IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 2 ta’ Awwissu 2017

It-Tama Nisranija – 29. Il-Magħmudija: bieb tat-tama

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Kien hemm żmien meta l-knejjes kienu jħarsu lejn il-lvant. Kont tidħol fil-bini mqaddes minn bieb miftuħ lejn il-punent u, meta timxi fil-korsija, issib ruħek tħares lejn il-lvant. Dan kien simbolu importanti għall-bniedem tal-qedem, allegorija li matul l-istorja naqra naqra ġiet fix-xejn. Aħna l-bnedmin ta’ din l-epoka moderna, wisq inqas imdorrija nifhmu s-sinjali kbar tal-kożmu, kważi qatt ma nintebħu b’dettall bħal dan. Il-punent hu l-punt kardinali ta’ nżul ix-xemx, fejn id-dawl imut. Imma l-lvant hu l-post fejn id-dlamijiet jiġu mirbuħa mill-ewwel dawl ta’ sbiħ il-jum u jfakkarna fi Kristu, ix-Xemx li żżurna mill-għoli fuq ix-xefaq tad-dinja tagħna (ara Lq 1:78).

 

Ir-riti qodma tal-Magħmudija kienu jipprevedu li l-katekumeni jagħmlu l-ewwel parti tal-istqarrija tal-fidi tagħhom b’ħarsithom ’il fuq lejn il-punent. U f’dik il-qagħda kienu jiġu mistoqsija: “Tiċħdu lix-Xitan, l-għemil u l-qerq kollu tiegħu?” – U l-Insara futuri kienu jtennu għalenija: “Niċħad!”. Imbagħad kienu jduru lejn l-abside, fid-direzzjoni tal-lvant, mnejn jiġi d-dawl, u l-kandidati għall-Magħmudija kienu jiġu mistoqsija mill-ġdid: “Temmnu f’Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu?”. U din id-darba jwieġbu: “Nemmen!”.

 

Fi żminijietna kważi tlifna l-faxxinu ta’ din ir-rit: tlifna s-sensibbiltà għal-lingwaġġ tal-kożmu. Naturalment baqgħet sħiħa l-istqarrija tal-fidi, magħmula skont dawn il-mistoqsijiet tal-Magħmudija, li huma proprji taċ-ċelebrazzjoni ta’ xi sagramenti. Imma xorta waħda jibqa’ intatt fit-tifsira tiegħu. Xi jfisser li nkunu Nsara? Ifisser li nħarsu lejn id-dawl, li nibqgħu nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna fid-dawl, anki meta d-dinja tkun imgeżwra fil-lejl u fid-dlamijiet.

 

L-Insara mhumiex eżenti mid-dlam, dak estern u dak intern. Ma jgħixux barra mid-dinja, imma, bil-grazzja ta’ Kristu li rċivew fil-Magħmudija, huma rġiel u nisa “orjentati”: ma jemmnux fid-dlam, imma fid-dawl inemnem tal-jum; ma jċedux għal-lejl, imma jittamaw fiż-żerniq ta’ jum ġdid; mhumiex mirbuħa mill-mewt, imma mxennqa għall-qawmien; ma jitgħaffġux taħt il-ħażen, għax jafdaw dejjem fil-possibbiltajiet bla tarf tat-tajjeb. U din hi t-tama Nisranija tagħna. Id-dawl ta’ Ġesù, is-salvazzjoni li jġibilna Ġesù bid-dawl tiegħu li jsalvana mid-dlamijiet.

 

Aħna dawk li jemmnu li Alla hu Missier: dan hu d-dawl! M’aħniex iltiema, għandna Missier, u dan Missierna hu Alla. Nemmnu li Ġesù niżel fostna, mexa fl-istess ħajja tagħna, u fuq kollox sar ħabib tal-iżjed foqra u dgħajfa: dan hu d-dawl! Nemmnu li l-Ispirtu s-Santu jaħdem bla heda għall-ġid tal-bnedmin u tad-dinja, u saħansitra l-ikbar tbatijiet tal-istorja għad jiġu megħluba: din hi t-tama li terġa’ tqajjimna kull filgħodu! Nemmnu li kull relazzjoni ta’ rispett, kull ħbiberija, kull xewqa tajba, kull imħabba, saħanstira l-iċken u l-iżjed imwarrba, jum wieħed għad isibu l-milja tagħhom f’Alla: din hi l-qawwa li tmexxina biex inħaddnu bil-ħeġġa l-ħajja tagħna ta’ kuljum! U din hi t-tama tagħna: ngħixu fit-tama u ngħixu fid-dawl, fid-dawl ta’ Alla l-Missier, fid-dawl ta’ Ġesù l-Feddej, fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu li jmexxina biex nibqgħu għaddejjin ’il quddiem fil-ħajja.

 

Hemm imbagħad sinjal ieħor sabiħ ħafna tal-liturġija tal-Magħmudija li jfakkarna fl-importanza tad-dawl. Fi tmiem ir-rit, lill-ġenituri – jekk tkun tarbija – jew lill-istess imgħammed – jekk ikun adult – tingħatalhom xemgħa, li l-fjamma tagħha tinxtegħel mill-Blandun tal-Għid. Din hi x-xemgħa l-kbira li fid-dawl tal-Għid tidħol fi knisja mitfija għalkollox, biex turi l-misteru tal-Qawmien ta’ Ġesù; minn dik ix-xemgħa jixegħlu x-xemgħat tagħhom u jgħaddu l-fjamma lil ta’ ħdejhom: f’dak is-sinjal il-Qawmien ta’ Ġesù jinfirex bil-mod il-mod fil-ħajjiet tal-Insara kollha. Il-ħajja tal-Knisja – sa nuża kelma xi ftit qawwija – hi kontaminazzjoni ta’ dawl. Aktar ma aħna l-Insara jkollna minn dan id-dawl ta’ Ġesù, aktar ma jkollna mid-dawl ta’ Ġesù fil-ħajja tal-Knisja, aktar tkun ħajja. Il-ħajja tal-Knisja hi kontaminazzjoni ta’ dawl.

 

L-isbaħ eżortazzjoni li nistgħu nagħmlu lil xulxin hi dik li nfakkru dejjem lil xulxin fil-Magħmudija tagħna. Nixtieq nistaqsikom: Kemm minnkom jiftakru d-data tal-Magħmudija tagħhom? Tweġbux issa, għax hawn min jistħi! Aħsbu ftit, u jekk ma tiftakruhiex, illum għandkom x’tagħmlu d-dar: mur għand ommok, għand missierek, għand zitek, għand zijuk, għand nanntek, in-nannu u staqsihom: “Jiena meta tgħammidt?”. U tinsiha qatt iktar! Ċara? Se tagħmluha? Ix-xogħol li għandkom illum hu li titgħallmu jew tiftakru d-data tal-Magħmudija, li hi d-data meta twelidtu mill-ġdid, hi d-data tad-dawl, hi d-data li fiha – ippermettuli l-kelma – aħna ġejna kkontaminati mid-dawl ta’ Kristu. Aħna twelidna darbtejn: l-ewwel darba għall-ħajja naturali, it-tieni, grazzi għal-laqgħa tagħna ma’ Kristu, fil-Fonti tal-Magħmudija. Hemm mitna għall-mewt, biex ngħixu ta’ wlied Alla f’din id-dinja. Hemm sirna bnedmin b’mod li qatt ma stħajjilna. Hu għalhekk li aħna lkoll jeħtieġ inxerrdu l-fwieħa tal-Griżma, li biha aħna ġejna mmarkati fil-jum tal-Magħmudija tagħna. Fina jgħix u jaħdem l-Ispirtu ta’ Ġesù, l-ewwel wieħed fost ħafna aħwa, fost dawk kollha li jeħduha kontra l-qawwa tad-dlam u l-mewt.

 

Xi grazzja meta Nisrani jsir tassew “Kristofru”, jiġifieri li “nwasslu lil Ġesù” fid-dinja! Fuq kollox lil dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ luttu, ta’ qtigħ il-qalb, ta’ dlam u ta’ mibegħda. U dan nifhmuh minn ħafna dettalji żgħar: mid-dawl li Nisrani jġorr fi ħbub għajnejh, mill-isfond ta’ serenità li lanqas fl-iktar ġranet ikkumplikati ma tħossha mhedda, fix-xewqa li nerġgħu nħobbu mqar meta nkunu doqna ħafna delużjonijiet. Fil-ġejjieni, meta għad tinkiteb l-istorja ta’ jiemna, x’sa jgħidu fuqna? Li konna kapaċi nittamaw, jew li ħbejna d-dawl tagħna taħt il-modd? Jekk nibqgħu fidili għall-Magħmudija tagħna, inkunu nxerrdu d-dawl tat-tama. Il-Magħmudija hi l-bidu tat-tama, dik it-tama ta’ Alla, u hekk inkunu nistgħu ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin ir-raġuni għall-ħajja tagħhom.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard