Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

 

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2017

 

It-Tama Nisranija –

5. Rakel “tibki lil uliedha”, imma… “hemm tama għall-ġejjieni” (Ġer 31)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi tal-lum nixtieq nikkontempla magħkom figura ta’ mara li tkellimna dwar it-tama li hi għexet fid-dmugħ. It-tama li hi għexet fil-biki. Qed nitkellem dwar Rakel, mart Ġakobb u omm Ġużeppi u Benjamin, dik li, kif jirrakkontalna l-Ktieb tal-Ġenesi, tmut hi biex tagħti d-dawl lit-tieni iben tagħha, Benjamin.

 

Il-profeta Ġeremija jirriferi għal Rakel meta jdur fuq l-Israeliti eżiljati biex ifarraġhom, bi kliem mimli emozzjoni u poeżija; jiġifieri jaqbad id-dmugħ ta’ Rakel, imma biex jagħti t-tama:

 

Hekk jgħid il-Mulej:

“Instama’ leħen f’Rama,

ilfiq u biki kollu mrar,

Rakel titbekka għal uliedha,

ma tridx taf b’sabar,

għax iżjed mhumiex” (Ġer 31:15).

 

F’dawn il-ftit versi, Ġeremija jippreżentalna lil din il-mara mill-poplu tiegħu, il-matrijarka kbira tat-tribù tagħha, f’realtà ta’ qsim il-qalb u biki, imma flimkien ma’ perspettiva ta’ ħajja li wieħed ma kienx jistħajjel. Rakel, li fir-rakkont tal-Ġenesi kienet mietet hi u teħles, u kienet ħadet din il-mewt biex seta’ jgħix binha, issa l-profeta jirrappreżentaha bħala ħajja f’Rama, hemm fejn kienu jinġemgħu l-imkaxkra fl-eżilju, qed tibki lil uliedha li f’ċertu sens huma mejta għax qed jinġarru lejn l-eżilju; ulied li, kif tgħid hi stess, “m’għadhomx iżjed”, għebu għal dejjem.

 

U għalhekk Rakel ma tridx min ifarraġha. Dan ir-rifjut jesprimi kemm hu qawwi l-uġigħ tagħha u l-imrar ta’ dmugħha. Quddiem it-traġedja ta’ wliedha mitlufa, omm ma tistax taċċetta kliem jew ġesti ta’ faraġ, li qatt mhuma f’posthom, qatt ma jistgħu jtaffu t-tbatija ta’ ġerħa li ma tistax u ma tridx tfiq. Tbatija ta’ weġgħa li hi kbira daqs l-imħabba.

 

Kull omm tafu dan kollu; u huma ħafna, anki llum, l-ommijiet li jibku, li ma jirrassenjawx ruħhom għat-telfa ta’ binhom, ma jistgħux jitfarrġu quddiem mewt li impossibbli jaċċettaw. Rakel tiġbor fiha l-uġigħ tal-qalb tal-ommijiet kollha tad-dinja, ta’ kull żmien, u d-dmugħ ta’ kull bniedem li jibki telfiet irreparabbli.

 

Dan ir-rifjut ta’ Rakel li ma tridx min ifarraġha jgħallimna wkoll x’delikatezza għandu jkollna quddiem l-uġigħ ta’ ħaddieħor. Biex lil min hu qalbu maqtugħa nkellmuh fuq tama, hemm bżonn naqsmu fil-qtigħ il-qalb tiegħu; biex nixxuttaw demgħa minn fuq wiċċ min qed ibati, jeħtieġ ngħaqqdu l-biki tagħna ma’ tiegħu. Hekk biss kliemna jista’ jkun tassew kapaċi jnissel xi ftit tat-tama. U jekk ma nafx illissen kliem hekk, bil-biki, bl-uġigħ, aħjar inżomm sieket; iż-żegħila, il-ġest u kliem xejn.

 

U Alla, bil-ħlewwa u l-imħabba tiegħu, iwieġeb għall-biki ta’ Rakel bi kliem veru, mhux ta’ biċ-ċajt; fil-fatt hekk ikompli jikteb Ġeremija:

 

Jgħid il-Mulej – iwieġeb għal dak il-biki:

“Żomm leħnek ’il bogħod mill-biki,

għajnejk ’il bogħod mid-dmugħ,

għax hemm ħlas għal taħbitek,

oraklu tal-Mulej,

għax huma għad jerġgħu lura minn pajjiż l-għadu.

Hemm tama għall-ġejjieni,

oraklu tal-Mulej,

uliedek għad jerġgħu lejn arthom” (Ġer 31:16-17).

 

Propju minħabba f’dak il-biki tal-omm, għad hemm tama għall-ulied, li għad jerġgħu lura għall-ħajja. Din il-mara, li kienet aċċettat li tmut, fil-ħin tal-ħlas, biex binha seta’ jgħix, bil-biki tagħha issa ssir il-bidu ta’ ħajja ġdida għal uliedha eżiljati, imjassra, imbiegħda minn arthom. Għall-uġigħ u għall-biki kollu mrar ta’ Rakel, il-Mulej iwieġeb b’wegħda li issa tista’ ssir għaliha raġuni ta’ faraġ veru: il-poplu jista’ jerġa’ lura mill-eżilju u fil-fidi, ħieles, jgħix ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Id-dmugħ nissel it-tama. U din mhix ħaġa ħafifa biex nifhmuha, imma hi minnha. Ħafna drabi, fil-ħajja tagħna, id-dmugħ jiżra’ t-tama, hu żerriegħa ta’ tama.

 

Kif nafu, dan it-test ta’ Ġeremija mbagħad jerġa’ jaqbad fuqu Mattew li japplikah għall-ħerba tal-innoċenti (ara 2:16-18). Test li jqegħidna quddiem it-traġedja tal-qtil ta’ bnedmin li m’għandhomx min jiddefendihom, quddiem il-kruha tal-poter li jżeblaħ u jxejjen il-ħajja. It-trabi ta’ Betlehem mietu minħabba f’Ġesù. U Hu, il-Ħaruf innoċenti, imbagħad min-naħa tiegħu kellu jmut għalina lkoll. L-Iben ta’ Alla daħal fl-uġigħ tat-tbatija tal-bnedmin. Dan ma rridux ninsewh. Meta xi ħadd idur fuqi u jagħmilli mistoqsijiet diffiċli, ngħidu aħna: “Għidli, Dun, għaliex għandhom ibatu t-tfal?”, tassew, jien ma nkunx naf x’naqbad inwieġbu. Ngħidlu biss: “Ħares lejn il-Kurċifiss: Alla tana lil Ibnu, hu bata, u forsi hemm issib tweġiba”. Imma tweġibiet minn hawn [juri moħħu] mhux sa ssib. Huwa biss jekk inħarsu lejn l-imħabba ta’ Alla li jagħti lil Ibnu li joffri ħajtu għalina, li nistgħu nsibu xi triq ta’ faraġ. U għalhekk ngħidu li l-Iben ta’ Alla daħal fl-uġigħ u t-tbatija tal-bnedmin; qasam fil-mewt u ħadha fuqu; Kelmtu hi bla dubju ta’ xejn kelma ta’ faraġ, għax ħierġa mid-dmugħ.

 

U fuq is-salib huwa hu, l-Iben li qed imut, li jagħmel lil ommu mill-ġdid għammiela, meta jafdalha lid-dixxiplu Ġwanni u jagħmilha omm tal-poplu ta’ dawk li jemmnu. Il-mewt hi mirbuħa, u hekk titwettaq il-profezija ta’ Ġeremija. Anki d-dmugħ ta’ Marija, bħal dak ta’ Rakel, nissel tama u ħajja ġdida. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard