|
IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu
VI
L-Erbgħa 2 ta’ Awwissu
2017
It-Tama Nisranija
– 29.
Il-Magħmudija:
bieb tat-tama
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Kien hemm żmien meta l-knejjes kienu
jħarsu lejn il-lvant. Kont tidħol fil-bini mqaddes minn bieb
miftuħ lejn il-punent u, meta timxi fil-korsija, issib ruħek tħares
lejn il-lvant. Dan kien simbolu importanti għall-bniedem tal-qedem,
allegorija li matul l-istorja naqra naqra ġiet fix-xejn. Aħna
l-bnedmin ta’ din l-epoka moderna, wisq inqas imdorrija nifhmu s-sinjali kbar
tal-kożmu, kważi qatt ma nintebħu b’dettall bħal dan.
Il-punent hu l-punt kardinali ta’ nżul ix-xemx, fejn id-dawl imut. Imma
l-lvant hu l-post fejn id-dlamijiet jiġu mirbuħa mill-ewwel dawl ta’
sbiħ il-jum u jfakkarna fi Kristu, ix-Xemx li żżurna mill-għoli
fuq ix-xefaq tad-dinja tagħna (ara Lq 1:78).
Ir-riti qodma tal-Magħmudija kienu
jipprevedu li l-katekumeni jagħmlu l-ewwel parti tal-istqarrija tal-fidi
tagħhom b’ħarsithom ’il fuq lejn il-punent. U f’dik il-qagħda
kienu jiġu mistoqsija: “Tiċħdu lix-Xitan, l-għemil u l-qerq
kollu tiegħu?” – U l-Insara futuri kienu jtennu għalenija:
“Niċħad!”. Imbagħad kienu jduru lejn l-abside, fid-direzzjoni
tal-lvant, mnejn jiġi d-dawl, u l-kandidati għall-Magħmudija
kienu jiġu mistoqsija mill-ġdid: “Temmnu f’Alla l-Missier, l-Iben u
l-Ispirtu s-Santu?”. U din id-darba jwieġbu: “Nemmen!”.
Fi żminijietna kważi tlifna l-faxxinu
ta’ din ir-rit: tlifna s-sensibbiltà għal-lingwaġġ
tal-kożmu. Naturalment baqgħet sħiħa l-istqarrija tal-fidi,
magħmula skont dawn il-mistoqsijiet tal-Magħmudija, li huma proprji
taċ-ċelebrazzjoni ta’ xi sagramenti. Imma xorta waħda jibqa’
intatt fit-tifsira tiegħu. Xi jfisser li nkunu Nsara? Ifisser li
nħarsu lejn id-dawl, li nibqgħu nagħmlu l-istqarrija tal-fidi
tagħna fid-dawl, anki meta d-dinja tkun imgeżwra fil-lejl u
fid-dlamijiet.
L-Insara mhumiex eżenti mid-dlam, dak
estern u dak intern. Ma jgħixux barra mid-dinja, imma, bil-grazzja ta’
Kristu li rċivew fil-Magħmudija, huma rġiel u nisa “orjentati”:
ma jemmnux fid-dlam, imma fid-dawl inemnem tal-jum; ma jċedux
għal-lejl, imma jittamaw fiż-żerniq ta’ jum ġdid; mhumiex
mirbuħa mill-mewt, imma mxennqa għall-qawmien; ma
jitgħaffġux taħt il-ħażen, għax jafdaw dejjem
fil-possibbiltajiet bla tarf tat-tajjeb. U din hi t-tama Nisranija tagħna.
Id-dawl ta’ Ġesù, is-salvazzjoni li jġibilna Ġesù bid-dawl
tiegħu li jsalvana mid-dlamijiet.
Aħna dawk li jemmnu li Alla hu Missier: dan
hu d-dawl! M’aħniex iltiema, għandna Missier, u dan Missierna hu
Alla. Nemmnu li Ġesù niżel fostna, mexa fl-istess ħajja
tagħna, u fuq kollox sar ħabib tal-iżjed foqra u dgħajfa:
dan hu d-dawl! Nemmnu li l-Ispirtu s-Santu jaħdem bla heda
għall-ġid tal-bnedmin u tad-dinja, u saħansitra l-ikbar
tbatijiet tal-istorja għad jiġu megħluba: din hi t-tama li
terġa’ tqajjimna kull filgħodu! Nemmnu li kull relazzjoni ta’ rispett,
kull ħbiberija, kull xewqa tajba, kull imħabba, saħanstira
l-iċken u l-iżjed imwarrba, jum wieħed għad isibu l-milja tagħhom
f’Alla: din hi l-qawwa li tmexxina biex inħaddnu bil-ħeġġa
l-ħajja tagħna ta’ kuljum! U din hi t-tama tagħna: ngħixu
fit-tama u ngħixu fid-dawl, fid-dawl ta’ Alla l-Missier, fid-dawl ta’
Ġesù l-Feddej, fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu li jmexxina biex nibqgħu għaddejjin
’il quddiem fil-ħajja.
Hemm imbagħad sinjal ieħor sabiħ
ħafna tal-liturġija tal-Magħmudija li jfakkarna fl-importanza
tad-dawl. Fi tmiem ir-rit, lill-ġenituri – jekk tkun tarbija – jew
lill-istess imgħammed – jekk ikun adult – tingħatalhom xemgħa,
li l-fjamma tagħha tinxtegħel mill-Blandun tal-Għid. Din hi
x-xemgħa l-kbira li fid-dawl tal-Għid tidħol fi knisja mitfija
għalkollox, biex turi l-misteru tal-Qawmien ta’ Ġesù; minn dik
ix-xemgħa jixegħlu x-xemgħat tagħhom u jgħaddu
l-fjamma lil ta’ ħdejhom: f’dak is-sinjal il-Qawmien ta’ Ġesù
jinfirex bil-mod il-mod fil-ħajjiet tal-Insara kollha. Il-ħajja
tal-Knisja – sa nuża kelma xi ftit qawwija – hi kontaminazzjoni ta’ dawl.
Aktar ma aħna l-Insara jkollna minn dan id-dawl ta’ Ġesù, aktar ma
jkollna mid-dawl ta’ Ġesù fil-ħajja tal-Knisja, aktar tkun
ħajja. Il-ħajja tal-Knisja hi kontaminazzjoni ta’ dawl.
L-isbaħ eżortazzjoni li nistgħu
nagħmlu lil xulxin hi dik li nfakkru dejjem lil xulxin fil-Magħmudija
tagħna. Nixtieq nistaqsikom: Kemm minnkom jiftakru d-data
tal-Magħmudija tagħhom? Tweġbux issa, għax hawn min
jistħi! Aħsbu ftit, u jekk ma tiftakruhiex, illum għandkom
x’tagħmlu d-dar: mur għand ommok, għand missierek, għand
zitek, għand zijuk, għand nanntek, in-nannu u staqsihom: “Jiena meta
tgħammidt?”. U tinsiha qatt iktar! Ċara? Se tagħmluha?
Ix-xogħol li għandkom illum hu li titgħallmu jew tiftakru d-data
tal-Magħmudija, li hi d-data meta twelidtu mill-ġdid, hi d-data
tad-dawl, hi d-data li fiha – ippermettuli l-kelma – aħna ġejna
kkontaminati mid-dawl ta’ Kristu. Aħna twelidna darbtejn: l-ewwel darba
għall-ħajja naturali, it-tieni, grazzi għal-laqgħa
tagħna ma’ Kristu, fil-Fonti tal-Magħmudija. Hemm mitna
għall-mewt, biex ngħixu ta’ wlied Alla f’din id-dinja. Hemm sirna
bnedmin b’mod li qatt ma stħajjilna. Hu għalhekk li aħna lkoll
jeħtieġ inxerrdu l-fwieħa tal-Griżma, li biha aħna
ġejna mmarkati fil-jum tal-Magħmudija tagħna. Fina jgħix u
jaħdem l-Ispirtu ta’ Ġesù, l-ewwel wieħed fost ħafna
aħwa, fost dawk kollha li jeħduha kontra l-qawwa tad-dlam u l-mewt.
Xi grazzja meta Nisrani jsir tassew “Kristofru”,
jiġifieri li “nwasslu lil Ġesù” fid-dinja! Fuq kollox lil dawk li
għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ luttu, ta’ qtigħ il-qalb, ta’
dlam u ta’ mibegħda. U dan nifhmuh minn ħafna dettalji
żgħar: mid-dawl li Nisrani jġorr fi ħbub għajnejh,
mill-isfond ta’ serenità li lanqas fl-iktar ġranet ikkumplikati ma
tħossha mhedda, fix-xewqa li nerġgħu nħobbu mqar meta nkunu
doqna ħafna delużjonijiet. Fil-ġejjieni, meta għad tinkiteb
l-istorja ta’ jiemna, x’sa jgħidu fuqna? Li konna kapaċi nittamaw,
jew li ħbejna d-dawl tagħna taħt il-modd? Jekk nibqgħu
fidili għall-Magħmudija tagħna, inkunu nxerrdu d-dawl tat-tama. Il-Magħmudija
hi l-bidu tat-tama, dik it-tama ta’ Alla, u hekk inkunu nistgħu
ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin ir-raġuni għall-ħajja
tagħhom.
miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard