IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ April 2017

 

It-Tama Nisranija – 18. It-tamiet tad-dinja u t-tama tas-Salib (ara Ġw 12:24-25)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-Ħadd li għadda fakkarna d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, fost l-għajat ferrieħi tad-dixxipli u ta’ ġmiegħi kbar. Dawn in-nies kellhom ħafna tama f’Ġesù: ħafna kienu qed jistennew minnu mirakli u sinjali kbar, manifestazzjonijiet ta’ setgħa u saħansitra l-ħelsien mill-għedewwa ħakkiema. Min minnhom qatt stħajjel li fi ftit tal-jiem oħra Ġesù kellu jiġi umiljat, ikkundannat u mogħti l-mewt tas-salib? It-tamiet ta’ din id-dinja li kellhom dawk in-nies ġew fix-xejn quddiem is-salib. Imma aħna nemmnu li sewwasew fil-Mislub it-tama tagħna titnissel mill-ġdid. It-tamiet ta’ din id-dinja jaqgħu quddiem is-salib, imma jitwieldu tamiet ġodda, dawk li jibqgħu għal dejjem. Hi tama differenti dik li titwieled mis-salib. Hi tama differenti minn dawk li jiġu fix-xejn, minn dawk tad-dinja. Imma x’tama hija din? Liema hi dik it-tama li titwieled mis-salib?

 

Dan nistgħu nifhmuh jekk naraw x’jgħid Ġesù sewwasew wara li jidħol Ġerusalemm: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Ippruvaw ġibu f’moħħkom ħabba tal-qamħ jew żerriegħa ċkejkna, li taqa’ fl-art. Jekk tibqa’ magħluqa fiha nfisha, ma jiġri xejn; imma jekk titkisser, tinfetaħ, u hekk tagħti l-ħajja lil żbula, li tibda twarrad, u mbagħad lil xitla, u x-xitla tagħti l-frott.

 

Ġesù ġab lid-dinja tama ġdida u dan għamlu bħaż-żerriegħa: sar ċkejken ċkejken, bħal ħabba tal-qamħ; ħalla l-glorja tiegħu tas-Sema biex ġie fostna: “waqa’ fl-art”. Imma dan ma kienx biżżejjed. Biex jagħti l-frott Ġesù għex l-imħabba sal-aħħar, ħalla li jitkisser mill-mewt bħal żerriegħa li titkisser taħt l-art. Proprju hemm, fl-iktar punt estrem li fih tbaxxa – li hu wkoll l-ogħla punt tal-imħabba – warrdet it-tama. Jekk xi ħadd minnkom jistaqsini: “Kif titwieled it-tama?”. “Mis-salib. Ħares lejn is-salib, ħares lejn Kristu Kurċifiss u minn hemm tasallek it-tama li ma tgħib qatt iżjed, dik li tibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”. U din it-tama warrdet sewwasew bil-qawwa tal-imħabba: għax l-imħabba li “kollox tittama, kollox tissaporti” (1 Kor 13:7), l-imħabba li hi l-ħajja ta’ Alla, ġeddet dak kollu li messet miegħu. Hekk, fl-Għid, Ġesù bidel id-dnub tagħna f’maħfra, u dan għamlu billi ħadu fuqu. Imma isimgħu tajjeb kif inhi din it-trasformazzjoni li jġib miegħu l-Għid: Ġesù bidel id-dnub tagħna f’maħfra, il-mewt tagħna f’qawmien, il-biża’ tagħna f’fiduċja. Għalhekk li fuq is-salib twieldet u dejjem titwieled mill-ġdid it-tama tagħna; għalhekk li ma’ Ġesù kull dalma tagħna tista’ tiġi mibdula f’dawl, kull telfa f’rebħa, kull qtigħ il-qalb f’tama. Kull waħda: iva, kull waħda. It-tama tegħleb kollox, għax ġejja mill-imħabba ta’ Ġesù li sar bħall-ħabba tal-qamħ fl-art u miet biex jagħtina l-ħajja, u minn dik il-ħajja mimlija mħabba tiġina t-tama.

 

Meta nagħżlu t-tama ta’ Ġesù, bil-ftit il-ftit niskopru li t-triq rebbieħa hi dik taż-żerriegħa, dik tal-imħabba umli. M’hemmx triq oħra biex nirbħu l-ħażen u nagħtu tama lid-dinja. Imma forsi ħa tgħiduli: “Le, din loġika telliefa!”. Hekk tidher, li hi loġika telliefa, għax min iħobb jitlef kull setgħa. Qatt ħsibtu f’dan? Min iħobb jitlef kull setgħa, min jagħti, jitlaq xi ħaġa minn idejh, u li tħobb hu don. Fir-realtà l-loġika taż-żerriegħa li tmut, tal-imħabba umli, hi t-triq ta’ Alla, u din biss tagħti l-frott. Dan narawh ukoll fina: meta niksbu xi ħaġa, dan iġagħalna nixxenqu għal xi ħaġa oħra: ksibt xi ħaġa għalija u dritt irrid oħra ikbar, u hekk sejrin, u qatt ma jien sodisfatt b’xejn. Kilba kerha dih! Iktar ma għandek, iktar trid. Min dejjem għatxan biex ikollu iżjed, l-għatx ma jaqtgħu qatt. U Ġesù ma joqgħodx jomgħodha dwar hekk: “Min iħobb ħajtu, jitlifha” (Ġw 12:25). Int dejjem trid, dejjem tfittex li tikseb tant ħwejjeġ, imma… se titlef kollox, anki ħajtek, jiġifieri: min iħobb lilu nnifsu u jgħix għall-interessi tiegħu, jintefaħ biss bih innifsu, u joħroġ tellief. Imma min jilqa’, huwa disponibbli u lest jaqdi, jgħix bħal Alla: u hekk jirbaħ, isalva lilu nnifsu u lill-oħrajn; isir żerriegħa ta’ tama għad-dinja. Kemm hi ħaġa sabiħa tgħin lill-oħrajn, taqdi lill-oħrajn… Nistgħu negħjew! Imma l-ħajja hekk hi, u l-qalb timtela bil-ferħ u bit-tama. Din hi mħabba u tama flimkien: taqdi u tagħti.

 

Daż-żgur, din l-imħabba vera tgħaddi mis-salib, is-sagrifiċċju, kif ġralu Ġesù. Is-salib hu t-triq obbligatorja, imma mhux id-destinazzjoni, hu biss mogħdija: id-destinazzjoni hi l-glorja, kif jurina l-Għid. U hawn insibu tgħinna xbieha oħra mill-isbaħ, li Ġesù ħalla lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena. Jgħidilhom: “Il-mara, meta tkun se tiled tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja” (Ġw 16:21). Araw: tagħti l-ħajja, mhux tagħmilha tiegħek. U dan hu li jagħmlu l-ommijiet: jagħtu ħajja oħra, ibatu, imma mbagħad jifirħu, kuntenti li taw id-dawl lil ħajja ġdida. Tagħti l-ferħ; l-imħabba tagħti dawl lill-ħajja u tagħti wkoll sens lit-tbatija. L-imħabba hi l-mutur li jmexxi t-tama tagħna. Intenni: l-imħabba hi l-mutur li jmexxi t-tama tagħna. U kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: “Jiena nħobb? Tgħallimt inħobb? Qed nitgħallem kuljum inħobb ftit iżjed?”, għax l-imħabba hi l-mutur li jmexxi t-tama tagħna.

 

Għeżież ħuti, f’dawn il-jiem, jiem ta’ mħabba, inħallu jdawwarna l-misteru ta’ Ġesù li, bħal ħabba tal-qamħ, imut biex jagħtina l-ħajja. Hu ż-żerriegħa tat-tama tagħna. Nikkontemplaw il-Kurċifiss, għajn ta’ tama. Naqra naqra nibdew nifhmu illi li nittamaw ma’ Ġesù jfisser nitgħallmu naraw diġà minn issa x-xitla li hemm moħbija fiż-żerriegħa, l-Għid fis-salib, il-ħajja fil-mewt. Issa rrid nagħtikom biċċa xogħol għad-dar. Nagħmlu sew jekk nieqfu quddiem il-Kurċifiss – kollha għandkom xi wieħed id-dar – inħarsu lejh u ngħidulu: “Miegħek xejn mhu mitluf. Miegħek nista’ dejjem nittama. Int it-tama tiegħi”. Nistħajlu issa lill-Kurċifiss u lkoll flimkien għal tliet darbiet ngħidu lil Ġesù Msallab: “Int it-tama tiegħi”. Ilkoll: “Int it-tama tiegħi”. B’iżjed saħħa! “Int it-tama tiegħi”. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard