Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

       

 

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2017

 

It-Tama Nisranija – 7. Ġona: it-tama u t-talb

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Fl-Iskrittura Mqaddsa, fost il-profeti ta’ Israel, tispikka figura xi ftit stramba, profeta li jipprova jiżgiċċa mis-sejħa tal-Mulej u jirrifjuta li joqgħod għas-servizz tal-pjan divin tal-fidwa. Dan hu l-profeta Ġona, li l-istorja tiegħu jirrakkontaha ktejjeb ċkejken ta’ erba’ kapitli biss, għamla ta’ parabbola li fiha tagħlima kbira, dik tal-ħniena ta’ Alla li taħfer.

 

Ġona hu profeta “li joħroġ” u wkoll profeta li jaħrab! Hu profeta li joħroġ u li Alla jibagħtu “fil-periferija”, f’Ninwe, biex jikkonverti lin-nies ta’ dik il-belt kbira. Imma Ninwe, għal Israelita bħal Ġona, kienet tirrappreżenta realtà ta’ theddida, l-għadu li kien qed jipperikola l-ħajja ta’ Ġerusalemm infisha, u għalhekk kellha tiġi meqruda, u żgur mhux salvata. Għalhekk, meta Alla jibgħat lil Ġona jipprietka f’dik il-belt, il-profeta, li jaf kemm hu twajjeb il-Mulej u kemm jixtieq jaħfer, jipprova jiżgiċċa mid-dmir li jmiss lilu u jaħrab.

 

Matul il-ħarba tiegħu, il-profeta jidħol f’kuntatt mal-pagani, il-baħrin tal-ġifen li fuqu kien tela’ biex jitbiegħed minn Alla u mill-missjoni tiegħu. U jaħrab ’il bogħod, għax Ninwe kienet fiz-zona tal-Iraq u hu jaħrab lejn Spanja, jaħrab tassew. U hi sewwasew l-imġiba ta’ dawn l-irġiel pagani, kif imbagħad kellha tkun dik ta’ Ninwe, li llum tippermettilna nirriflettu xi ftit fuq it-tama li, quddiem il-periklu u l-mewt, wieħed jesprimiha fit-talb.

 

Fil-fatt, huma u jaqsmu l-baħar, qam riefnu qawwi, u Ġona jinżel fl-istiva tal-ġifen u jorqod. Min-naħa l-oħra l-baħrin, meta raw li kienu sa jintilfu, “kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu” (Ġon 1:5). Il-kaptan tal-ġifen qajjem lil Ġona u qallu: “Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux!” (Ġon 1:6).

 

Ir-reazzjoni ta’ dawn il-“pagani” hi r-reazzjoni t-tajba quddiem il-mewt, quddiem il-periklu; għax hu hemm li l-bniedem jagħmel esperjenza sħiħa tad-dgħufija tiegħu u l-bżonn li jsalva. Il-biża’ naturali li mmutu jikxef il-ħtieġa li nittamaw f’Alla tal-ħajja. “Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux!”: hu l-kliem tat-tama li ssir talba, dik il-karba tal-biża’ li titla’ fuq ix-xufftejn ta’ min jinsab quddiem periklu imminenti ta’ mewt.

 

Wisq drabi aħna nduru lejn Alla fil-bżonn, f’talba li tiġbed lejna, u għalhekk hi imperfetta. Imma Alla jaf bid-dgħufija tagħna, jaf li niftakru fih biex nitolbuh l-għajnuna, u bit-tbissima twajba ta’ missier, Alla jwieġeb kollu tjieba magħna.

 

Meta Ġona għaraf ir-responsabbiltà li kellu u nxteħet fil-baħar biex isalva lil sħabu tal-vjaġġ, it-tempesta siktet. Il-mewt imminenti wasslet lil dawk l-irġiel pagani biex jitolbu, u hekk b’xi mod il-profeta, minkejja kollox, seta’ jgħix is-sejħa tiegħu għall-qadi tal-oħrajn billi aċċetta li jissagrifika ruħu għalihom, u issa jwassal lil dawk li salvaw mill-għarqa biex jagħrfu lill-veru Alla u jagħtuh ġieħ. Il-baħrin, li kienu bdew jitolbu minħabba fil-biża’ li ħakimhom u daru fuq l-allat tagħhom, issa, b’biża’ sinċier tal-Mulej, jagħrfu lill-veru Alla u joffru sagrifiċċji u jagħmlulu l-wegħdiet tagħhom. It-tama, li kienet wasslithom biex jitolbu li ma jmutux, tidher iktar qawwija u tinseġ realtà li tmur anki lil hinn minn dak kollu li huma kienu qed jittamaw: mhux biss ma jintilfux fit-tempesta, imma jiftħu qalbhom għall-għarfien ta’ Alla l-veru u waħdieni tas-sema u tal-art.

 

Iktar tard, l-istess nies ta’ Ninwe, quddiem il-possibbiltà li jisfaw meqruda, jitolbu, imqanqla mit-tama fil-maħfra ta’ Alla. Jagħmlu penitenza, jitolbu lill-Mulej u jduru lura b’qalbhom lejh, ibda mis-sultan, li, bħall-kaptan tal-ġifen, jittama u jgħid: “Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobbx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux?” (Ġn 3:9). Anki għalihom, kif ġara għall-ekwipaġġ fit-tempesta, il-fatt li ħabbtu wiċċhom mal-mewt u ħarġu salvi wassalhom għall-verità. Hekk, taħt il-ħniena divina, u iżjed u iżjed fid-dawl tal-Misteru tal-Għid, il-mewt tista’ ssir, kif saret għal San Franġisk ta’ Assisi, “oħtna l-mewt” u tirrappreżenta, għal kull bniedem u għal kull wieħed u waħda minna, l-okkażjoni sorprendenti biex nagħrfu t-tama u niltaqgħu mal-Mulej. Jalla l-Mulej ifehemna din ir-rabta bejn it-talb u t-tama. It-talb imexxik lejn it-tama u meta l-affarijiet jiddallmu, hemm bżonn ta’ iżjed talb! U tikber ukoll it-tama. Grazzi.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard