Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

     

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Marzu 2017

 

It-Tama Nisranija – 14. Nifirħu bit-tama (ara Rum 12:9-13)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nafu tajjeb li l-kmandament il-kbir li ħallielna l-Mulej Ġesù hu dak tal-imħabba: inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’moħħna kollu, u nħobbu lill-proxxmu bħalna nfusna (ara Mt 22:37-39), jiġifieri aħna msejħin għall-imħabba, għall-karità. U din hi l-ogħla sejħa tagħna, l-ogħla vokazzjoni per eċċellenza; u magħha hu marbut ukoll il-ferħ tat-tama Nisranija. Min iħobb għandu l-ferħ tat-tama, li jasal biex jiltaqa’ mal-imħabba kbira li hu l-Mulej.

 

L-Appostlu Pawlu, fis-silta tal-Ittra lir-Rumani li għadna kemm smajna, jiftħilna għajnejna: hemm ir-riskju li l-karità tagħna tkun wiċċ b’ieħor, li l-imħabba tagħna tkun wiċċ b’ieħor. Għalhekk irridu nistaqsu lilna nfusna: Meta jiġri li nuru wiċċ b’ieħor? U kif nistgħu nkunu żguri li l-imħabba tagħna hi sinċiera, li l-karità tagħna hi awtentika? Li ma nkunux nagħmlu tabirruħna qed nagħmlu karità jew li l-imħabba tagħna tkun bħal tas-serje televiżivi: imħabba sinċiera, qawwija…

 

Il-wiċċ b’ieħor jista’ jindiehes kullimkien, anki fil-mod kif aħna nħobbu. Dan jiġri meta tagħna tkun imħabba interessata, misjuqa mill-interessi personali; u kemm imħabbiet interessati jeżistu… meta s-servizzi ta’ karità fejn jidhrilna li aħna ġenerużi nagħmluhom biex nidhru aħna u biex inħossuna sew: “Imma kemm jien tajjeb”! Le, dan hu wiċċ b’ieħor. Jew meta nimmiraw għal ħwejjeġ li “jidhru” biex nuru l-intelliġenza tagħna jew il-ħila tagħna. Wara dan kollu hemm idea falza, qarrieqa, li trid tgħidilna li, jekk inħobbu, dan għax aħna tajbin; bħallikieku l-karità kienet ħolqien tal-bniedem, prodott ta’ qalbna. Imma l-karità hi qabelxejn grazzja, rigal; il-fatt li nistgħu nħobbu hu don ta’ Alla, u rridu nitolbuhulu. U hu jagħtihulna minn qalbu, jekk nitolbuh. Il-karità hi grazzja: mhix li nuru dak li aħna aħna, imma dak li l-Mulej jagħtina u li aħna nilqgħu b’mod ħieles; u ma nistgħux nesprimuha fil-laqgħa tagħna mal-oħrajn jekk qabel ma titnissilx mil-laqgħa tagħna mal-wiċċ twajjeb u ħanin ta’ Ġesù.

 

Pawlu jistedinna nagħrfu li aħna midinbin, u li anki l-mod ta’ kif inħobbu hu mmarkat mid-dnub. Fl-istess waqt, imma, iħabbrilna bxara ġdida, bxara ta’ tama: il-Mulej jiftaħ quddiemna triq ta’ ħelsien, triq ta’ salvazzjoni. Hi l-possibbiltà li ngħixu aħna wkoll il-kmandament kbir tal-imħabba, li nsiru strumenti tal-karità ta’ Alla. U dan iseħħ meta nħallu l-qalb ta’ Kristu Rxoxt tfejjaqna u ġġeddidna. Kristu Rxoxt li jgħix fostna, li jgħix magħna hu kapaċi jfejjaq il-qalb tagħna: dan jagħmlu, jekk aħna nitolbuh. Hu li jippermettilna, imqar fiċ-ċokon u l-faqar tagħna, li nduqu l-ħniena tal-Missier u li niċċelebraw l-għeġubijiet ta’ mħabbtu. U hekk nifhmu li dak kollu li nistgħu ngħixu u nagħmlu għal ħutna mhux ħlief it-tweġiba għal dak li Alla għamel u jissokta jagħmel għalina. Anzi, hu Alla nnifsu li jgħammar fil-qalb tagħna u fil-ħajja tagħna, u hekk ikompli jersaq qrib tagħna u jaqdi lil dawk kollha li ta’ kuljum niltaqgħu magħhom fil-mixja tagħna, ibda minn dawk tal-aħħar u l-iktar fil-bżonn li fihom l-ewwel li hu jingħaraf.

 

Hekk l-Appostlu Pawlu b’dan il-kliem ma jridx tant iċanfarna, imma pjuttost jagħmlilna l-qalb biex inqawwu fina t-tama. Fil-fatt ilkoll kemm aħna nagħmlu l-esperjenza li ma ngħixux b’mod sħiħ jew kif għandu jkun il-kmandament tal-imħabba. Imma anki din hi grazzja, għax turina li waħidna m’għandniex il-ħila nħobbu tassew: għandna bżonn li l-Mulej iġedded kontinwament dan id-don fil-qalb tagħna, bl-esperjenza tal-ħniena bla tarf tiegħu. U allura tassew li nerġgħu lura biex napprezzaw il-ħwejjeġ żgħar, il-ħwejjeġ sempliċi, ordinarji; li nerġgħu lura biex napprezzaw dawn il-ħwejjeġ żgħar kollha ta’ kuljum u nsiru kapaċi nħobbu lill-oħrajn kif iħobbhom Alla, irridulhom il-ġid, jiġifieri li jkunu qaddisin, ħbieb ta’ Alla; u nithennew għall-possibbiltà li nersqu qrib ta’ min hu fqir u umli, kif jagħmel Ġesù ma’ kull wieħed u waħda minna meta nitbiegħdu minnu; li nitbaxxew maġenb riġlejn ħutna, kif hu, is-Samaritan it-Tajjeb, jagħmel ma’ kull wieħed u waħda minna, bil-ħniena u l-maħfra tiegħu.

 

Għeżież ħuti, dan li fakkarna l-Appostlu Pawlu hu s-sigriet biex – ħa ninqeda bi  kliemu – hu s-sigriet biex “nifirħu bit-tama” (Rum 12:12): hienja fit-tama. Il-ferħ tat-tama, biex nagħrfu li f’kull ċirkustanza, anki l-iktar waħda kerha, u anki fl-istess dgħufijiet tagħna, l-imħabba ta’ Alla ma tonqosx. U hekk, bil-qalb miżjura mill-grazzja u l-fedeltà tiegħu, ngħixu fit-tama hienja li rroddu lil ħutna, imqar mill-ftit li nistgħu, il-ħafna li ta’ kuljum nirċievu mingħandu. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard