeta, li jaf kemm hu twajjeb il-Mulej u kemm jixtieq jaħfer,
jipprova jiżgiċċa mid-dmir li jmiss lilu u jaħrab.
Matul
il-ħarba tiegħu, il-profeta jidħol f’kuntatt mal-pagani,
il-baħrin tal-ġifen li fuqu kien tela’ biex jitbiegħed minn Alla
u mill-missjoni tiegħu. U jaħrab ’il bogħod, għax Ninwe
kienet fiz-zona tal-Iraq u hu jaħrab lejn Spanja, jaħrab tassew. U hi
sewwasew l-imġiba ta’ dawn l-irġiel pagani, kif imbagħad kellha
tkun dik ta’ Ninwe, li llum tippermettilna nirriflettu xi ftit fuq it-tama li, quddiem il-periklu u l-mewt, wieħed jesprimiha fit-talb.
Fil-fatt, huma u
jaqsmu l-baħar, qam riefnu qawwi, u Ġona jinżel fl-istiva
tal-ġifen u jorqod. Min-naħa l-oħra l-baħrin, meta raw li
kienu sa jintilfu, “kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla
tiegħu” (Ġon 1:5). Il-kaptan tal-ġifen qajjem lil Ġona u
qallu: “Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek!
Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux!” (Ġon 1:6).
Ir-reazzjoni ta’
dawn il-“pagani” hi r-reazzjoni t-tajba quddiem il-mewt, quddiem il-periklu;
għax hu hemm li l-bniedem jagħmel esperjenza sħiħa
tad-dgħufija tiegħu u l-bżonn li jsalva. Il-biża’ naturali
li mmutu jikxef il-ħtieġa li nittamaw
f’Alla tal-ħajja. “Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma
nintilfux!”: hu l-kliem tat-tama li ssir
talba, dik il-karba tal-biża’ li titla’ fuq ix-xufftejn ta’ min jinsab
quddiem periklu imminenti ta’ mewt.
Wisq drabi
aħna nduru lejn Alla fil-bżonn, f’talba li tiġbed lejna, u
għalhekk hi imperfetta. Imma Alla jaf bid-dgħufija tagħna, jaf
li niftakru fih biex nitolbuh l-għajnuna, u bit-tbissima twajba ta’
missier, Alla jwieġeb kollu tjieba magħna.
Meta Ġona
għaraf ir-responsabbiltà li kellu u nxteħet fil-baħar biex
isalva lil sħabu tal-vjaġġ, it-tempesta siktet. Il-mewt
imminenti wasslet lil dawk l-irġiel pagani biex jitolbu, u hekk b’xi mod
il-profeta, minkejja kollox, seta’ jgħix is-sejħa tiegħu
għall-qadi tal-oħrajn billi aċċetta li jissagrifika
ruħu għalihom, u issa jwassal lil dawk li salvaw mill-għarqa
biex jagħrfu lill-veru Alla u jagħtuh ġieħ. Il-baħrin,
li kienu bdew jitolbu minħabba fil-biża’ li ħakimhom u daru fuq
l-allat tagħhom, issa, b’biża’ sinċier tal-Mulej, jagħrfu
lill-veru Alla u joffru sagrifiċċji u jagħmlulu l-wegħdiet
tagħhom. It-tama, li kienet wasslithom biex jitolbu li ma jmutux, tidher
iktar qawwija u tinseġ realtà li tmur anki lil hinn minn dak kollu li huma
kienu qed jittamaw: mhux biss ma jintilfux fit-tempesta, imma jiftħu
qalbhom għall-għarfien ta’ Alla l-veru u waħdieni tas-sema u
tal-art.
Iktar tard,
l-istess nies ta’ Ninwe, quddiem il-possibbiltà li jisfaw meqruda, jitolbu, imqanqla mit-tama fil-maħfra ta’ Alla. Jagħmlu penitenza,
jitolbu lill-Mulej u jduru lura b’qalbhom lejh, ibda mis-sultan, li,
bħall-kaptan tal-ġifen, jittama u jgħid: “Min jaf jekk Alla
jibdilux u jisgħobbx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u
aħna ma nintilfux?” (Ġn 3:9). Anki għalihom, kif ġara
għall-ekwipaġġ fit-tempesta, il-fatt li ħabbtu
wiċċhom mal-mewt u ħarġu salvi wassalhom għall-verità.
Hekk, taħt il-ħniena divina, u iżjed u iżjed fid-dawl
tal-Misteru tal-Għid, il-mewt tista’ ssir, kif saret għal San
Franġisk ta’ Assisi, “oħtna l-mewt” u tirrappreżenta, għal
kull bniedem u għal kull wieħed u waħda minna, l-okkażjoni
sorprendenti biex nagħrfu t-tama u niltaqgħu mal-Mulej. Jalla l-Mulej
ifehemna din ir-rabta bejn it-talb u t-tama. It-talb imexxik lejn it-tama u
meta l-affarijiet jiddallmu, hemm bżonn ta’ iżjed talb! U tikber
ukoll it-tama. Grazzi.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard