IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 15 ta’ Marzu
2017
It-Tama Nisranija –
14.
Nifirħu
bit-tama (ara
Rum
12:9-13)
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Nafu tajjeb li l-kmandament il-kbir li ħallielna
l-Mulej Ġesù hu dak tal-imħabba: inħobbu lil Alla b’qalbna
kollha, b’ruħna kollha u b’moħħna kollu, u nħobbu
lill-proxxmu bħalna nfusna (ara Mt 22:37-39), jiġifieri aħna
msejħin għall-imħabba, għall-karità. U din hi l-ogħla
sejħa tagħna, l-ogħla vokazzjoni per eċċellenza; u
magħha hu marbut ukoll il-ferħ tat-tama Nisranija. Min iħobb
għandu l-ferħ tat-tama, li jasal biex jiltaqa’ mal-imħabba kbira
li hu l-Mulej.
L-Appostlu Pawlu, fis-silta tal-Ittra lir-Rumani
li għadna kemm smajna, jiftħilna għajnejna: hemm ir-riskju li
l-karità tagħna tkun wiċċ b’ieħor, li l-imħabba
tagħna tkun wiċċ b’ieħor. Għalhekk irridu nistaqsu
lilna nfusna: Meta jiġri li nuru wiċċ b’ieħor? U kif
nistgħu nkunu żguri li l-imħabba tagħna hi sinċiera,
li l-karità tagħna hi awtentika? Li ma nkunux nagħmlu tabirruħna
qed nagħmlu karità jew li l-imħabba tagħna tkun bħal
tas-serje televiżivi: imħabba sinċiera, qawwija…
Il-wiċċ
b’ieħor jista’ jindiehes kullimkien, anki fil-mod kif aħna nħobbu. Dan jiġri meta tagħna
tkun imħabba interessata, misjuqa mill-interessi personali; u kemm
imħabbiet interessati jeżistu… meta s-servizzi ta’ karità fejn
jidhrilna li aħna ġenerużi nagħmluhom biex nidhru aħna
u biex inħossuna sew: “Imma kemm jien tajjeb”! Le, dan hu wiċċ
b’ieħor. Jew meta nimmiraw għal ħwejjeġ li “jidhru” biex
nuru l-intelliġenza tagħna jew il-ħila tagħna. Wara dan
kollu hemm idea falza, qarrieqa, li trid tgħidilna li, jekk inħobbu,
dan għax aħna tajbin; bħallikieku l-karità kienet ħolqien
tal-bniedem, prodott ta’ qalbna. Imma l-karità hi qabelxejn grazzja, rigal; il-fatt li nistgħu
nħobbu hu don ta’ Alla, u rridu nitolbuhulu. U hu jagħtihulna minn
qalbu, jekk nitolbuh. Il-karità hi grazzja: mhix li nuru dak li aħna
aħna, imma dak li l-Mulej jagħtina u li aħna nilqgħu b’mod
ħieles; u ma nistgħux nesprimuha fil-laqgħa tagħna
mal-oħrajn jekk qabel ma titnissilx mil-laqgħa tagħna
mal-wiċċ twajjeb u ħanin ta’ Ġesù.
Pawlu jistedinna nagħrfu li aħna
midinbin, u li anki l-mod ta’ kif inħobbu hu mmarkat mid-dnub. Fl-istess
waqt, imma, iħabbrilna bxara ġdida,
bxara ta’ tama: il-Mulej jiftaħ quddiemna triq ta’ ħelsien, triq
ta’ salvazzjoni. Hi l-possibbiltà li ngħixu aħna wkoll il-kmandament
kbir tal-imħabba, li nsiru strumenti tal-karità ta’ Alla. U dan
iseħħ meta nħallu l-qalb ta’ Kristu Rxoxt tfejjaqna u
ġġeddidna. Kristu Rxoxt li jgħix fostna, li jgħix
magħna hu kapaċi jfejjaq il-qalb tagħna: dan jagħmlu, jekk
aħna nitolbuh. Hu li jippermettilna, imqar fiċ-ċokon u l-faqar
tagħna, li nduqu l-ħniena tal-Missier u li niċċelebraw
l-għeġubijiet ta’ mħabbtu. U hekk nifhmu li dak kollu li
nistgħu ngħixu u nagħmlu għal ħutna mhux ħlief
it-tweġiba għal dak li Alla għamel u jissokta jagħmel
għalina. Anzi, hu Alla nnifsu li jgħammar fil-qalb tagħna u
fil-ħajja tagħna, u hekk ikompli jersaq qrib tagħna u jaqdi lil
dawk kollha li ta’ kuljum niltaqgħu magħhom fil-mixja tagħna,
ibda minn dawk tal-aħħar u l-iktar fil-bżonn li fihom l-ewwel li
hu jingħaraf.
Hekk l-Appostlu Pawlu b’dan il-kliem ma jridx
tant iċanfarna, imma pjuttost jagħmlilna
l-qalb biex inqawwu fina t-tama. Fil-fatt ilkoll kemm aħna
nagħmlu l-esperjenza li ma ngħixux b’mod sħiħ jew kif
għandu jkun il-kmandament tal-imħabba. Imma anki din hi grazzja,
għax turina li waħidna m’għandniex il-ħila nħobbu tassew:
għandna bżonn li l-Mulej iġedded kontinwament dan id-don fil-qalb
tagħna, bl-esperjenza tal-ħniena bla tarf tiegħu. U allura
tassew li nerġgħu lura biex napprezzaw il-ħwejjeġ
żgħar, il-ħwejjeġ sempliċi, ordinarji; li
nerġgħu lura biex napprezzaw dawn il-ħwejjeġ
żgħar kollha ta’ kuljum u nsiru kapaċi nħobbu
lill-oħrajn kif iħobbhom Alla, irridulhom il-ġid, jiġifieri
li jkunu qaddisin, ħbieb ta’ Alla; u nithennew għall-possibbiltà li
nersqu qrib ta’ min hu fqir u umli, kif jagħmel Ġesù ma’ kull
wieħed u waħda minna meta nitbiegħdu minnu; li nitbaxxew
maġenb riġlejn ħutna, kif hu, is-Samaritan it-Tajjeb,
jagħmel ma’ kull wieħed u waħda minna, bil-ħniena u
l-maħfra tiegħu.
Għeżież ħuti, dan li
fakkarna l-Appostlu Pawlu hu s-sigriet biex – ħa ninqeda bi kliemu – hu s-sigriet biex “nifirħu bit-tama” (Rum 12:12):
hienja fit-tama. Il-ferħ tat-tama, biex nagħrfu li f’kull
ċirkustanza, anki l-iktar waħda kerha, u anki fl-istess
dgħufijiet tagħna, l-imħabba ta’ Alla ma tonqosx. U hekk,
bil-qalb miżjura mill-grazzja u l-fedeltà tiegħu, ngħixu
fit-tama hienja li rroddu lil ħutna, imqar mill-ftit li nistgħu,
il-ħafna li ta’ kuljum nirċievu mingħandu. Grazzi.
miġjuba
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard