IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu
VI
L-Erbgħa 4 ta’ Jannar
2017
It-Tama Nisranija –
5.
Rakel “tibki lil uliedha”, imma… “hemm tama
għall-ġejjieni” (Ġer 31)
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Fil-katekeżi tal-lum nixtieq nikkontempla
magħkom figura ta’ mara li tkellimna dwar it-tama li hi għexet
fid-dmugħ. It-tama li hi għexet fil-biki. Qed nitkellem dwar Rakel,
mart Ġakobb u omm Ġużeppi u Benjamin, dik li, kif jirrakkontalna
l-Ktieb tal-Ġenesi, tmut hi biex tagħti d-dawl lit-tieni iben
tagħha, Benjamin.
Il-profeta Ġeremija jirriferi għal
Rakel meta jdur fuq l-Israeliti eżiljati biex ifarraġhom, bi kliem
mimli emozzjoni u poeżija; jiġifieri jaqbad id-dmugħ ta’ Rakel,
imma biex jagħti t-tama:
Hekk jgħid il-Mulej:
“Instama’ leħen f’Rama,
ilfiq u biki kollu mrar,
Rakel titbekka għal uliedha,
ma tridx taf b’sabar,
għax iżjed mhumiex” (Ġer 31:15).
F’dawn il-ftit versi, Ġeremija
jippreżentalna lil din il-mara mill-poplu tiegħu, il-matrijarka kbira
tat-tribù tagħha, f’realtà ta’ qsim il-qalb u biki, imma flimkien ma’
perspettiva ta’ ħajja li wieħed ma kienx jistħajjel. Rakel, li
fir-rakkont tal-Ġenesi kienet mietet hi u teħles, u kienet ħadet
din il-mewt biex seta’ jgħix binha, issa l-profeta jirrappreżentaha
bħala ħajja f’Rama, hemm fejn kienu jinġemgħu l-imkaxkra
fl-eżilju, qed tibki lil uliedha li f’ċertu sens huma mejta għax
qed jinġarru lejn l-eżilju; ulied li, kif tgħid hi stess,
“m’għadhomx iżjed”, għebu għal dejjem.
U għalhekk Rakel ma tridx min
ifarraġha. Dan ir-rifjut jesprimi kemm hu qawwi l-uġigħ
tagħha u l-imrar ta’ dmugħha. Quddiem it-traġedja ta’ wliedha
mitlufa, omm ma tistax taċċetta kliem jew ġesti ta’ faraġ,
li qatt mhuma f’posthom, qatt ma jistgħu jtaffu t-tbatija ta’
ġerħa li ma tistax u ma tridx tfiq. Tbatija ta’ weġgħa li
hi kbira daqs l-imħabba.
Kull omm tafu dan kollu; u huma ħafna, anki
llum, l-ommijiet li jibku, li ma jirrassenjawx ruħhom għat-telfa ta’
binhom, ma jistgħux jitfarrġu quddiem mewt li impossibbli
jaċċettaw. Rakel tiġbor fiha l-uġigħ tal-qalb
tal-ommijiet kollha tad-dinja, ta’ kull żmien, u d-dmugħ ta’ kull
bniedem li jibki telfiet irreparabbli.
Dan ir-rifjut ta’ Rakel li ma tridx min
ifarraġha jgħallimna wkoll x’delikatezza għandu jkollna quddiem
l-uġigħ ta’ ħaddieħor. Biex lil min hu qalbu maqtugħa
nkellmuh fuq tama, hemm bżonn naqsmu fil-qtigħ il-qalb tiegħu;
biex nixxuttaw demgħa minn fuq wiċċ min qed ibati,
jeħtieġ ngħaqqdu l-biki tagħna ma’ tiegħu. Hekk biss
kliemna jista’ jkun tassew kapaċi jnissel xi ftit tat-tama. U jekk ma nafx
illissen kliem hekk, bil-biki, bl-uġigħ, aħjar inżomm
sieket; iż-żegħila, il-ġest u kliem xejn.
U Alla, bil-ħlewwa u l-imħabba
tiegħu, iwieġeb għall-biki ta’ Rakel bi kliem veru, mhux ta’
biċ-ċajt; fil-fatt hekk ikompli jikteb Ġeremija:
Jgħid il-Mulej – iwieġeb għal dak
il-biki:
“Żomm leħnek ’il bogħod
mill-biki,
għajnejk ’il bogħod mid-dmugħ,
għax hemm ħlas għal
taħbitek,
oraklu tal-Mulej,
għax huma għad jerġgħu lura
minn pajjiż l-għadu.
Hemm tama għall-ġejjieni,
oraklu tal-Mulej,
uliedek għad jerġgħu lejn arthom”
(Ġer 31:16-17).
Propju minħabba f’dak il-biki tal-omm,
għad hemm tama għall-ulied, li għad jerġgħu lura
għall-ħajja. Din il-mara, li kienet aċċettat li tmut,
fil-ħin tal-ħlas, biex binha seta’ jgħix, bil-biki tagħha
issa ssir il-bidu ta’ ħajja ġdida għal uliedha eżiljati,
imjassra, imbiegħda minn arthom. Għall-uġigħ u
għall-biki kollu mrar ta’ Rakel, il-Mulej iwieġeb b’wegħda li
issa tista’ ssir għaliha raġuni ta’ faraġ veru: il-poplu jista’
jerġa’ lura mill-eżilju u fil-fidi, ħieles, jgħix ir-relazzjoni
tiegħu ma’ Alla. Id-dmugħ nissel it-tama. U din mhix ħaġa
ħafifa biex nifhmuha, imma hi minnha. Ħafna drabi, fil-ħajja
tagħna, id-dmugħ jiżra’ t-tama, hu żerriegħa ta’ tama.
Kif nafu, dan it-test ta’ Ġeremija
mbagħad jerġa’ jaqbad fuqu Mattew li japplikah għall-ħerba
tal-innoċenti (ara 2:16-18). Test li jqegħidna quddiem
it-traġedja tal-qtil ta’ bnedmin li m’għandhomx min jiddefendihom,
quddiem il-kruha tal-poter li jżeblaħ u jxejjen il-ħajja.
It-trabi ta’ Betlehem mietu minħabba f’Ġesù. U Hu, il-Ħaruf
innoċenti, imbagħad min-naħa tiegħu kellu jmut għalina
lkoll. L-Iben ta’ Alla daħal fl-uġigħ tat-tbatija tal-bnedmin.
Dan ma rridux ninsewh. Meta xi ħadd idur fuqi u jagħmilli
mistoqsijiet diffiċli, ngħidu aħna: “Għidli, Dun,
għaliex għandhom ibatu t-tfal?”, tassew, jien ma nkunx naf x’naqbad
inwieġbu. Ngħidlu biss: “Ħares lejn il-Kurċifiss: Alla tana
lil Ibnu, hu bata, u forsi hemm issib tweġiba”. Imma tweġibiet minn
hawn
[juri
moħħu] mhux sa
ssib. Huwa biss jekk inħarsu lejn l-imħabba ta’ Alla li jagħti
lil Ibnu li joffri ħajtu għalina, li nistgħu nsibu xi triq ta’
faraġ. U għalhekk ngħidu li l-Iben ta’ Alla daħal
fl-uġigħ u t-tbatija tal-bnedmin; qasam fil-mewt u ħadha fuqu;
Kelmtu hi bla dubju ta’ xejn kelma ta’ faraġ, għax ħierġa
mid-dmugħ.
U fuq is-salib huwa hu, l-Iben li qed imut, li
jagħmel lil ommu mill-ġdid għammiela, meta jafdalha lid-dixxiplu
Ġwanni u jagħmilha omm tal-poplu ta’ dawk li jemmnu. Il-mewt hi
mirbuħa, u hekk titwettaq il-profezija ta’ Ġeremija. Anki
d-dmugħ ta’ Marija, bħal dak ta’ Rakel, nissel tama u ħajja
ġdida. Grazzi.
miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard