|
IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu
VI
L-Erbgħa 14 ta’ Diċembru 2016
It-Tama Nisranija –
2. Isaija 52:
“Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min ixandar is-sliem…”
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Qed noqorbu lejn il-Milied, u l-profeta Isaija
għal darb’oħra sa jgħinna niftħu qalbna għat-tama
billi nilqgħu l-Aħbar it-Tajba tal-miġja tas-salvazzjoni.
Il-kapitlu 52 ta’ Isaija jiftaħ bl-istedina
lil Ġerusalemm biex tistenbaħ, tfarfar it-trab u l-ktajjen ta’ fuqha
u xxidd l-isbaħ ilbies, għax il-Mulej ġie biex jeħles
il-poplu tiegħu (vv. 1-3). U jżid: “Għalhekk il-poplu
tiegħi jagħraf ismi; jagħraf dakinhar li hu jien li kont
ngħid: ‘Hawn jien!’” (v. 6).
Għal din l-“Hawn jien” li jgħid Alla,
li tiġbor fiha r-rieda kollha tiegħu li jifdina u jkun qrib
tagħna, iwieġeb l-għana ta’ ferħ ta’ Ġerusalemm, skont
l-istedina tal-profeta. Hu mument storiku importanti ħafna. Hu t-tmiem
tal-eżilju fil-Babilonja, hi l-possibbiltà għal Israel li jsib
mill-ġdid lil Alla u, fil-fidi, jerġa’ jsib lilu nnifsu. Il-Mulej
jersaq qrib, u l-“fdal ċkejken”, jiġifieri l-poplu ċkejken li
baqa’ wara l-eżilju u li fl-eżilju baqa’ sħiħ fil-fidi, li
għadda mill-kriżi u baqa’ jemmen u jittama anki qalb id-dlam, dak
il-“fdal ċkejken” issa jista’ jara l-għeġubijiet ta’ Alla.
Hawn il-profeta jdaħħal għanja
ta’ ferħ:
“Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji
r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara,
ta’ min ixandar is-sliem,
ta’ min iħabbar ir-risq,
ta’ min ixandar is-salvazzjoni,
u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek
isaltan!’.
[…]
Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm,
għajtu lkoll bil-ferħ,
għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu,
feda lil Ġerusalemm.
Kixef il-Mulej
id-driegħ tiegħu qaddis,
quddiem il-ġnus kollha,
u raw it-truf
kollha tal-art
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Is 52:7,9-10).
Dan il-kliem ta’ Isaija, li fuqu nixtiequ nieqfu
għal ftit, jirriferi għall-miraklu tal-paċi, u dan jagħmlu
b’mod partikulari ħafna, billi jixħet ħarstu mhux fuq
il-ħabbar imma fuq riġlejh li jiġru ħfief: “Kemm huma
sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara…”.
Donnu l-għarus tal-Għanja
tal-Għanjiet li jiġri lejn il-maħbuba tiegħu: “Arah, hu
ġej, jaqbeż fuq il-muntanji, jitqabeż fuq l-għoljiet”
(Għanja 2:8). Hekk ukoll jiġri l-ħabbar tas-sliem, iwassal
il-bxara hienja tal-ħelsien, tas-salvazzjoni, u jxandar li Alla jsaltan.
Alla ma telaqx lill-poplu tiegħu u ma
ħalliex il-ħażen jirbħu, għax hu fidil, u l-grazzja
tiegħu aqwa mid-dnub. Dan hemm bżonn nitgħallmuh, għax aħna
rasna iebsa u ma nitgħallmu qatt. Imma jien nistaqsi: Min hu l-akbar, Alla
jew id-dnub? Alla! U min se jirbaħ fl-aħħar? Alla jew id-dnub?
Alla. Hu kapaċi jegħleb l-ikbar dnub, l-iżjed wieħed
tal-mistħija, l-iktar terribbli, l-agħar mid-dnubiet kollha? B’liema
arma Alla jirbaħ lid-dnub? Bl-imħabba! Dan ifisser li “Alla jsaltan”;
dawn huma l-kelmiet tal-fidi fil-Mulej li l-qawwa tiegħu tmil lejn
il-bniedem, titbaxxa, biex toffri ħniena u teħles lill-bniedem minn
dak li jgħawweġ fih ix-xbieha sabiħa ta’ Alla, għax meta
nkunu fid-dnub ix-xbieha ta’ Alla tiġi mgħawġa. U t-twettiq ta’
tant imħabba sa tkun proprju s-Saltna ta’ Alla mwaqqfa minn Ġesù, dik
is-Saltna ta’ maħfra u ta’ paċi li aħna niċċelebraw
bil-Milied u li titwettaq għalkollox fl-Għid. U l-isbaħ
ferħ tal-Milied hu dan il-ferħ ġewwieni ta’ sliem: il-Mulej
ħassar ħtijieti, il-Mulej ħafirli, il-Mulej ġietu
ħniena minni, ġie biex isalvani. Dan hu l-ferħ tal-Milied!
Dawn huma, ħuti, ir-raġunijiet
tat-tama tagħna. Meta kollox ikun donnu spiċċa, meta, quddiem
tant realtajiet negattivi, il-fidi ssir tqila u tiġina t-tentazzjoni li
ngħidu li xejn iżjed ma fadallu sens, araw kif taslilna l-bxara
sabiħa mwassla minn dawn ir-riġlejn ħfief: Alla ġej biex
iwettaq xi ħaġa ġdida, biex iwaqqaf saltna ta’ sliem; Alla “kixef
driegħu” u ġabilna l-ħelsien u l-faraġ. Il-ħażen
mhux sa jittrijonfa għal dejjem, hemm tmiem għall-uġigħ u
t-tbatija. Il-qtigħ il-qalb ġie mirbuħ għax Alla jinsab
fostna.
U anki aħna mħeġġin
nistenbħu xi ftit, bħal Ġerusalemm, skont l-istedina li
jagħmlilha l-profeta; aħna msejħin insiru bnedmin ta’ tama,
nikkollaboraw mal-miġja ta’ din is-Saltna mlibbsa bid-dawl u miftuħa
għal kulħadd, bnedmin ta’ tama. Kemm hi ħaġa kerha meta
tara Nisrani li tilef it-tama! “Imma jien m’għadx għandi tama, kollox
spiċċa għalija”: hekk jgħid Nisrani li mhux kapaċi
jħares lejn ixfqa ta’ tama u quddiem qalbu jara biss ħajt. Imma Alla
jeqred dawn il-ħitan bil-maħfra tiegħu! U għalhekk
jeħtieġ nitolbu, biex Alla jagħtina ta’ kuljum it-tama u
jagħtiha lil kulħadd, dik it-tama li titnissel meta naraw lil Alla
fil-maxtura ta’ Betlehem. Il-messaġġ tal-Aħbar it-Tajba li hi
fdata lilna hu urġenti, jeħtieġ aħna wkoll niġru
bħall-ħabbar fuq il-muntanji, għax id-dinja ma tistax tistenna,
il-bnedmin huma bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja,
għall-verità, għall-paċi.
U meta jaraw lit-Tarbija ċkejkna ta’
Betlehem, iċ-ċkejknin ta’ din l-art jagħrfu li l-wegħda
twettqet, il-messaġġ seħħ. F’tarbija li għadha kemm
twieldet, bżonn ta’ kollox, imfisqija fil-ħrieqi u mqiegħda
f’maxtura, hemm miġbura l-qawwa kollha ta’ Alla li jsalva. Il-Milied hu
jum biex niftħu qlubna: jeħtieġ niftħu qlubna għal
tant ċokon, li jinsab hemm f’dik it-Tarbija, u għal tant
għaġeb. Hu l-għaġeb tal-Milied, li għalih qed
nitħejjew, bit-tama, f’dan iż-żmien tal-Avvent. Hi
s-sorpriża ta’ Alla tarbija, ta’ Alla fqajjar, ta’ Alla dgħajjef, ta’
Alla li jħalli l-kobor tiegħu biex jiġi qrib ta’ kull
wieħed u waħda minna.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard