IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 14 ta’ Diċembru 2016

 

It-Tama Nisranija

2. Isaija 52: Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta min ixandar is-sliem…”

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Qed noqorbu lejn il-Milied, u l-profeta Isaija għal darb’oħra sa jgħinna niftħu qalbna għat-tama billi nilqgħu l-Aħbar it-Tajba tal-miġja tas-salvazzjoni.

 

Il-kapitlu 52 ta’ Isaija jiftaħ bl-istedina lil Ġerusalemm biex tistenbaħ, tfarfar it-trab u l-ktajjen ta’ fuqha u xxidd l-isbaħ ilbies, għax il-Mulej ġie biex jeħles il-poplu tiegħu (vv. 1-3). U jżid: “Għalhekk il-poplu tiegħi jagħraf ismi; jagħraf dakinhar li hu jien li kont ngħid: ‘Hawn jien!’” (v. 6).

 

Għal din l-“Hawn jien” li jgħid Alla, li tiġbor fiha r-rieda kollha tiegħu li jifdina u jkun qrib tagħna, iwieġeb l-għana ta’ ferħ ta’ Ġerusalemm, skont l-istedina tal-profeta. Hu mument storiku importanti ħafna. Hu t-tmiem tal-eżilju fil-Babilonja, hi l-possibbiltà għal Israel li jsib mill-ġdid lil Alla u, fil-fidi, jerġa’ jsib lilu nnifsu. Il-Mulej jersaq qrib, u l-“fdal ċkejken”, jiġifieri l-poplu ċkejken li baqa’ wara l-eżilju u li fl-eżilju baqa’ sħiħ fil-fidi, li għadda mill-kriżi u baqa’ jemmen u jittama anki qalb id-dlam, dak il-“fdal ċkejken” issa jista’ jara l-għeġubijiet ta’ Alla.

 

Hawn il-profeta jdaħħal għanja ta’ ferħ:

 

“Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji

r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara,

ta’ min ixandar is-sliem,

ta’ min iħabbar ir-risq,

ta’ min ixandar is-salvazzjoni,

u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan!’.

[…]

Intom, ħerbiet ta Ġerusalemm,

għajtu lkoll bil-ferħ,

għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu,

feda lil Ġerusalemm.

Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis,

quddiem il-ġnus kollha,

u raw it-truf kollha tal-art

is-salvazzjoni ta Alla tagħna” (Is 52:7,9-10).

 

Dan il-kliem ta’ Isaija, li fuqu nixtiequ nieqfu għal ftit, jirriferi għall-miraklu tal-paċi, u dan jagħmlu b’mod partikulari ħafna, billi jixħet ħarstu mhux fuq il-ħabbar imma fuq riġlejh li jiġru ħfief: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara…”.

 

Donnu l-għarus tal-Għanja tal-Għanjiet li jiġri lejn il-maħbuba tiegħu: “Arah, hu ġej, jaqbeż fuq il-muntanji, jitqabeż fuq l-għoljiet” (Għanja 2:8). Hekk ukoll jiġri l-ħabbar tas-sliem, iwassal il-bxara hienja tal-ħelsien, tas-salvazzjoni, u jxandar li Alla jsaltan.

 

Alla ma telaqx lill-poplu tiegħu u ma ħalliex il-ħażen jirbħu, għax hu fidil, u l-grazzja tiegħu aqwa mid-dnub. Dan hemm bżonn nitgħallmuh, għax aħna rasna iebsa u ma nitgħallmu qatt. Imma jien nistaqsi: Min hu l-akbar, Alla jew id-dnub? Alla! U min se jirbaħ fl-aħħar? Alla jew id-dnub? Alla. Hu kapaċi jegħleb l-ikbar dnub, l-iżjed wieħed tal-mistħija, l-iktar terribbli, l-agħar mid-dnubiet kollha? B’liema arma Alla jirbaħ lid-dnub? Bl-imħabba! Dan ifisser li “Alla jsaltan”; dawn huma l-kelmiet tal-fidi fil-Mulej li l-qawwa tiegħu tmil lejn il-bniedem, titbaxxa, biex toffri ħniena u teħles lill-bniedem minn dak li jgħawweġ fih ix-xbieha sabiħa ta’ Alla, għax meta nkunu fid-dnub ix-xbieha ta’ Alla tiġi mgħawġa. U t-twettiq ta’ tant imħabba sa tkun proprju s-Saltna ta’ Alla mwaqqfa minn Ġesù, dik is-Saltna ta’ maħfra u ta’ paċi li aħna niċċelebraw bil-Milied u li titwettaq għalkollox fl-Għid. U l-isbaħ ferħ tal-Milied hu dan il-ferħ ġewwieni ta’ sliem: il-Mulej ħassar ħtijieti, il-Mulej ħafirli, il-Mulej ġietu ħniena minni, ġie biex isalvani. Dan hu l-ferħ tal-Milied!

 

Dawn huma, ħuti, ir-raġunijiet tat-tama tagħna. Meta kollox ikun donnu spiċċa, meta, quddiem tant realtajiet negattivi, il-fidi ssir tqila u tiġina t-tentazzjoni li ngħidu li xejn iżjed ma fadallu sens, araw kif taslilna l-bxara sabiħa mwassla minn dawn ir-riġlejn ħfief: Alla ġej biex iwettaq xi ħaġa ġdida, biex iwaqqaf saltna ta’ sliem; Alla “kixef driegħu” u ġabilna l-ħelsien u l-faraġ. Il-ħażen mhux sa jittrijonfa għal dejjem, hemm tmiem għall-uġigħ u t-tbatija. Il-qtigħ il-qalb ġie mirbuħ għax Alla jinsab fostna.

 

U anki aħna mħeġġin nistenbħu xi ftit, bħal Ġerusalemm, skont l-istedina li jagħmlilha l-profeta; aħna msejħin insiru bnedmin ta’ tama, nikkollaboraw mal-miġja ta’ din is-Saltna mlibbsa bid-dawl u miftuħa għal kulħadd, bnedmin ta’ tama. Kemm hi ħaġa kerha meta tara Nisrani li tilef it-tama! “Imma jien m’għadx għandi tama, kollox spiċċa għalija”: hekk jgħid Nisrani li mhux kapaċi jħares lejn ixfqa ta’ tama u quddiem qalbu jara biss ħajt. Imma Alla jeqred dawn il-ħitan bil-maħfra tiegħu! U għalhekk jeħtieġ nitolbu, biex Alla jagħtina ta’ kuljum it-tama u jagħtiha lil kulħadd, dik it-tama li titnissel meta naraw lil Alla fil-maxtura ta’ Betlehem. Il-messaġġ tal-Aħbar it-Tajba li hi fdata lilna hu urġenti, jeħtieġ aħna wkoll niġru bħall-ħabbar fuq il-muntanji, għax id-dinja ma tistax tistenna, il-bnedmin huma bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja, għall-verità, għall-paċi.

 

U meta jaraw lit-Tarbija ċkejkna ta’ Betlehem, iċ-ċkejknin ta’ din l-art jagħrfu li l-wegħda twettqet, il-messaġġ seħħ. F’tarbija li għadha kemm twieldet, bżonn ta’ kollox, imfisqija fil-ħrieqi u mqiegħda f’maxtura, hemm miġbura l-qawwa kollha ta’ Alla li jsalva. Il-Milied hu jum biex niftħu qlubna: jeħtieġ niftħu qlubna għal tant ċokon, li jinsab hemm f’dik it-Tarbija, u għal tant għaġeb. Hu l-għaġeb tal-Milied, li għalih qed nitħejjew, bit-tama, f’dan iż-żmien tal-Avvent. Hi s-sorpriża ta’ Alla tarbija, ta’ Alla fqajjar, ta’ Alla dgħajjef, ta’ Alla li jħalli l-kobor tiegħu biex jiġi qrib ta’ kull wieħed u waħda minna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard