|
IL-PAPA
FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza
San Pietru
L-Erbgħa
12 ta’ April
2017
It-Tama
Nisranija – 18. It-tamiet tad-dinja u t-tama tas-Salib (ara
Ġw 12:24-25)
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-Ħadd li
għadda fakkarna d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, fost l-għajat
ferrieħi tad-dixxipli u ta’ ġmiegħi kbar. Dawn in-nies kellhom
ħafna tama f’Ġesù: ħafna kienu qed jistennew minnu mirakli u
sinjali kbar, manifestazzjonijiet ta’ setgħa u saħansitra
l-ħelsien mill-għedewwa ħakkiema. Min minnhom qatt stħajjel
li fi ftit tal-jiem oħra Ġesù kellu jiġi umiljat, ikkundannat u
mogħti l-mewt tas-salib? It-tamiet ta’ din id-dinja li kellhom dawk
in-nies ġew fix-xejn quddiem is-salib. Imma aħna nemmnu li sewwasew
fil-Mislub it-tama tagħna titnissel mill-ġdid. It-tamiet ta’ din
id-dinja jaqgħu quddiem is-salib, imma jitwieldu tamiet ġodda, dawk
li jibqgħu għal dejjem. Hi tama differenti dik li titwieled
mis-salib. Hi tama differenti minn dawk li jiġu fix-xejn, minn dawk
tad-dinja. Imma x’tama hija din? Liema hi dik it-tama li titwieled mis-salib?
Dan nistgħu
nifhmuh jekk naraw x’jgħid Ġesù sewwasew wara li jidħol
Ġerusalemm: “Jekk il-ħabba
tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut,
tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Ippruvaw ġibu
f’moħħkom ħabba tal-qamħ jew żerriegħa
ċkejkna, li taqa’ fl-art. Jekk tibqa’ magħluqa fiha nfisha, ma
jiġri xejn; imma jekk titkisser, tinfetaħ, u hekk tagħti
l-ħajja lil żbula, li tibda twarrad, u mbagħad lil xitla, u
x-xitla tagħti l-frott.
Ġesù ġab
lid-dinja tama ġdida u dan għamlu bħaż-żerriegħa:
sar ċkejken ċkejken, bħal ħabba tal-qamħ; ħalla
l-glorja tiegħu tas-Sema biex ġie fostna: “waqa’ fl-art”. Imma dan ma
kienx biżżejjed. Biex jagħti l-frott Ġesù għex
l-imħabba sal-aħħar, ħalla li jitkisser mill-mewt bħal
żerriegħa li titkisser taħt l-art. Proprju hemm, fl-iktar punt
estrem li fih tbaxxa – li hu wkoll l-ogħla punt tal-imħabba – warrdet it-tama. Jekk xi ħadd
minnkom jistaqsini: “Kif titwieled it-tama?”. “Mis-salib. Ħares lejn
is-salib, ħares lejn Kristu Kurċifiss u minn hemm tasallek it-tama li
ma tgħib qatt iżjed, dik li tibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”.
U din it-tama warrdet sewwasew bil-qawwa tal-imħabba: għax
l-imħabba li “kollox tittama, kollox tissaporti” (1 Kor 13:7), l-imħabba
li hi l-ħajja ta’ Alla, ġeddet dak kollu li messet miegħu. Hekk,
fl-Għid, Ġesù bidel id-dnub tagħna f’maħfra, u dan
għamlu billi ħadu fuqu. Imma isimgħu tajjeb kif inhi din
it-trasformazzjoni li jġib miegħu l-Għid: Ġesù bidel id-dnub
tagħna f’maħfra, il-mewt tagħna f’qawmien, il-biża’
tagħna f’fiduċja. Għalhekk li fuq is-salib twieldet u dejjem
titwieled mill-ġdid it-tama tagħna; għalhekk li ma’ Ġesù
kull dalma tagħna tista’ tiġi mibdula f’dawl, kull telfa
f’rebħa, kull qtigħ il-qalb f’tama. Kull waħda: iva, kull
waħda. It-tama tegħleb kollox, għax ġejja mill-imħabba
ta’ Ġesù li sar bħall-ħabba tal-qamħ fl-art u miet biex
jagħtina l-ħajja, u minn dik il-ħajja mimlija mħabba
tiġina t-tama.
Meta
nagħżlu t-tama ta’ Ġesù, bil-ftit il-ftit niskopru li t-triq
rebbieħa hi dik taż-żerriegħa, dik tal-imħabba umli.
M’hemmx triq oħra biex nirbħu l-ħażen u nagħtu tama
lid-dinja. Imma forsi ħa tgħiduli: “Le, din loġika telliefa!”.
Hekk tidher, li hi loġika telliefa, għax min iħobb jitlef kull setgħa.
Qatt ħsibtu f’dan? Min iħobb jitlef kull setgħa, min
jagħti, jitlaq xi ħaġa minn idejh, u li tħobb hu don.
Fir-realtà l-loġika taż-żerriegħa li tmut, tal-imħabba
umli, hi t-triq ta’ Alla, u din biss tagħti l-frott. Dan narawh ukoll
fina: meta niksbu xi ħaġa, dan iġagħalna nixxenqu għal
xi ħaġa oħra: ksibt xi ħaġa għalija u dritt irrid
oħra ikbar, u hekk sejrin, u qatt ma jien sodisfatt b’xejn. Kilba kerha
dih! Iktar ma għandek, iktar trid. Min dejjem għatxan biex ikollu
iżjed, l-għatx ma jaqtgħu qatt. U Ġesù ma joqgħodx
jomgħodha dwar hekk: “Min iħobb ħajtu, jitlifha” (Ġw 12:25). Int dejjem trid, dejjem tfittex li
tikseb tant ħwejjeġ, imma… se titlef kollox, anki ħajtek,
jiġifieri: min iħobb lilu
nnifsu
u jgħix
għall-interessi tiegħu, jintefaħ biss bih innifsu, u joħroġ
tellief. Imma min jilqa’, huwa disponibbli u lest jaqdi, jgħix bħal
Alla: u hekk jirbaħ, isalva lilu nnifsu u lill-oħrajn; isir żerriegħa ta’ tama
għad-dinja. Kemm hi ħaġa sabiħa tgħin
lill-oħrajn, taqdi lill-oħrajn… Nistgħu negħjew! Imma
l-ħajja hekk hi, u l-qalb timtela bil-ferħ u bit-tama. Din hi
mħabba u tama flimkien: taqdi u tagħti.
Daż-żgur,
din l-imħabba vera tgħaddi mis-salib, is-sagrifiċċju, kif
ġralu Ġesù. Is-salib hu t-triq obbligatorja, imma mhux
id-destinazzjoni, hu biss mogħdija: id-destinazzjoni hi l-glorja, kif
jurina l-Għid. U hawn insibu tgħinna xbieha oħra
mill-isbaħ, li Ġesù ħalla lid-dixxipli tiegħu
fl-Aħħar Ċena. Jgħidilhom: “Il-mara, meta tkun se tiled
tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha;
iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed
fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja” (Ġw
16:21). Araw: tagħti l-ħajja, mhux tagħmilha tiegħek. U dan
hu li jagħmlu l-ommijiet: jagħtu ħajja oħra, ibatu, imma
mbagħad jifirħu, kuntenti li taw id-dawl lil ħajja ġdida.
Tagħti l-ferħ; l-imħabba tagħti dawl lill-ħajja u
tagħti wkoll sens lit-tbatija. L-imħabba hi l-mutur li jmexxi t-tama
tagħna. Intenni: l-imħabba hi l-mutur li jmexxi t-tama tagħna. U
kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: “Jiena
nħobb? Tgħallimt inħobb? Qed nitgħallem kuljum inħobb
ftit iżjed?”, għax l-imħabba hi l-mutur li jmexxi t-tama
tagħna.
Għeżież
ħuti, f’dawn il-jiem, jiem ta’ mħabba, inħallu jdawwarna
l-misteru ta’ Ġesù li, bħal ħabba tal-qamħ, imut biex
jagħtina l-ħajja. Hu ż-żerriegħa tat-tama tagħna.
Nikkontemplaw il-Kurċifiss, għajn ta’ tama. Naqra naqra nibdew nifhmu
illi li nittamaw ma’ Ġesù jfisser nitgħallmu naraw diġà minn
issa x-xitla li hemm moħbija fiż-żerriegħa, l-Għid
fis-salib, il-ħajja fil-mewt. Issa rrid nagħtikom biċċa
xogħol għad-dar. Nagħmlu sew jekk nieqfu quddiem
il-Kurċifiss – kollha għandkom xi wieħed id-dar – inħarsu
lejh u ngħidulu: “Miegħek xejn mhu mitluf. Miegħek nista’ dejjem
nittama. Int it-tama tiegħi”. Nistħajlu issa lill-Kurċifiss u
lkoll flimkien għal tliet darbiet ngħidu lil Ġesù Msallab: “Int
it-tama tiegħi”. Ilkoll: “Int it-tama tiegħi”. B’iżjed
saħħa! “Int it-tama tiegħi”. Grazzi.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard